2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/13


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/67/UE

tal-1 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex l-abamektina tiġi inkluża bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-abamektina.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, l-abamektina ġiet evalwata skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

Il-Pajjiżi l-Baxxi nħatru bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqu r-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ġunju 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali fit-18 ta' Frar 2011, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(5)

Mill-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra u li fihom l-abamektina jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għaldaqstant huwa xieraq li l-abamektina tiddaħħal fl-Anness I għal dik id-Direttiva.

(6)

Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk l-użi u x-xenarji ta' esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(7)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għas-sediment meta prodotti jintużaw b'ċerta rata ta' applikazzjoni u jiġu rilaxxati f'impjant ta' trattament tad-drenaġġ, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-prodotti ma jiġux awtorizzati għal tali użi, sakemm ma tiġix ippreżentata dejta li turi li l-prodott se jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kemm tal-Anness VI għaliha, jekk ikun meħtieġ bl-applikazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji.

(8)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta' valutazzjoni, huwa xieraq li jkun meħtieġ li miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji jiġu applikati fil-livell tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti. B'mod partikolari, fid-dawl tar-riskji possibbli għat-trabi u t-tfal, għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji sabiex jiġi mminimizzat l-esponiment potenzjali għat-trabi u t-tfal.

(9)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva abamektina u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b'mod ġenerali.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(11)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(12)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2012.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

“43

Abamektina

L-abamektina hija taħlita ta' avermektina B1a u avermektina B1b

 

Abamektina:

 

Isem IUPAC: [mhux applikabbli]

 

Nru tal-KE: [mhux applikabbli]

 

Nru tal-CAS: 71751-41-2

 

Avermektina B1a:

 

Isem IUPAC: (10E,14E,16E,22Z)-(1R,4S,5'S,6S,6'R,8R,12S,13S,20R,21R,24S)-6'-[(S)-sekbutil]-21,24-diidrossi-5',11,13,22-tetrametil-2-osso-3,7,19-triossatetraċiklo[15.6.1.14,8.020,24]pentakoża-10,14,16,22-tetraen-6-spiro-2'-(5',6'-diidro-2'H-piran)-12-il 2,6-dideossi-4-O-(2,6-dideossi-3-O-metil-α-L-arabino-eżopiranosil)-3-O-metil-α-L-arabinoeżopiranosid

 

Nru tal-KE: 265-610-3

 

Nru tal-CAS: 65195-55-3

 

Avermektinm B1b:

 

Isem IUPAC: (10E,14E,16E,22Z)-(1R,4S,5'S,6S,6'R,8R,12S,13S,20R,21R,24S)-21,24-diidrossi-6'-isopropil-5',11,13,22-tetrametil-2-osso-3,7,19-triossatetraċiklo[15.6.1.14,8.020,24]pentakoża-10,14,16,22-tetraen-6-spiro-2'-(5',6'-diidro-2'H-piran)-12-il 2,6-dideossi-4-O-(2,6-dideossi-3-O-metil-α-L-arabino-eżopiranonol)-3-O-metil-α-L-arabinoeżopiranosid

 

Nru tal-KE: 265-611-9

 

Nru tal-CAS: 65195-56-4

Is-sustanza attiva għandha tikkonforma mal-puritajiet kollha li ġejjin:

 

Abamektina:

minimu 900 gm/kg.

 

Avermektina B1a:

minimu 830 gm/kg.

 

Avermektinm B1b:

massimu 80 gm/kg;

l-l-1 ta’ Lulju 2013

it-30 ta' Ġunju 2015

it-30 ta' Ġunju 2023

18

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, meta rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

Prodotti applikati b'tali mod li l-emissjoni għal impjant tat-trattament tad-drenaġġ ma tkunx tista' tiġi evitata ma għandhomx jiġu awtorizzati għal dawk ir-rati ta' applikazzjonijiet li għalihom il-valutazzjoni tar-riskji tal-Unjoni tkun uriet riskji mhux aċċettabbli, sakemm ma tiġix ippreżentata dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u l-Anness VI, jekk ikun meħtieġ bl-applikazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji.

L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal miżuri xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskji. B'mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji biex ikun minimizzat l-esponiment potenzjali tat-trabi u t-tfal.”


(*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm