20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/8


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat ta’ Franza, 2011-2014

2011/C 213/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ linji ta’ politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar Linji Gwida għal-linji ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ex ante u integrata, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fit-3 ta’ Mejju 2011, Franza ressqet l-aġġornament tagħha tal-Programm ta’ Stabbiltà 2011 li jkopri l-perijodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Franza kienet relattivament anqas affetwata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja minn Stati Membri oħra, bi tnaqqis ta’ 2,7 % fil-PDG fl-2009, parzjalment minħabba stabbilizzaturi ekonomiċi pjuttost kbar u livell ta’ ftuħ tal-ekonomija tagħha relattivament baxx, li sa ċertu punt naqqsu l-impatt fuq Franza tal-kollass tal-kummerċ dinji. Is-settur bankarju rriżulta reżistenti wkoll. Fl-2010, l-ekonomija rkuprat u, b’mod globali, it-tkabbir tal-PDG kien ta' 1,5 %. Madankollu, il-kriżi ekonomika kellha impatt sostanzjali fuq il-finanzi pubbliċi ta’ Franza. Minħabba l-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-istimulu fiskali diskrezzjonali, id-defiċit ġenerali tal-gvern tela' minn 3,3 % tal-PDG fl-2008 għal 7,5 % fl-2009. Bl-istess mod, il-kriżi aggravat l-użu insuffiċjenti tal-ħaddiema u d-dgħufijiet strutturali tas-suq tax-xogħol ta’ Franza fejn kien hemm livell ta’ qgħad relattivament għoli ta’ 9,7 % fl-2010. Barra minn hekk, il-bilanċ tal-kummerċ fil-merkanzija ddeterjora gradwalment matul dan l-aħħar deċennju u dan ħareġ fiċ-ċar l-isfidi tal-kumpaniji Franċiżi f’termini ta' spejjeż u kompetittività mhux abbażi tal-prezzijiet.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, l-opinjoni tal-Kunsill hi li x-xenarju makroekonomiku li jsejjes il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa favorevoli wisq. Il-livelli ta’ tkabbir mistennija huma ftit ogħla mill-aktar previżjonijiet riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2011 u l-2012 u dawn jibqgħu ferm ogħla mit-tkabbir potenzjali fis-snin ta’ wara. Wara defiċit aħjar milli mistenni ta’ 7 % tal-PDG fl-2010, il-Programm ta’ Stabbiltà jippjana li jbaxxih għal 3 % fl-2013, li hi d-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kunsill għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, u li wara dan ikompli bil-konsolidazzjoni. Bid-dejn li fil-bidu, fl-2010, kien ta’ 82 % tal-PDG, jidher li l-proporzjon tad-dejn se jiżdied sal-2012 (86 %) u mbagħad wara dan se jonqos xi ftit. Il-linji ta' aġġustament tad-defiċit u tad-dejn huma soġġetti għal riskji, li jinkludu l-possibbiltà ta’ xenarju makroekonomiku li jista’ jirriżulta anqas favorevoli, il-fatt ta’ nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħqu l-miri mill-2012 ‘il quddiem, u l-fatt li l-miri ta’ spiss ma ntlaħqux fil-passat, minkejja r-riżultat aktar favorevoli milli mistenni fl-2010. Għalhekk, sakemm ma jittieħdux aktar miżuri skont il-ħtieġa, ma jistax ikun żgurat li d-defiċit eċċessiv se jiġi kkoreġut sal-2013. L-objettiv fuq terminu medju ta’ baġit ibbilanċjat f’termini strutturali mhux se jintlaħaq matul il-perijodu tal-Programm ta’ Stabbiltà. L-isforz fiskali medju annwali matul il-perijodu 2010-2013, kif ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-metodoloġija ġeneralment miftiehma hu ftit anqas minn dak inkluż fir-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 (“aktar minn 1 % tal-PDG”).

(9)

L-implimentazzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali tibqa’ sfida ewlenija. L-evitar ta’ nuqqasijiet fin-nefqa permezz ta’ sforz fiskali msaħħaħ ibbażat fuq miżuri speċifikati b’mod totali, hu importanti biex tiġi stabbilita mill-ġdid pożizzjoni fiskali sostenibbli, b’mod speċjali minħabba l-fatt li l-mira tal-2013 ma tipprovdi ebda marġni ta’ sigurtà taħt il-livell limitu ta’ 3 % tal-PDG. Barra minn hekk, kif speċifikat fl-Att tal-Ippjanar Multi-annwali tal-Finanzi Pubbliċi għall-perijodu 2011-2014 li ġie vvutat f’Diċembru 2010, ikun xieraq li jintuża d-dħul kollu mhux ippjanat biex jiġi aċċelerat it-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fuq perijodu twil tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma medji. Sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, Franza adottat riforma tal-pensjonijiet ġdida fl-2010. Il-miżuri ppjanati, inkluż iż-żieda gradwali tal-età minima tal-irtirar minn 60 għal 62 u tal-età statutorja tal-irtirar minn 65 għal 67, kif ukoll it-tneħħija gradwali tal-iskemi għall-irtirar bikri, għandu jkollhom impatt fuq ir-rata baxxa tal-impjiegi ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien. Barra minn hekk, is-sistema tal-pensjonijiet hi mistennija li tkun f’bilanċ sal-2018. Hemm ċans li wara dan ikun hemm defiċit jekk ma jittieħdux aktar miżuri. L-aħħar riforma tal-pensjonijiet waqqfet ukoll korp pubbliku ġdid, il-“Comité de pilotage des régimes de retraite”, li għandu l-irwol li jippreżenta valutazzjonijiet annwali tas-sitwazzjoni baġitarja tal-kontijiet tal-pensjonijiet u, f’każ li jkun hemm iċ-ċans ta’ deterjorament, li jieħu miżuri korrettivi.

(10)

Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi attwali għada xorta stretta ħafna: il-kundizzjonijiet għas-sensji għal raġunijiet ekonomiċi huma soġġetti għal inċertezza legali. Dan qed iwassal għal riżultati fis-suq tax-xogħol li fihom ħaddiema b’kuntratti tax-xogħol indefiniti (il-maġġoranza tar-“riżerva” ta’ ħaddiema) jgawdu minn ammont relattiv ta’ sigurtà u ħaddiema b'kuntratti tax-xogħol temporanji (il-maġġoranza ta' dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol) huma esposti għal inċertezzi. Għalhekk, is-sehem ta’ kuntratti temporanji hu sinifikattivament ogħla għall-ħaddiema żgħażagħ, u hemm ftit tranżizzjonijiet minn kuntratti temporanji għal dawk permanenti. Din is-segmentazzjoni tapplika wkoll għall-aċċess għal taħriġ vokazzjonali. Konsegwentament hemm ċaqliq qawwi u akkumulazzjoni limitata ta’ kapital uman għal dawn il-ħaddiema. Il-ħaddiema żgħażagħ u dawk bi ftit kompetenzi huma għalhekk esposti għal riskji sproporzjonati fis-suq tax-xogħol. L-għan tal-Att dwar it-Tiġdid tad-Djalogu Soċjali u tal-Att dwar l-Immodernizzar tas-Suq tax-Xogħol tal-2008 kien li jiġi mmodernizzat id-djalogu soċjali u li tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-duwaliżmu fis-suq tax-xogħol. L-Att tal-aħħar partikolarment introduċa proċedura ġdida għat-terminazzjoni ta’ kuntratti permanenti bi ftehim reċiproku (“rupture conventionelle”) li issa qed tintuża aktar u aktar.

(11)

Ir-rata tal-qgħad fi Franza kienet ftit aktar mill-medja tal-UE fl-2010 u l-qgħad fit-tul qed jiżdied (3,9 % fl-2010 meta mqabbel ma’ 2,9 % fl-2008). F’dan il-kuntest, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom ikollhom rwol importanti biex joffru appoġġ lil dawk bla xogħol fir-riċerka tagħhom għal impjieg. Fi Franza, is-servizz ġdid pubbliku li jiġbor kollox taħtu Pôle Emploi sa issa wera riżultati varjati. Fl-2009-2010, fil-kuntest tal-kriżi u ta’ żieda qawwija fin-numru ta’ dawk li jfittxu impjieg, l-għan ewlieni tiegħu kien iffukat primarjament fuq l-amalgamazzjoni taż-żewġ entitajiet ta' amministrazzjoni preeżistenti. L-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi sa issa wriet riżultati varjati fil-kisba tal-miri ta' ritorn għax-xogħol stabbiliti minn Pôle Emploi. Fl-istess ħin, ir-riżorsi ta’ Pôle emploi ddedikati għal appoġġ individwali għal dawk li qed ifittxu x-xogħol għadhom sottożviluppati (71 ekwivalenti għal full-time għal kull 10 000 persuna mingħajr xogħol, li hu sinifikattivament taħt il-livelli rreġistrati f’ċerti pajjiżi simili).

(12)

Id-defiċit tal-kont attwali ta’ Franza ddeterjora gradwalment matul l-aħħar deċennju u jirrifletti t-tnaqqis fil-bilanċ tal-kummerċ fil-merkanzija, parzjalment dovut għal tnaqqis fil-kompetittività fl-ispejjeż tax-xogħol wara li ġiet introdotta mill-ġdid il-paga minima unika fil-perijodu 2003-2005 (ir-riforma ta’ qabel ta’ 35 siegħa xogħol fil-ġimgħa kienet irriżultat f’ħames livelli minimi differenti). Sar ċertu titjib fil-proċedura tal-indiċjar (inħolqot kummissjoni konsultattiva ta’ esperti indipendenti, tneħħew iż-żidiet diskrezzjonali) li wassal għal moderazzjoni fiż-żieda tal-paga minima. B’riżultat ta’ dan, il-proporzjon ta’ impjegati li huma mħallsa paga minima naqas sostanzjalment u dan ippermetta differenzazzjoni aħjar tal-pagi. Il-paga minima fi Franza xorta għadha fost l-ogħla fl-UE meta mqabbla mas-salarju medjan anki jekk il-porzjon tat-taxxa hu ferm anqas minn dak għall-paga medja minħabba tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ min iħaddem.

(13)

Fi Franza, il-piżijiet tat-taxxa u ta’ sigurtà soċjali huma fost l-ogħla fuq ix-xogħol fl-UE, filwaqt li t-taxxa fuq il-konsum għadha relattivament żgħira. Barra minn hekk, id-dħul mit-taxxi ambjentali bħala parti mill-PDG hu wkoll ferm taħt il-medja tal-UE. Il-bilanċ mill-ġdid tas-sistema tat-taxxa, anke pereżempju permezz ta’ bidla minn tassazzjoni fuq ix-xogħol għal dik fuq il-konsum u l-ambjent, x’aktarx li jkollu effett pożittiv fuq l-impjiegi kif ukoll fir-rigward tal-għanijiet ambjentali.

(14)

L-eżenzjonijiet mit-taxxa u mis-sigurtà soċjali (inklużi n-“niches fiscales”) fi Franza huma għolja ħafna. Barra minn hekk, biex ikun hemm għarfien u sfruttar siewi tal-benefiċċji tas-sistema jeħtieġ li l-impriżi u l-familji jinvestu f'għarfien espert. Filwaqt li n-nefqiet tat-taxxa jintużaw biex tiġi implimentata politika ekonomika partikolari, s’issa ma hemm l-ebda valutazzjoni sistematika dwar jekk dawn irnexxielhomx jiksbu l-għanijiet tagħhom għalkemm hija ppjanata reviżjoni maħsuba li ssir fl-2011 skont l-Att tal-Ippjanar Multi-annwali tal-Finanzi Pubbliċi għall-perijodu 2009-2012. Fil-passat, is-sostitwibbiltà tagħhom man-nefqa pubblika ppermettiet lill-awtoritajiet Franċiżi biex jirrispettaw formalment ir-regoli eżistenti dwar in-nefqa, għalkemm mhuwiex possibbli aktar ċaqliq kif previst fl-Artikolu 9 tal-Att tal-Ippjanar Multi-annwali tal-Finanzi Pubbliċi għall-perijodu 2011-2014. Hemm żieda diskrezzjonarja fid-dħul mit-taxxa (l-aktar permezz ta’ tnaqqis fin-nefqiet tat-taxxa) ta’ madwar 0,75 % tal-PDG matul il-perijodu 2011-2013 li hija prevista mill-awtoritajiet Franċiżi. In-nefqiet ta’ taxxa preċiżi li għandhom jiġu aboliti ġew identifikati biss parzjalment mill-2012.

(15)

Il-kompetizzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut għadha mfixxkla minn restrizzjonijiet amministrattivi fuq il-ftuħ ta’ postijiet kbar tal-bejgħ bl-imnut, u projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-ġdid bi prezz aktar baxx mill-kost. Fis-settur tas-servizzi għad hemm ostakli għall-kompetizzjoni għal diversi professjonijiet regolati li jistgħu jiġu trattati billi jew jiġu riveduti l-kondizzjonijiet tad-dħul jew billi jiġu eliminati gradwalment ċerti kwoti (numerus clausus) u d-drittijiet esklussivi li dawn il-professjonijiet għandhom.

(16)

Franza ħadet għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. Mil-lat fiskali, Franza ħadmet biex timplimenta malajr ir-riforma tal-pensjonijiet tal-2010. Bil-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà fiskali, Franza se tbiddel ukoll il-kostituzzjoni tagħha biex tintroduċi ppjanar vinkolanti tal-baġit multiannwali. Biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, qed jiġu kkunsidrati diversi miżuri biex jiżdiedu l-linji politiċi attivi tas-suq tax-xogħol (pereżempju apprendistati biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol, faċilitajiet ta’ kura tat-tfal addizzjonali sal-2012 biex jitjiebu l-prospetti ta’ impjieg tan-nisa, tisħiħ tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg). Il-miżuri ta’ kompetittività jiffukaw fuq it-titjib tas-sistema ta’ edukazzjoni għolja u l-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) u l-Innovazzjoni (“investissements d'avenir”), kif ukoll it-tnaqqis tal-piż amministrattiv permezz tal-implimentazzjoni ta’ programm komprensiv ta’ simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni. Dawn l-impenji jirriferu għal tlieta mill-erba' oqsma tal-Patt, u jħallu barra s-settur finanzjarju. Għalkemm dawn saru f’dawk l-oqsma fejn jinsabu l-akbar sfidi, ħafna minnhom (b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-governanza fiskali jew l-appoġġ għall-edukazzjoni għolja u r-R&D) huma konferma ta’ linji ta’ politika/riformi pubbliċi eżistenti. L-aġenda ta’ riforma ma tidhirx li hi għalkollox konsistenti mal-kobor tal-isfidi makroekonomiċi li qed jaffaċċja s-suq tax-xogħol jew l-ambjent tan-negozju. Barra minn hekk, ir-riforma kostituzzjonali prevista hi soġġetta għal inċertezza politika. Dawn l-impenji tal-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u kkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, inklużi l-impenji tal-Patt Euro Plus għal Franza. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fi Franza iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa għal tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi provdut kontribut fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonsidra li jeħtieġ l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali ssir aktar speċifika, b’mod partikolari għall-2012 u għas-snin ta' wara, sabiex ikun żgurat li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut sal-2013 u d-dejn jibda jonqos. Kwalunkwe dħul mhux ippjanat għandu jintuża biex jiġi aċċelerat it-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn kif previst fl-Att tal-Ippjanar Multi-annwali tal-Finanzi Pubbliċi għall-perijodu 2011-2014. Bidla minn taxxi fuq ix-xogħol għal dawk ambjentali u fuq il-konsum u simplifikazzjoni tal-ispiża tat-taxxa, jagħtu spinta lill-għanijiet fiskali u ambjentali u jwasslu għal titjib tal-ambjent tan-negozju. Il-passi ulterjuri fl-2011-2012 għandhom jiffukaw fuq l-adattament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi għat-tnaqqis tad-duwaliżmu fis-suq tax-xogħol, u fuq it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex ikun provdut appoġġ komprensiv lil dawk li jfittxu impjieg. Il-politika eżistenti għal moderazzjoni tal-paga minima għandha titkompla. Il-kompetizzjoni għandha tiġi mħeġġa fil-professjonijiet regolati u fil-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut.

(18)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Franza u l-opinjoni tiegħu (3) hi riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) tiegħu hawn taħt. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Franza,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fil-perijodu 2011-2012 biex:

1.

Tiżgura l-isforz fiskali annwali medju rrakkomandat ta’ aktar minn 1 % tal-PDG matul il-perijodu 2010-2013 u timplimenta b’mod rigoruż il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013, konformement mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE), u b’hekk titfa’ fuq linja ta’ tnaqqis lill-proporzjon għoli ta’ dejn pubbliku, u tiżgura sussegwentement progress adegwat lejn l-għan għall-perijodu medju; tispeċifika l-miżuri korrispondenti neċessarji għall-2012 ‘il quddiem, tieħu miżuri addizzjonali jekk ikunu meħtieġa u tuża kwalunkwe dħul mhux ippjanat biex jiġi aċċelerat it-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn kif ippjanat; tkompli tirrivedi s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet u tieħu miżuri addizzjonali fejn jeħtieġ.

2.

Tagħmel sforzi mġedda, skont il-prattiċi nazzjonali ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, biex tegħleb is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol billi tirrivedi aspetti magħżula tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi filwaqt li ttejjeb il-kapital uman u t-tranżizzjonijiet għall-aħjar; tiżgura li kwalunkwe adattamenti fil-paga minima jkunu ta' appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi.

3.

Tinkoraġġixxi l-aċċess għal tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema ta’ età akbar biex tgħinhom jibqgħu impjegati u toħloq inċentivi li jappoġġaw ir-ritorn għall-impjieg. Tagħti spinta lil-linji politiċi attivi dwar is-suq tax-xogħol u tintroduċi miżuri għat-titjib fl-organizzazzjoni, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-proċeduri tas-servizz pubbliku tal-impjiegi sabiex jissaħħu s-servizzi u l-appoġġ individwali pprovduti lil dawk f’riskju li jkunu qiegħda għal żmien twil.

4.

Iżżid l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, inkluż permezz ta’ bidla minn taxxi fuq ix-xogħol favur taxxi ambjentali u fuq il-konsum, u l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ippjanat fin-numru u l-kost tat-taxxi u l-eżenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali (inklużi “niches fiscales”).

5.

Tieħu aktar passi biex tneħħi restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq is-snajja u l-professjonijiet regolati, b’mod partikolari fis-servizzi u s-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.