|
19.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 212/9 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Lulju 2011
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Ġermanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja 2011-2014
2011/C 212/03
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 5(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
|
(2) |
Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali. |
|
(3) |
Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex-ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. |
|
(4) |
Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. |
|
(5) |
Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. |
|
(6) |
Fis-27 ta' April 2011 il-Ġermanja ressqet il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tagħha, li jkopri l-perjodu 2011-2015, u fis-7 ta' April 2011 ressqet il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2011. Sabiex jingħata kas tar-rabtiet bejn iż-żewġ programmi, ġew ivvalutati fl-istess ħin. |
|
(7) |
L-ekonomija Ġermaniża daħlet fil-kriżi f'pożizzjoni relattivament soda. Madanakollu, it-tnaqqis fil-kummerċ dinji wassal għal kollass tal-esportazzjonijiet u tal-investimenti fl-2009, b'mod li l-PDG reali ċkien b'4,7 %, figura li qatt ma kienet intlaħqet qabel. Minkejja dan, wara li għola ftit, il-qgħad ilu minn tmiem l-2009 li reġa' beda nieżel. Ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol tirrifletti l-effetti benefiċjali tar-riformi li saru fl-imgħoddi li ffaċilitaw tnaqqis fis-sigħat maħduma u tas-sussidji għal xogħol b'ħinijiet iqsar. L-ekonomija reġgħet ġiet f'postha bil-qawwa wara d-daqqa tar-riċessjoni, u l-PDG reali fl-2010 tela' bi 3,6 %. L-esportazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom reġġgħu lura t-tnaqqis massiv li kien hemm fl-2009 u wittew it-triq għal irkupru fuq bażi usa' li wassal ukoll biex jitnaqqas il-bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti. L-ekonomija kompliet ittejjeb il-kompetittività tagħha vis-à-vis l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra taż-żona tal-euro. Il-baġit ġenerali tal-Gvern fl-2009 waqa' minn pożizzjoni fejn kien f'bilanċ għal waħda b'defiċit ta' 3 % tal-PDG, b'riżultat ta' stabbilizzaturi awtomatiċi li ntużaw bil-qawwa kollha tagħhom u ta' miżuri diskrezzjonarji li ttieħdu biex jiġi missielet it-tnaqqis ekonomiku. L-irkupru ekonomiku għen biex fl-2010 d-defiċit inżamm taħt kontroll (3,3 % tal-PDG) minkejja stimulu fiskali mdaqqas u miżuri ta' sostenn għas-suq li għadhom għaddejjin. |
|
(8) |
Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Programm aġġornat ta' Stabbiltà, li saret skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li x-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa msejjes il-Programm ta' Stabbiltà huwa kawt fil-każ tal-2011 u mbagħad isir plawsibbli, anki kif ivvalutat b'paragun mat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa tal-2011. Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprojetta li l-PDG reali se jikber bi 2,3 % fl-2011, qabel ma jbatti għal 1,8 % fl-2012 u jasal għal medja ta' 1,5 % fl-2013-2015. Il-Programm ta’ Stabbiltà jippjana li d-defiċit ikun diġà niżżlu taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG fl-2011, jiġifieri sentejn qabel iż-żmien li stabbilixxa l-Kunsill biex dan isir, u li jagħmel aktar progress lejn il-kisba tal-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) – defiċit ta' 0,5 % tal-PDG f'termini strutturali – fl-2014. Wara li ssir il-korrezzjoni mistennija tad-defiċit eċċessiv, il-pass tal-aġġustament lejn l-OTM skont il-Programm ta’ Stabbiltà jaqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 0,5 % tal-PDG fl-2013 u fl-2014. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn meta pparagunat mal-PDG fl-2010 kiber bi kważi 10 punti perċentwali (3), huwa pprojettat li se jibda nieżel mill-2011 'il quddiem u huwa mistenni jilħaq il-75,5 % tal-PDG sal-2015; b'hekk jibqa' ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat. Jidher li, b'mod ġenerali, ir-riskji għall-projezzjoni baġitarja għall-2011 huma bbilanċjati, iżda wara r-riżultati jistgħu jkunu agħar milli mistenni minħabba li xi tfaddil jista' ma jseħħx kif maħsub. Ċerti miżuri għad iridu jiġu ddibattuti (eż. it-taxxi fuq l-enerġija u t-transazzjonijiet finanzjarji) u oħrajn għad iridu jiġu speċifikati (eż. titjib tal-effiċjenza fl-amministrazzjoni pubblika). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li jittieħdu aktar miżuri biex jiġi sostnut is-suq finanzjarju. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma medji. |
|
(9) |
Minħabba li r-riforma ta' dan l-aħħar tas-sistema tas-servizzi tas-saħħa daħħlet miżuri biex jiġu kkontrollati ż-żidiet fl-infiq, l-aktar fl-2011 u fl-2012, jekk jittieħdu aktar passi biex titjieb l-effiċjenza tan-nefqa pubblika fuq is-servizzi tas-saħħa u fuq il-kura fuq medda twila ta' żmien ikun qed jingħata sostenn lit-triq li ġiet maħsuba biex ikun hemm konsolidazzjoni. Fl-istess waqt, jekk tinżamm direzzjoni lejn il-konsolidazzjoni li fil-biċċa l-kbira tagħha tkun orjentata lejn it-tkabbir, inkluż billi tiżgura nefqa adegwata fuq l-edukazzjoni, dan jgħin biex jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir fuq medda twila ta' żmien. |
|
(10) |
Għalkemm il-qafas fiskali Ġermaniż issaħħaħ konsiderevolment bl-introduzzjoni ta' regola baġitarja kostituzzjonali, bil-ħolqien tal-Kunsill ta' Stabbiltà u bis-sistema ta' twissija bikrija biex ma jitħalliex li jkun hemm perikli baġitarji, ir-regola baġitarja għad trid tiġi implimentata għal kollox fil-livell tal-Länder. Biex tissaħħaħ il-kredibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi, ikun tajjeb ukoll li jkompli jissaħħaħ il-mekkaniżmu assoċjat ta' monitoraġġ u ta' sanzjonar. |
|
(11) |
Il-kriżi kixfet vulnerabbiltajiet serji fil-qasam bankarju. Telfiet kbar u tniżżil qawwi fil-valur rigward investimenti internazzjonali f'self subprime u f'assi strutturati dgħajfu l-bażi kapitali ta' xi banek u wasslu għall-ħtieġa ta' interventi Statali sostanzjali. Il-kriżi esponiet ukoll id-dgħjufijiet ta' xi Landesbanken, li qabel faqqgħet il-kriżi kienu diġà qed ibatu minn nuqqas ta' strutturi effettivi tal-ġestjoni tar-riskju u mill-fatt li ma kienx jeżisti mudell vijabbli ta' negozju. Jekk issir aktar riforma tas-settur bankarju, li tkun tinkludi r-ristrutturazzjoni tal-Landesbanken għandhom bżonn ta' mudell vijabbli u ffinanzjat b'mod adegwat ta' negozju, kif ukoll it-tisħiħ tal-qafas regolatorju u superviżorju, dan jgħin biex tinżamm l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u biex jiġi wkoll żgurat li jkun hemm allokazzjoni aktar effiċjenti tat-tfaddil domestiku bħala mod kif jiġu sostnuti d-domanda u l-investiment. |
|
(12) |
Il-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività strutturali tal-ekonomija Ġermaniża jiddependu bil-kbir fuq forza tax-xogħol imħarrġa tajjeb u mogħnija bil-ħiliet, iżda meta wieħed iqis l-iżviluppi demografiċi jista' jkun li jkun hemm nuqqasijiet urġenti fil-provvista ta' ħaddiema. Dan jenfasizza l-importanza li l-potenzjal tal-forza tax-xogħol jiġi utilizzat kollu kemm hu billi jitwarrbu l-ostakli li jxekklu lil gruppi partikulari (il-ħaddiema ta' età ikbar, in-nisa, dawk bi ftit kompetenzi, dawk li m'għandhomx in-nazzjonalità tal-UE) milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, kif ukoll l-importanza li jkompli jiġi żviluppat il-kapital uman. Jekk jiġi indirizzat il-piż tat-taxxa, li għadu għoli b'mod speċjali għal dawk li għandhom dħul baxx jew medju, dan itejjeb l-inċentivi biex wieħed jaħdem filwaqt li jippermetti li ż-żidiet fil-pagi fil-biċċa l-kbira tagħhom jissarrfu f'introjtu disponibbli akbar u f'aktar domanda domestika. L-intaxxar tal-koppji joħloq diżinċentivi għall-provvista tax-xogħol. Il-“Faktorverfahren” introdotta fl-2009 tippermetti li l-piż ta' kull xahar tat-taxxa fuq l-individwu jirrifletti d-dħul personali ta' kull individwu, waqt li l-piż tat-taxxa għas-sena b’mod sħiħ jibqa’ mhux mibdul. L-effetti ta’ din ir-riforma fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għandu jiġi mmonitorjat. F’dan il-kuntest, miżuri oħra sabiex jitnaqqsu diżinċentivi possibbli li jifdal għax-xogħol jistgħu ikunu meħtieġa. Aktar disponibbiltà ta' faċilitajiet fejn jieħdu ħsieb it-tfal, b'mod partikulari, ukoll tgħin biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza full-time tax-xogħol, li għadha baxxa. Barra minn dan, jekk jiżdied l-għadd ta' persuni bi kwalifiki ta' taħriġ vokazzjonali, dan jista' jtejjeb il-possibbiltajiet li ħaddiema bi ftit kompetenzi jidħlu fis-suq tax-xogħol. |
|
(13) |
Dan l-aħħar il-Ġermanja ħadet deċiżjonijiet radikali dwar it-taħlita tal-enerġija tagħha għall-ġejjieni. L-implimentazzjoni tal-Kunċett tal-Enerġija se timplika trasformazzjoni fundamentali fil-provvista tal-enerġija u se jkollha implikazzjonijiet għall-prezzijiet tal-enerġija u għall-kompetittività tal-ekonomija fuq medda medja u twila ta' żmien. Jeħtieġ, għalhekk, li l-effettività tar-riżultati meta mqabblin man-nefqa tkun il-prinċipju ewlieni ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Kunċett tal-Enerġija, li għandu jkun imsejjes fuq konsum effiċjenti tal-enerġija, fuq skemi ta' appoġġ li jagħtu riżultati effettivi meta mqabblin man-nefqa, u fuq grilji adegwati tal-elettriku għall-enerġija li tiġġedded u swieq kompetittivi tal-enerġija. |
|
(14) |
Jekk tingħata spinta lill-kompetizzjoni fis-settur privat, dan jinkuraġġixxi t-tkabbir tal-produttività u jagħti sostenn lid-domanda domestika. Anki t-tkabbir aktar dinamiku tas-settur tas-servizzi jista' jikkontribwixxi biex titwessa' l-bażi għat-tkabbir tal-provvista u tad-domanda fil-Ġermanja. Minkejja l-progress konsiderevoli li sar fl-aħħar snin bl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, jidher li hemm fejn ix-xkiel għad-dħul u l-ħruġ ta' ditti jkompli jitnaqqas, notevolment billi tkompli tiġi ssimplifikata s-sistema tal-liċenzji u tal-permessi u tiġi ssimplifikata r-regolamentazzjoni għall-eżerċizzju ta’ ċerti servizzi professjonali. Il-ġustifikazzjoni u l-adegwatezza tar-regolamentazzjoni ta’ ċerti snajja’ tista’ tiġi eżaminata. Rigward is-servizzi tal-industrija tan-netwerks, il-kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju tista’ tiġi mtejba. Jekk jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Aġenzija Federali tan-Netwerks u l-infrastruttura tal-bejgħ u tal-biljetti tinfetaħ għall-kompetituri, tiġi inkuraġġita l-kompetizzjoni fuq medda qasira ta' żmien. |
|
(15) |
Aktar riformi sabiex jitjiebu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma ta' importanza ewlenija biex ikun hemm provvista ta' ħaddiema b'ħiliet adegwati, anki fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi. Huwa mbassar li se jkun hemm nuqqasijiet ta' ħaddiema, b'mod partikulari dawk b'ħiliet medji u b'ħiliet għoljin, speċjalment fir-rigward tas-suġġetti tal-matematika, tax-xjenza u tat-teknoloġija. Ir-rati tal-kisbiet edukattivi taż-żgħażagħ fil-Ġermanja, kemm fil-livell sekondarju superjuri kif ukoll f'dak terzjarju, huma iktar baxxi mill-medja tal-UE. Ir-riżultati edukattivi jistgħu jitjiebu billi tiżdied id-disponibbiltà tal-edukazzjoni preprimarja u tal-iskejjel għal ġurnata sħiħa u billi titħaffef it-tranżizzjoni bejn partijiet differenti tas-sistema skolastika. |
|
(16) |
Il-Ġermanja daħlet għal għadd ta' impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. Mill-aspett fiskali, l-impenji jitolbu li d-defiċit eċċessiv jissewwa sa mill-2011 u li l-miri li saru bħala parti mir-regola baġitarja nazzjonali jintlaħqu b'marġni wiesa' fl-2011-2012. Sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, il-miżuri jinkludu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni effiċjenti tas-suq kapitali. Il-miżuri dwar ix-xogħol jiffukaw fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (riforma tal-istrumenti attivi tas-suq tax-xogħol, integrazzjoni aħjar tal-professjonisti bi kwalifiki barranin, u integrazzjoni tal-migranti) u fuq l-edukazzjoni (il-Patt dwar l-Edukazzjoni Bażika). Il-miżuri favur il-kompetittività jiffukaw fuq l-industriji tan-netwerks, l-enerġija u s-settur tas-servizzi (i.e. aġenzija għat-trasparenza tas-suq għas-settur tal-elettriku u l-gass, programm dwar l-elettromobbiltà, u aktar finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport) kif ukoll fuq l-edukazzjoni (i.e. l-Inizjattiva għall-Eċċellenza sabiex jiġu promossi l-iskejjel ta' speċjalizzazzjoni u l-finanzjament tal-Patt Universitarju). Dawn l-impenji jirreferu għall-erba' oqsma tal-Patt. Huma jirriflettu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-aġenda usa' tar-riforma ppreżentata b'mod ġenerali fil-Programm ta' Stabbiltà u f'dak Nazzjonali ta' Riforma. Madanakollu, diversi oqsma ta' linji politiċi għadhom mhux indirizzati fl-impenji tal-Patt (eż. ir-ristrutturazzjoni tal-Landesbanken jew il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol) jew huma biss imsemmijin fuq fuq (il-ftuħ tas-settur tas-servizzi u tal-industriji tan-netwerks għal kompetizzjoni ikbar). Fir-rakkomandazzjonijiet, l-impenji tal-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u ngħata kashom. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ġermanja, inklużi l-impenji tagħha bħala parti mill-Patt Euro Plus. Hija tat kas mhux biss tar-relevanza tagħhom għal linja politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi tiġi pprovduta kontribuzzjoni mil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali fil-ġejjieni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li jeħtieġ li l-istrateġija baġitarja Ġermaniża tiġi implimentata kif maħsub. Sforz ta’ aġġustament strutturali adegwat lejn l-OTM għandu wkoll jiġi assigurat minn hemm ’il quddiem, filwaqt li l-pajjiż jibqa' għaddej fi triqtu lejn il-konsolidazzjoni b'mod li jaġevola t-tkabbir. Fl-2011-2012 għandhom jittieħdu aktar passi li jiffukaw fuq li jiġu żgurati l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (eż. permezz tar-ristrutturazzjoni tal-Landesbanken), it-tisħiħ tal-għejun domestiċi għat-tkabbir, billi tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta' tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, billi jitjiebu l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u l-kwalità tagħha, u billi s-settur tas-servizzi, il-kummerċ u l-professjonijiet kif ukoll l-industriji tan-netwerks jinfetħu għal kompetizzjoni ikbar. |
|
(18) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, anki meta wieħed iqis ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta' Stabbiltà tal-Ġermanja u l-opinjoni tiegħu (4) hija riflessa b'mod partikulari fir-rakkomandazzjoni (1) tiegħu hawn taħt. Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ġermanja, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 sabiex:
|
1. |
Timplimenta l-istrateġija baġitarja għas-sena 2012 u lil hinn minnha kif maħsub, b’hekk iġġib il-proporzjon tad-dejn pubbliku fi triq ’l isfel, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE. Tassigura sforz ta’ aġġustament strutturali adegwat lejn l-objettiv ta’ terminu medju minn hemm ‘il quddiem. Tlesti l-implimentazzjoni tar-regola baġitarja fil-livell tal-Länder u tkompli ssaħħaħ il-mekkaniżmu korrispondenti ta' monitoraġġ u ssanzjonar. Iżżomm fi triq ta' konsolidazzjoni li taġevola t-tkabbir, b'mod partikulari billi tissalvagwardja nefqa adegwata fuq l-edukazzjoni u billi tkompli ttejjeb l-effiċjenza tan-nefqa pubblika fuq is-servizzi tas-saħħa u fuq il-kura fuq medda twila ta' żmien. |
|
2. |
Tindirizza d-dgħufijiet strutturali fis-settur finanzjarju, b'mod partikulari billi tirristruttura l-Landesbanken li għandhom bżonn ta' mudell vijabbli li jkun iffinanzjat b'mod adegwat ta' negozju. |
|
3. |
Iżżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi ttejjeb l-aċċess ġust għas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u billi tieħu passi ulterjuri sabex tnaqqas il-piż kbir fuq it-taxxi b'mod li l-effett fuq il-baġit ikun newtru u ttejjeb l-inċentivi tax-xogħol għal persuni b’perspettivi ta’ dħul baxx. Iżżid l-għadd ta' faċilitajiet full-time fejn jieħdu ħsieb lit-tfal u tal-iskejjel ta' ġurnata sħiħa. Timmonitorja mill-viċin l-effetti tal-miżuri ta’ riforma reċenti sabiex jitnaqqsu d-diżinċentivi tat-taxxa għal dawk li huma t-tieni sors ta' dħul, u tieħu passi ulterjuri f’każ li jibqgħu id-diżinċentivi. |
|
4. |
Tneħħi restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq ċerti servizzi professjonali u fuq ċerti snajja'. Ittejjeb il-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks, issaħħaħ ir-rwol ta' superviżjoni li għandha l-Aġenzija Federali tan-Netwerks fis-settur ferrovjarju; u, fil-kuntest tal-Kunċett nazzjonali tal-Enerġija li tħabbar, tiffoka fuq it-titjib tal-effettività fuq medda twila ta' żmien tal-Att dwar l-Enerġija li Tiġġedded meta mqabbla man-nefqa, b'mod li jiggarantixxi l-indipendenza effettiva tal-produzzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku u li jtejjeb l-interkonnessjonijiet transkonfinali. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
J. VINCENT-ROSTOWSKI
(2) Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).
(3) Il-qabża li kien hemm fl-2010 kienet marbuta l-aktar mal-fatt li żewġ banek li kienu f'qagħda diffiċli ttrasferew assi danneġġati lill-“banek tal-assi ħżiena” rispettivi tagħhom, li huma kklassifikati taħt is-settur governattiv. B'konformità mal-gwida tal-Eurostat dwar ir-regoli tal-kontabbiltà għall-istrutturi ta' annullament finanzjarju (ir-responsabbiltajiet korrispondenti tal-“banek tal-assi ħżiena” kellhom impatt dirett fuq il-livell tad-dejn.
(4) Previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.