21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 ta' Malta u li tagħti Opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm tal-Istabbiltà aġġornat ta' Malta 2011-2014

2011/C 215/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika integrata u ex ante, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, fit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipanti fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fit-28 ta’ April 2011, Malta ressqet il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tagħha u, fid-29 ta’ April 2011, il-Programm ta' Stabbiltà 2011 tagħha li jkopri l-perjodu 2011-2014. Sabiex jitqiesu l-konnessjonjiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Kif faqqgħet il-kriżi ekonomika, l-esportazzjonijiet u l-investiment naqsu b'mod drastiku, filwaqt li l-PDG reali ċkien b'3,4 % fl-2009. L-impjiegi naqsu bi ftit, appoġġati wkoll b'assistenza mill-gvern. Fl-2010 l-esportazzjonijiet u l-investiment tan-negozju rpiljaw u konsegwentement Malta fl-2010 esperjenzat irkupru importanti fl-attività ekonomika u tnaqqis żgħir fil-qgħad. Minħabba d-dejn pubbliku għoli (fl-2008 dan kien jammonta għal 61,5 % tal-PDG), il-gvern ma wettaqx stimolu fiskali sostanzjali u d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2009 (3,7 % tal-PDG) baqa' taħt il-livell globali taż-żona tal-euro. Fl-2010, id-defiċit fiskali u l-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern baqgħu stabbli b'mod ġenerali.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa kemmxejn favorevoli, speċjalment lejn l-aħħar snin tal-perjodu tal-Programm ta’ Stabbiltà. L-għan tal-Programm ta' Stabbiltà huwa li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitnaqqas minn 3,6 % tal-PDG fl-2010, għal taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat sal-2011. Minn hemm 'il quddiem, il-progress gradwali lejn l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) ta' pożizzjoni bbilinċjata f'termini strutturali għandu jkun appoġġat bl-impenn tal-iżgurar ta' konsolidazzjoni sostenibbli, ibbażata l-aktar fuq in-nefqa. Madankollu, il-Programm ta' Stabbiltà ma jipprevedix il-ksib tal-OTM fi ħdan il-limitu taż-żmien previst tal-Programm ta' Stabbiltà. Il-proporzjon tad-dejn huwa pproġettat li jonqos mill-ogħla punt tiegħu tal-2010 ta' 68 % tal-PDG, għal 63,7 % fl-2014, minħabba bilanċ primarju pożittiv li qed jissaħħaħ. L-isforz ta' aġġustament medju annwali għall-perjodu 2012-14, kif ikkalkolat mill-Kummissjoni, huwa konformi b'mod ġenerali mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, l-eżiti baġitarji jistgħu jmorru agħar milli kif intenzjonati minħabba l-possibbiltà ta' eċċessi fin-nefqa u nuqqas ta' informazzjoni dwar il-miżuri li jiffurmaw il-bażi tal-isforz tal-konsolidazzjoni wara l-2011.

(9)

Għal Malta hija sfida ewlenija li tfittex il-konsolidazzjoni fiskali bil-għan tal-ksib tal-OTM. Għalkemm il-baġit għall-2011 stabbilixxa miżuri li jikkoreġu d-defiċit eċċessiv fl-2011, se jkun hemm il-ħtieġa ta' azzjoni addizzjonali f'każ ta' nuqqasijiet. Il-kredibbiltà tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni fuq terminu medju, li għadha mhix appoġġata minn miżuri konkreti, għandha tittejjeb permezz ta' qafas multiannwali aktar sod. Dgħufija prinċipali tinsab fin-natura mhux vinkolanti tal-miri multiannwali, li jimplika perspettiva ta' ppjanar fiskali relattivament qasira. Il-Programm ta' Stabbiltà jiddikjara li qed tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' regola dwar in-nefqa.

(10)

Skont l-aħħar evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidher li huma għoljin, minħabba li l-impatt baġitarju tax-xjuħija fuq terminu twil, inklużi l-pensjonijiet huwa ogħla b'mod sinifikanti f'Malta milli l-medja tal-UE. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema aktar anzjani hija baxxa ħafna, minħabba l-età tal-irtirar li għadha relattivament baxxa, ir-rikors ta' spiss għal skemi tal-irtirar bikri u l-parteċipazzjoni baxxa ħafna ta' nisa mdaħħlin fl-età. Ir-riforma tal-2006 fil-pensjonijiet iżżid l-età tal-irtirar, għalkemm bil-mod ħafna, u tindirizza l-adegwatezza tal-pensjonijiet tal-futur, b'mod partikolari permezz ta' arranġamenti tal-indiċjar aktar ġenerużi u l-introduzzjoni ta' pensjoni minima nazzjonali garantita. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jirrapporta dwar il-konsultazzjoni għaddejja bħalissa fuq il-proposti għal riforma oħra fil-pensjonijiet li tressqu mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet, li jinkludu l-istabbiliment ta' rabta espliċita bejn l-età tal-irtirar u l-medja tal-għomor tal-ħajja u l-introduzzjoni ta’ tieni pilastru tal-pensjonijiet obbligatorju u tielet pilastru volontarju. Madankollu, l-Programm Nazzjonali ta' Riforma ma jressaqx strateġija komprensiva tax-xjuħija attiva bħala akkumpanjament għat-tibdiliet għaddejjin bħalissa u dawk previsti. Xogħol mhux iddikjarat jirrappreżenta riskju għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Il-gvern jippreżenta xi miżuri biex din il-problema tiġi indirizzata fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma, iżda ma hemm l-ebda proposta għar-reviżjoni tas-sistema tal-benefiċċju fuq it-taxxa li twassal sabiex ix-xogħol irendi. Sfida oħra għal Malta hija l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, minħabba li r-rata tal-impjieg tagħha tan-nisa hija l-aktar waħda baxxa fl-UE. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma l-gvern ressaq għadd sostanzjali ta' inizjattivi mmirati għall-ħaddiema nisa. L-implimentazzjoni u l-impatt tagħhom għandhom jiġu evalwati fl-2012.

(11)

Fis-snin reċenti, Malta esperjenzat ristrutturar industrijali intensiv billi l-manifattura tradizzjonali li tirrikjedi ħafna ħaddiema ġiet sostitwita b'attivitajiet ġodda li għandhom valur miżjud għoli. Dan wassal għal diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, li tindika l-bżonn li jingħataw il-ħiliet meħtieġa mis-setturi l-ġodda, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni għolja, bil-għan li l-bażi ekonomika ta' Malta tkun diversifikata aktar.

(12)

Malta għandha l-ogħla rata ta' tluq bikri mill-iskola fl-UE, li kienet 36,8 % fl-2009 meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 14,4 %. Il-pajjiż irreġistra wkoll sehem baxx ta' nies tal-etajiet ta' bejn it-30-34 sena b'livell ta' edukazzjoni terzjarja jew l-ekwivalenti (21,1 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 32,3 % fl-2009). Malta timmira li tnaqqas il-perċentwal tat-tluq bikri mill-iskola għal 29 % u żżid is-sehem tal-edukazzjoni terzjarja jew l-ekwivalenti għall-persuni tal-etajiet bejn it-30-34 għal 33 % sal-2020. Fl-2011 hija introduċiet miżuri li jiggwidaw lil dawk it-tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien lejn karrieri interessanti permezz tat-taħriġ edukazzjonali vokazzjonali jew ta' opportunitajiet ta' tagħlim li jagħtuhom it-tieni ċans.

(13)

Malta hija waħda mill-ftit Stati Membri tal-UE b'mekkaniżmu ta' indiċjar tal-pagi ġeneralizzat. Żidiet fil-pagi huma marbuta mal-mekkaniżmu tal-aġġustament obbligatorju għall-għoli tal-ħajja (Cost of Living Adjustment – COLA) li jirriżulta f'żidiet fil-pagi f'konformità mal-iżviluppi fl-inflazzjoni tal-passat għalkemm huma proporzjonalment ogħla fuq in-naħa l-baxxa tal-ispettru tal-pagi. Flimkien mal-paga minima, dan l-aġġustament jista' jxekkel aktar il-kompetittività tas-setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Il-kwistjoni hija ta' importanza b'mod partikolari minħabba ż-żidiet ta' dan l-aħħar fil-prezzijiet tal-enerġija, li jistgħu jwasslu għal żidiet fil-prezz tal-pagi.

(14)

Malta tiddependi kważi kompletament fuq l-importazzjoni taż-żejt għall-enerġija, u dan jagħmel l-ekonomija vulnerabbli għat-tibdiliet fil-prezż taż-żejt. Dan, flimkien mal-inadegwatezza tas-sistema tal-enerġija ta' Malta, jista' jkun li qed joħloq problemi għall-intraprenditorjat u għall-kompettitività tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. L-isfruttar tal-potenzjal għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jista' jirriżulta fil-vantaġġ doppju li tittejjeb il-kompetittività filwaqt li jinkisbu l-miri tal-enerġija u tal-klima. L-informazzjoni mogħtija fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma dwar il-miżuri tal-enerġija, madankollu, hija limitata u tagħmilha diffiċli biex wieħed jivvaluta l-fattibbiltà u l-kosteffettività tagħhom.

(15)

Malta ħadet għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji huma relatati ma' żewġ oqsma tal-Patt: il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fuq in-naħa fiskali, l-impenji jinvolvu t-tisħiħ fir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-qafas baġitarju, flimkien mal-kunsiderazzjoni li għandha tingħata għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmi li jżidu d-dixxiplina fl-implimentazzjoni baġitarja. Biex tkun indirizzata l-produttività, jeżistu miżuri għat-titjib fl-ambjent tan-negozju u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament għall-impriżi, kif ukoll għat-titjib tal-kompetizzjoni fis-servizzi, speċjalment fit-telekomunikazzjonijiet. Għalkemm jidhru fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma l-impenji taħt il-Patt Euro Plus ma jindirizzawx l-impjiegi u l-istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-awtoritajiet jiffokaw fuq iż-żieda fil-produttività, ma jirrikonoxxux li l-mekkaniżmu attwali tal-indiċjar tal-pagi jaffettwa l-kompetittività ta' Malta. L-impenji tal-Patt Euro Plus kienu vvalutati u meqjusa fir-rakkomandazzjonijiet.

(16)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, u l-impenji tal-Patt Euro Plus għal Malta. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika f'Malta imma wkoll lejn kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li progress immirat għall-OTM huwa xieraq, jeżistu riskji importanti għall-istrateġija tal-konsolidazzjoni, għaliex mhijiex appoġġata minn miżuri konkreti u jista' jkun hemm eċċessi fin-nefqa bħalma ġara fil-passat. Barra minn hekk, in-natura mhux vinkolanti tal-qafas baġitajru ta' terminu medju tista’ ma tippromwovix id-dixxiplina fiskali. Il-kost relattivament għoli tax-xjuħija fuq terminu fit-tul, partikolarment in-nefqa fuq il-pensjonijiet, tqiegħed fir-riskju s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi ta' Malta. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jirrikonoxxi l-isfidi strutturali prinċipali li l-ekonomija ta' Malta qed tiffaċċja, billi jagħti aktar attenzjoni lil ċerti kwistjonijiet, partikolarment l-utilizzazzjoni aħjar tal-potenzjal tax-xogħol tal-ekonomija, u jerġa' jeżamina u jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirriforma l-mekkaniżmu għall-istabbiliment tal-pagi sabiex jiġi żgurat l-allinjament aħjar tal-iżviluppi tal-pagi u tal-produttività, kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-enerġija, jidhru li huma meħtieġa.

(17)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u b'kunsiderazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà ta' Malta u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa b'mod partikulari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) tiegħu. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta' Malta,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 sabiex:

1.

Tiżgura korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2011, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Proċedura dwar id-Defiċit Eċċessiv, filwaqt li tkun pronta li tieħu miżuri addizzjonali sabiex tevita n-nuqqasijiet possibbli, u tadotta miżuri konkreti b'appoġġ għall-mira tad-defiċit għall-2012. Iġġib il-proporzjon ta’ dejn pubbliku għoli fi triq ‘l isfel u tassigura progress adegwat lejn l-OTM. Bil-għan tat-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni, tiddefinixxi l-miżuri globali meħtieġa mill-2013 ‘il quddiem, tinkorpora l-miri fiskali f'qafas fiskali multiannwali u vinkolanti bbażat fuq ir-regoli u ttejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni baġitarja.

2.

Tieħu azzjoni biex tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet billi taċċellera ż-żieda progressiva fl-età tal-irtirar u torbotha mal-medja tal-għomor tal-ħajja. Takkumpanja l-età tal-irtirar statutorja aktar għolja bi strateġija attiva komprensiva dwar ix-xjuħija attiva, tiskoraġġixxi l-użu ta' skemi ta' irtirar bikri u tħeġġeġ it-tfaddil fil-pensjonijiet privati;

3.

Tiffoka aktar l-eżiti tal-edukazzjoni fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, notevolment billi tagħmel sforz addizzjonali sabiex ittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u billi ssaħħaħ l-effettività tas-sistema ta' taħriġ vokazzjonali. Tieħu miżuri ulterjuri sabiex jonqos it-tluq bikri mill-iskola, billi, sal-2012 tidentifika, tanalizza u tkejjel il-kawżi tiegħu u billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rapportar regolari dwar ir-rata ta' suċċess tal-miżuri;

4.

Terġa’ teżamina u tieħu l-passi meħtieġa sabiex tirriforma, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali skont il-prassi nazzjonali, is-sistema ta’ negozjar tal-pagi u l-indiċjar tal-pagi sabiex tiżgura li t-tkabbir fil-pagi jkun jirrifletti aħjar l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol u l-kompetittività.

5.

Issaħħaħ l-isforzi biex tonqos id-dipendenza ta' Malta fuq iż-żejt importat, billi tippreżenta investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u tagħmel użu sħiħ mill-fondi disponibbli tal-UE għall-aġġornar tal-infrastruttura u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Li nżammet għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Kif previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.