22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Portugall

2011/C 216/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ linji ta’ politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar Linji Gwida għal-linji ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (1), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ex ante u integrata, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma, l-impenji u l-azzjonijiet speċifiċi għall-2011 mhumiex ikkomunikati b'mod espliċitu iżda huma mistennija li jitressqu lill-Kunsill Ewropew.

(6)

Fit-23 ta' Marzu 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm ta' Stabbiltà għall-2011-2014 lill-parlament nazzjonali, li rrifjutah. Fid-19 ta' April 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm Nazzjonali ta' Riforma. Il-Memorandum ta' Qbil iffirmat fis-17 ta' Mejju 2011 ħa post ix-xenarji makroekonomiċi u fiskali proposti kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika.

(7)

Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE li għamlet disponibbli għall-Portugall assistenza finanzjarja għal terminu medju għall-perijodu ta' tliet snin 2011-2014 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 (2) li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanja iffirmat fl-istess ġurnata u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li abbażi tagħhom tiġi żburżata l-assistenza finanzjarja.

(8)

Fl-2010, il-PDG tal-Portugall kiber b'rata ta' 1,3 %. Madankollu, minbarra li kien dovut għal tkabbir qawwi fl-esportazzjoni, dan it-tkabbir pożittiv kien dovut ukoll għal fatturi eċċezzjonali li taw spinta lill-konsum privat. L-iżviluppi tal-prezzijiet u tal-kostijiet indikaw biċ-ċar li ma kienux biżżejjed biex jagħtu spinta lill-kompetittività f'rata mgħaġġla biżżejjed sabiex jirrimedjaw id-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu, li kien jilħaq l-10 % tal-PDG fl-2010. L-ekonomija ġeneralment dgħajfa u ż-żieda qawwija fil-qgħad (11,2 % fl-aħħar tal-2010) wasslu għal defiċits kbar tal-gvern, li qabżu l-10 % tal-PDG fl-2009 u d-9 % fl-2010, ‘il fuq minn 3,5 % fl-2008. L-iżviluppi sfavorevoli fil-finanzi pubbliċi assoċjati ma’ antiċipazzjoni mwiegħra għat-tkabbir ekonomiku wasslu, reċentement, għal deterjorazzjoni fil-kunfidenza u pressjonijiet jogħlew fis-swieq tal-bonds tal-gvern, u ġabu tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Wara twaqqigħ fl-ikklassifikar ta' bonds Portuġiżi għal diversi drabi konsekuttivi mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, il-pajjiż ma setax jiffinanzja mill-ġdid lilu nnifsu b'rati li huma kompatibbli ma' sostenibbiltà fiskali fuq terminu twil. Fl-istess ħin, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna fuq il-finanzjament estern, l-iktar fiż-żona tal-euro, kien dejjem iktar maqtugħ mill-finanzjament tas-swieq.

(9)

Il-Portugall għamel impenn li jimplimenta programm ta' aġġustament finanzjarju bl-għan li terġa' tinkiseb fiduċja fis-settur sovran u f'dak bankarju u li japppoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Dan jipprevedi azzjoni kompensiva minn tliet direzzjonijiet: (i) strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali li hija bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strutturali u kontroll fiskali aħjar; (ii) riformi strutturali radikali u proattivi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti; u (iii) sforzi sabiex is-settur finanzjarju jitħares minn diżingranar disorganizzat permezz ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq appoġġati minn faċilitajiet ta' riżerva.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Pragramm Nazzjonali ta' Riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tiegħu għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Portugall iżda wkoll kemm jikkonforma mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati f'konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall:

Jimplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE u li huma speċifikati aktar fil-Memorandum ta' Qbil tas-17 ta' Mejju 2011 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(2)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.