29.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 348/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Novembru 2011

dwar ir-reviżjoni tal-miri li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 348/01

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu;

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, jipprovdi għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali mill-Istat(i) Membru/i, li jinkludu miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali li jiżguraw konsistenza mal-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konsistenza tal-miri stabbiliti fuq livell nazzjonali u fuq livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali mal-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha.

(2)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li toħroġ Rakkomandazzjoni lill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) sabiex jadotta(w) il-miri ta’ prestazzjoni riveduti.

(3)

Fid-29 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni nnominat Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 biex jassistiha fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni.

(4)

Għall-iffissar tal-miri stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali, il-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha għas-snin 2012 sa 2014 ġew adottati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE (2). Dawn il-miri jirrigwardaw l-oqsma ewlenin tal-prestazzjoni, li huma l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza. Madankollu, l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jiffissaw miri vinkolanti fl-oqsma tas-sikurezza u l-ambjent matul l-ewwel perjodu ta’ referenza.

(5)

Sal-5 ta' Lulju 2011, l-Istati Membri kkomunikaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni, inkluż pjan ippreżentat b'mod konġunt mill-Belġju u l-Lussemburgu. Id-Danimarka u l-Isvezja kkomunikaw lill-Kummissjoni pjan f'isem il-blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali tagħhom (FAB (Functional Airspace Block) tad-Danimarka u l-Isvezja). Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvizzera kkomunikaw lill-Kummissjoni pjan f'isem il-blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali tagħhom (FABEC).

(6)

F'Lulju u Awwissu 2011, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni assista lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali u fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali u fl-20 ta’ Settembru 2011 ħareġ rapport ta' valutazzjoni għall-Kummissjoni.

(7)

Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni kkunsidra s-suppożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/121/UE, l-informazzjoni disponibbli pubblikament jew disponibbli fil-Eurocontrol kif ukoll informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri fil-pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali u fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(8)

Filwaqt li kkunsidrat l-għanijiet dominanti tas-sikurezza, il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni u l-miri stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali li saret mill-Kummissjoni ġiet ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 691/2010, b'mod partikolari s-sitwazzjoni kumplessiva ta' kull Stat Membru, skont il-paragrafu 1(b) ta' dak l-Anness. Il-valutazzjoni ma tikkunsidrax biss il-miri ta' prestazzjoni meħtieġa bir-Regolament (UE) Nru 691/2010, iżda wkoll l-indikaturi l-oħra ta' prestazzjoni jew miri li jistgħu jinsabu fil-pjanijiet bħala riżultat ta’ inizjattivi stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(9)

L-Istati Membri għandhom jadottaw miri ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali riveduti u miżuri xierqa biex jilħqu dawk il-miri f'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

(10)

Ir-reviżjoni tal-miri tal-kapaċità għandha tikkunsidra l-interazzjoni mal-Maniġer tan-Netwerk u l-appoġġ li jingħata minnu.

(11)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 (3), l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rati ta’ unità għall-perjodu ta' referenza abbażi tal-pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, inklużi l-miri tal-kosteffiċjenza stabbiliti f’dawn il-pjanijiet, sal-1 ta’ Novembru 2011. Jekk il-miri tal-kosteffiċjenza riveduti jiġu adottati wara l-1 ta’ Novembru 2011, ir-rati ta’ unità għall-perjodu ta’ referenza għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid abbażi tal-miri tal-kosteffiċjenza finali adottati.

(12)

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, għadd ta' mexxejja tal-Istati Membri diġà indikaw l-intenzjoni tagħhom li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadottaw miri ta’ prestazzjoni riveduti f'konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni kif espressi f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(13)

Meta l-miri ta’ prestazzjoni riveduti jiġu evalwati għall-konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010, din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi kkunsidrata kif xieraq.

(14)

Il-Kummissjoni kkonsultat l-Istati Membri kkonċernati minn din ir-Rakkomandazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

(15)

Il-miżuri pprovduti f’din ir-Rakkomandazzjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li wara li tikkunsidra l-valutazzjonijiet imwettqa mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni u r-riżultati tal-kuntatti skont il-paragrafu 5, titlob lill-Istati Membri jadottaw, kif meħtieġ u/jew kif ikun xieraq, miri ta’ prestazzjoni riveduti fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-pjan tal-blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali sabiex ikunu konsistenti ma', u jikkontribwixxu b'mod adegwat għall-miri ta’ prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha adottati bid-Deċiżjoni 2011/121/UE għas-snin 2012 sal-2014 (minn issa 'l quddiem, il-perjodu ta' referenza).

2.

Abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta' valutazzjoni tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li:

(a)

il-miri tal-kapaċità stabbiliti mill-Greċja, Spanja, l-Awstrija, il-Polonja u r-Renju Unit fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom mhumiex konsistenti mal-miri tal-Unjoni Ewropea kollha u ma jikkontribwixxux għalihom b'mod adegwat.

(b)

il-mira tal-kapaċità stabbilita mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi fil-pjan għall-Blokka tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (FABEC) mhijiex konsistenti mal-miri tal-Unjoni Ewropea kollha u ma jikkontribwixxux għalihom b'mod adegwat;

(c)

il-miri tal-kosteffiċjenza stabbiliti mill-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja (għaż-żona tagħha ta’ imposti en route kontinentali), Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom mhumiex konsistenti mal-miri tal-Unjoni Ewropea kollha u ma jikkontribwixxux għalihom b'mod adegwat;

3.

Meta jadottaw miri ta’ prestazzjoni riveduti, l-Istati Membri kkonċernati huma mitluba jiżguraw li r-Rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni jiġu kkunsidrati.

Partikolarment, wara li ttieħdet nota taċ-ċirkostanzi ta' kull Stat Membru:

(a)

Il-Greċja, Spanja, il-Polonja, l-Awstrija u r-Renju Unit għandhom itejbu l-miri tal-kapaċità tagħhom biex sal-2014 jilħqu livell daqs jew aktar baxx mill-valuri ta’ referenza li ġejjin (il-valuri kif ikkalkulati mill-Eurocontrol u użati fir-rapport ta' valutazzjoni tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni):

Il-Greċja: 0,26 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira

Spanja: 0,31 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira

Il-Polonja: 0,26 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira

L-Awstrija: 0,23 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira

Ir-Renju Unit: 0,27 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira

(b)

Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom itejbu l-mira tal-kapaċità għall-FABEC biex sal-2014 din tilħaq livell daqs jew aktar baxx mill-valur ta’ referenza ta' 0,4 ta’ minuta dewmien medju għal kull titjira;

(c)

L-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 2 c) għandhom jieħdu kull opportunità biex itejbu iktar il-miri tal-kosteffiċjenza fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali matul il-perjodu ta’ referenza, partikolarment rigward l-evoluzzjoni tal-kuntest ġenerali, it-tnaqqis tal-ispiża tal-kapital u l-ispejjeż ta' appoġġ (spejjeż oħra għajr dawk għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f'operazzjoni), iż-żieda fil-produttività u fir-razzjonalizzazzjoni tal-investimenti fil-kuntest tal-istabbiliment tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(d)

Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, Malta, l-Awstrija, is-Slovakkja, il-Finlandja u r-Renju Unit għandhom jirrevedu s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-primjum tar-riskju u, konsegwentement, id-dħul fuq l-ekwità, u għandhom jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet għaż-żidiet sinifikanti fl-ispiża tal-kapital;

(e)

Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, u r-Renju Unit għandhom jivvalutaw mill-ġdid id-daqs u l-ħtieġa għall-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni fuq il-perjodu ta' referenza, filwaqt li jikkunsidraw l-opportunità għar-razzjonalizzazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jew ta’ proġetti reġjonali.

4.

Barra mir-Rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3:

(a)

L-Istati Membri huma mitluba biex, fil-pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali, jispeċifikaw il-kontribuzzjoni tal-investimenti fuq il-perjodu ta' referenza għall-miri ta’ prestazzjoni u l-impatt fuqhom billi jipprovdu referenzi għal każijiet tan-negozju u/jew analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji u deskrizzjoni tar-rilevanza tagħhom b’relazzjoni mal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, partikolarment safejn huwa kkonċernat l-iskjerament tal-ewwel pakkett ta' implimentazzjoni (IP1). Din l-informazzjoni għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni li tinsab fil-pjanijiet tan-negozju tal-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru kif speċifikat fil-paragrafu (b) tat-Taqsima 2.2 tal-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 (4).

(b)

L-Istati Membri huma mitluba jipprovdu s-suppożizzjonijiet u l-ġustifikazzjoni biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż li jistgħu jitqiesu li m'hemmx kontroll fuqhom skont l-Artikolu 11a (8) tar-Regolament (KE) Nru 1794/2006, bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-aġġustamenti meħtieġa fi tmiem il-perjodu ta’ referenza.

(c)

L-Istati Membri ta’ blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali, flimkien mal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, li ma adottawx pjan ta’prestazzjoni b’miri fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali, huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni, għal skop ta’ informazzjoni, il-miri ta’ prestazzjoni aggregati fejn jenfasizzaw il-konsistenza fuq livell ta' blokka tal-ispazju tal-ajru funzjonali mal-miri ta’ prestazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kif speċifikat fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

5.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, biħsiebha ssegwi din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta' kuntatti bilaterali u/jew kuntatti multilaterali mal-Istati Membri.

6.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 16.

(3)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(4)  ĠU L 335, 21.12.2005, p. 13.