16.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Lussemburgu u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbilità aġġornat tal-Lussemburgu, 2011-2014

2011/C 210/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“Linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex-ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għal inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fid-29 ta’ April 2011, il-Lussemburgu ressaq il-Programm ta’ Stabbiltà 2011 aġġornat tiegħu li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2011 tiegħu. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Meta wieħed iqis il-piż eċċezzjonali tas-settur finanzjarju fl-ekonomija, il-Lussemburgu ffaċċja l-kriżi finanzjarja u ekonomika b'mod relattivament tajjeb. Wara li l-PGD reali naqas bi 3,6 % fl-2009 l-ekonomija rkuprat malajr fl-2010. Il-PGD espanda b'xi 3,5 %, wara li ħa spinta permezz ta' żieda fl-ispiża pubblika deċiża mil-Gvern bħala parti mill-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku u ta' żieda qawwija fl-esportazzjonijiet netti. L-okkupazzjoni baqgħet reżiljenti, parzjalment minħabba r-rikors imdaqqas għal arranġamenti tax-xogħol għal żmien qasir, imħeġġeġ mill-awtoritajiet. Il-qgħad beda jiżdied mill-bidu tal-2008 u ġeneralment stabbilizza għal xi 6 %, livell li hu storikament għoli għal-Lussemburgu. Minkejja r-reċessjoni, il-finanzi pubbliċi fil-Lussemburgu huma relativament sodi (defiċit ta' 1,7 % u dejn gross ta' 18,4 % fl-2010), grazzi għal pożizzjoni tal-bidu favorevoli.

(8)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbilità aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa kemxejn kawt meta mqabbel mal-previżjoni għar-rebbiegħa tal-2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-mira għall-2011 hija defiċit ta' 1 % li hu konformi mal-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa. Il-Programm ta’ Stabbiltà, skont xenarju politiku mhux mibdul, jipproġetta deterjorament tad-defiċit titolari fl-2012 għal 1,5 % tal-PGD qabel ma jerġa' jitjieb gradwalment għal 0,8 % tal-PGD sal-2014. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni hija kemxejn aktar ottimista u tipproġetta defiċit ta' 1,1 % tal-PGD fl-2012, bbażat fuq xenarju makroekonomiku aktar favorevoli u żieda aktar bil-mod fl-ispiża. Il-Programm ta’ Stabbiltà ma jipprevedix l-ilħuq tal-objettiv ta’ terminu medju (minn hawn 'il quddiem OTM), li hu ddefinit bħala eċċess strutturali ta' 0,5 % tal-PGD, fil-perjodu ta' programmar 2011-2014. Għall-kuntrarju, il-bilanċ strutturali (rikalkulat mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta’ Stabbiltà wara l-metodoloġija maqbula b'mod konġunt) hu mistenni li jiddeterjora gradwalment minn eċċess ta' 0,3 % fl-2011 għal defiċit ta' 0,8 % fl-2014.

(9)

Bit-tkabbir fil-PGD ipproġettat li jibqa' robust, il-finanzi pubbliċi tal-Lussemburgu jistgħu jibbenefikaw minn titijib ulterjuri fil-bilanċ strutturali bil-ħsieb li jinkiseb l-OTM diġà fl-2012. Dan ikun jipprovdi lill-Lussemburgu marġini ta' sigurtà kontra tnaqqis futur possibbli fir-ritmu ekonomiku u jgħin biex titjieb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-impatt stmat tal-obbligazzjonijiet impliċiti relatati mal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, il-pajjiż jibbenefika minn OTM aktar ambizzjuż.

(10)

Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tal-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma medji. Iż-żieda fl-ispiża pubblika relatata max-xjuħija fil-Lussemburgu fid-deċennji li ġejjin hija pprojettata li tkun l-aktar b'saħħitha fl-UE. L-iffinanzjar fit-terminu l-qasir tas-sistema tal-pensjonijiet hija bħalissa sostnuta minn proporzjon baxx tad-dipendenza tax-xjuħija u parzjalment tiddependi mill-kontribuzzjonijiet mħallsa minn popolazzjoni relattivament żagħżugħa ta' ħaddiema transkonfinali. Fil-futur, iż-żewġ fatturi se jinbidlu u l-ispejjeż tal-pensjonijiet huma antiċipati li jiżdiedu sostanzjalment. Minkejja li l-gvern għandu assi mdaqqsa akkumulati u r-riżervi tal-pensjonijiet baqgħu jizdiedu, dawn mhux se jkunu suffiċjenti biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema. Barra minn hekk, ir-rata tal-okkupazzjoni tal-ħaddiema anzjani (bl-età ta' 55-64) ta' 38,2 % (2009) hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE (il-medja tal-UE: 46 %). Filwaqt li l-età tal-irtirar statutorja hija fil-prinċipju 65 sena, is-sistema tal-pensjonijiet tal-Lussemburgu ta' sikwit tippermetti ritirar aktar kmieni b'virtwalment l-ebda tnaqqis fil-livell tal-pensjoni, li hu, barra minn hekk, komparattivament għoli. Bħala riżultat, l-età mejda tal-irtirar mis-suq tax-xogħol hija 59,4 sena li tagħmel piż fuq l-ispejjeż tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-pjanijiet tal-Gvern għal riforma fil-pensjonijiet jipprevedu mudell ġdid li jimmira li jżomm il-ħaddiema fix-xogħol għal aktar żmien fuq bażi volontarja. Dan itejjeb il-proporzjoni ta' dipendenza fuq is-sistema tal-pensjonijiet. Madankollu, dan il-mekkaniżmu se jikkonċerna biss pensjonanti ġodda u se japplika biss għall-parti tal-karriera ta' wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma, sabiex jipproduċi biss l-effett sħiħ tiegħu fi żmien 40 sena.

(11)

Il-prezz u l-ispiża tal-kompetittività tal-Lussemburgu ddeterjoraw sostanzjalment mill-bidu tal-aħħar deċennju. Dan minħabba l-iżviluppi kemm fil-pagi kif ukoll fil-produttività. Fil-perjodu 2000-2010, l-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità żdiedu għal rata li hija darba u nofs aktar mgħaġġla fil-Lussemburgu mill-medja fl-UE-15, u aktar minn ħames darbiet aktar mgħaġġla minn dik fil-Ġermanja. Meta wieħed jikkonsidra l-qbil bejn il-gvern u s-sindikati li jipposponu, mir-rebbiegħa għal Ottubru 2011, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu awtomatiku tal-indiċjar tal-pagi, hemm moderazzjoni sostanzjali tat-tkabbir tal-pagi reali fl-2011. Id-deċiżjoni li tikkonċerna l-livell limitu sussegwenti għad trid tittieħed. Meta wieħed jikkonsidra li l-perspettiva preżenti tal-inflazzjoni, l-indiċjar awtomatiku li jmiss jista' jaqa' diġà fir-rebbiegħa tal-2012 u għalhekk iħassar il-kisbiet bikrija fil-kompetittività fl-ispejjeż.

(12)

Minkejja li kien reġistrat tkabbir qawwi fl-okkupazzjoni, ir-rata ta' okkupazzjoni tal-popolazzjoni residenti hija aktar baxxa mill-medja tal-UE, speċjalment fiż-żewġ naħat tal-ispettru tal-età. Il-ħolqien tal-impjiegi fis-snin reċenti kien ta' benefiċċju għal dawk mhumiex residenti. Anke jekk iż-żieda fil-qgħad mill-2008 hija relatata mar-reċessjoni, dan għandu karattru strutturali dejjem jikber, illustrat bil-fatt li fis-snin tat-tkabbir qabel il-kriżi, l-okkupazzjoni kellha bżonn tikber b'xi 4 % fis-sena sabiex tipproduċi tnaqqis marġinali fil-qgħad. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa relattivament għoli b'16,1 % fl-2010 meta mqabbel mas-6 % tal-popolazzjoni attiva totali. Ir-rata tal-qgħad tiddependi ħafna fuq il-livell tal-edukazzjoni. Ir-residenti żgħażagħ jiffaċċjaw kompetizzjoni akuta għall-impjiegi disponibbli minn dawk li mhumiex residenti li ta' spiss ikunu tal-istess kwalifika jew saħansitra ta’ waħda ogħla.

(13)

Il-Gvern iddeskriva sensiela ta' impenji fil-kuntest tal-Patt Euro Plus. Dawn jirreferu għall-erba' oqsma tal-Patt. Mil-lat fiskali, il-gvern approva karatteristiċi ta' riforma tal-pensjonijiet u qed jieħu l-impenn li jlesti r-riforma sal-aħħar tal-2011. Biex isaħħu l-istabbiltà finanzjarja, il-miżuri jiffokaw fuq li jagħtu spinta lir-reżistenza tas-settur finanzjarju permezz ta' regolamentazzjoni u superviżjoni fil-livell Ewropew u dak internazzjonali u biex ikomplu l-isforzi biex jiddiversifikaw l-istruttura tal-ekonomija Lussemburgiża. Il-miżuri tal-okkupazzjoni jiffokaw fuq iż-żieda fl-effiċjenza tal-politiki attivi tax-xogħol (riforma tal-“Administration de l'Emploi”) u jħeġġu t-tagħlim tul il-ħajja fis-settur privat b'rata ogħla tal-kofinanzjament mill-istat. Il-miżuri ta' kompetittività jinkludu posponiment tal-indiċjar tal-pagi mir-rebbiegħa tal-2011 (li kien implikat mis-sistema awtomatika ta' indiċjar) għal Ottubru tal-2011, u impenn li jiġi nnegozjat mal-imsieħba soċjali posponiment simili għall-2012. Barra minn dan, il-Gvern impenja ruħu li jtejjeb l-ambjent tan-negozju permezz ta' simplifikazzjoni amministrattiva u infrastruttura aħjar. Dawn il-miżuri huma konformi mal-aġenda ta' riforma usa' deskritta fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u ta' Stabbiltà u jindirizzaw l-isfidi fl-oqsma tal-pensjonijiet, il-kompetittività, l-okkupazzjoni (partikolarment tal-ħaddiema żgħażagħ u anzjani) u s-settur finanzjarju. Madankollu, uħud mir-riformi proposti huma neqsin mid-dettal. L-impenji tal-Patt Euro Plus kienu vvalutati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

(14)

Il-Kummissjoni vvalutat l-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inklużi l-impenji tal-Patt Euro Plus għal-Lussemburgu. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Lussemburgu imma wkoll kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan id-dawl, il-Kummissjoni tikkonsidra li tnaqqis aktar ambizzjuż tad-defiċit fl-2011 għandu jkun possibbli in vista tal-perspettiva makroekonomika favorevoli, u li sforz fiskali aqwa jippermetti lil-Lussemburgu li jilħaq l-OTM fl-2012. Għandhom jittieħdu wkoll aktar passi biex tkun riformata s-sistema tal-pensjonijiet u jkun promoss tixjiħ attiv, biex tissaħħaħ il-kompetittività u biex iż-żgħażagħ ikunu megħjuna jsibu x-xogħol.

(15)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-Lussemburgu u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) tiegħu hawn isfel. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Lussemburgu,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

1.

Jieħu vantaġġ mill-kundizzjonijiet ċikliċi, itejjeb l-isforz fiskali u juża d-dħul addizzjonali mhux mistenni sabiex inaqqas aktar id-defiċit nominali u jilħaq l-objettiv ta’ terminu medju fl-2012;

2.

Jipproponi u jimplimenta riforma wiesgħa tal-pensjonijiet biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, l-ewwel nett b’miżuri li jkabbru r-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema anzjani, b'mod partikolari billi jiskoraġġixxi l-irtirar bikri. Bil-ħsieb li jtella’ r-rata ta’ rtirar effettiva, jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri bħal rabta bejn l-età statutorja tal-irtirar u l-aspettattiva tal-ħajja.

3.

Jieħu passi sabiex jirriforma, b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, is-sistema tan-negozjar tal-pagi u l-indiċjar tal-pagi biex jiżgura li t-tkabbir tal-pagi jirrifletti aħjar l-iżviluppi fil-produttività u l-kompetittività tax-xogħol.

4.

Jieħu passi biex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ billi jissaħħu l-miżuri tat-taħriġ u l-edukazzjoni bl-għan li l-kwalifiki taż-żgħażagħ jaqblu aħjar mad-domanda tax-xogħol.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.