15.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Belġju u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Belġju 2011-2014

2011/C 209/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tkun tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex jingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida mifruxa għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u dwar l-impjiegi, tagħhom.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Dan saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jitjieb it-tkabbir. Huwa talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fil-15 ta’ April 2011, il-Belġju ressaq l-aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà 2011 tiegħu li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tiegħu. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Il-Belġju esperjenza tkabbir robust fil-PDG fil-medja ta' 2,3 % kull sena fl-għaxar snin ta' qabel l-2008. Il-pajjiż ħass l-impatt sħiħ tar-reċessjoni ekonomika globali fl-2009 u l-PDG ċkien bi 2,8 %. L-impatt tar-reċessjoni fuq l-impjiegi kien relattivament ikkontrollat. Tnaqqis temporanju fl-għadd ta' sigħat ta' ħidma u nuqqas fil-produttività tal-ħaddiema kull siegħa serva funzjoni ta' bafer. Wara tnaqqis ta' 0,4 % fl-2009, l-impjiegi reġgħu żdiedu fl-2010. Madankollu, il-qgħad tela' minn 7 % qabel ir-reċessjoni għal 8,3 % fl-2010. B'riżultat tal-irkupru fil-kummerċ dinji, l-irkupru fl-2010 kien aktar b'saħħtu milli mistenni, fejn il-PDG żdied bi 2,2 %. Minħabba l-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-miżuri diskrezzjonali li ttieħdu b'reazzjoni għall-kriżi, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tela' minn 1,3 % fl-2008 għal 5,9 % tal-PDG fl-2009.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa plawsibbli. Għalkemm huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet dwar it-tkabbir kemxejn inqas favorevoli għall-2011, huwa ġeneralment konformi mal-aħħar previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2011. Wara defiċit aħjar milli mistenni ta' 4,1 % fl-2010, l-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegat fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa ta' aktar tnaqqis tad-defiċit sa 3,6 % fl-2011 u taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % sal-2012, id-data ta' skadenza ssettjata mill-Kunsill għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. It-tnaqqis fid-defiċit ippjanat għall-2011 jidher li huwa fattibbli fid-dawl tal-projezzjonijiet ekonomiċi pjuttost kawti. Madankollu, hemm il-probabbiltà li l-isforz fiskali se jkun taħt iz-0,75 % tal-medja tal-isforz annwali tal-PDG irrakomandat mill-Kunsill, partikolarment fl-2011 u l-2012 fejn ikun jammonta biss għal 0,4 u 0,3 % tal-PDG f'termini strutturali rispettivament. Barra minn hekk, il-miri tad-defiċit għall-2012 u s-snin sussegwenti mhumiex appoġġati minn miżuri ta' aġġustament speċifiċi. Finalment, l-objettiv ta' terminu medju (OTM), li huwa eċċess strutturali ta' 0,5 % tal-PDG, mhuwiex mistenni li jintlaħaq matul il-perjodu tal-Programm ta’ Stabbiltà 2011-2014.

(9)

Fid-dawl ta' riżultat aħjar milli mistenni rreġistrat fl-2010, ikun jixraq tnaqqis aktar ambizzjuż tad-defiċit fl-2011, kif ukoll progress aktar mgħaġġel milli mistenni lejn il-livell limitu ta' 3 % ta' PDG. Barra minn hekk mhux se jkun possibbli li jiġi tterminat id-defiċit eċċessiv sal-2012 u li jkompli jsir progress lejn l-OTM mingħajr aktar miżuri ta' konsolidament. Ladarba l-piż tat-taxxa, speċjalment dak fuq l-introjtu mix-xogħol, huwa diġà għoli ħafna fil-Belġju, dawn il-miżuri ta' konsolidament għandhom ikunu essenzjalment ibbażati fuq in-nefqa.

(10)

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja reġġgħet ix-xejra preċedenti għat-terminu twil tat-tnaqqis tad-dejn tal-gvern. Il-proporzjon tad-dejn, li kellu xejra 'l isfel sa mill-1993 (meta laħaq il-quċċata ta' 134 % tal-PDG, u wara niżel kontinwament sakemm laħaq l-84 % tal-PDG fl-2007), reġa tela' mill-2008 u laħaq 96,8 % tal-PDG fl-aħħar tal-2010. Il-livell għoli ta' dejn pubbliku jibqa' sfida importanti, partikolarment għaliex l-impatt baġitarju fuq terminu twil tax-xjuħija huwa ogħla mill-medja tal-UE, l-aktar b'riżultat ta' żieda relattivament għolja fin-nefqa tal-pensjoni, li se titfa, aktar piż fuq il-finanzi pubbliċi. Fil-Programm ta’ Stabbiltà, l-awtoritajiet jimmarkaw strateġija fuq tliet livelli sabiex titnaqqas iż-żieda sostanzjali projettata fin-nefqa relatata mal-età (it-tnaqqis tal-livell tad-dejn pubbliku, żieda fl-impjiegi u fir-rati ta' parteċipazzjoni u l-provvediment ta' sistema ta' sigurtà soċjali b, saħħitha u bbażata fuq is-solidarjetà. L-iżgurar ta' surplus primarji suffiċjenti matul it-terminu medju u aktar riformi fis-sistema tas-sigurtà soċjali Belġjana, partikolarment is-sistema tal-pensjoni, sabiex tiġi kkontrollata ż-żieda sostanzjali projettata fin-nefqa marbuta mal-età, għandu jtejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma għoljin.

(11)

Sfida importanti għall-Belġju hija li jiżgura settur finanzjarju stabbli u li jiffunzjona sew, b'kapaċità li jlaħħaq mal-bżonnijiet tal-intermedjazzjoni finanzjarja tal-ekonomija reali. Matul l-aħħar sentejn, is-settur finanzjarju Belġjan intlaqat ħafna mill-kriżi finanzjarja, li rriżultat f'karti tal-bilanċ ridotti, għajnuna mill-istat sostanzjali u modifika tas-superviżjoni bankarja. Is-sitwazzjoni finanzjara tas-settur bankarju għadha fraġli. Barra minn hekk, is-settur bankarju fil-Belġju huwa kkonċentrat ħafna u relattivament kbir meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija.

(12)

Il-Liġi tal-1996 dwar “Il-Promozzjoni tal-Impjiegi u l-Protezzjoni Prekawzjonarja tal-Kompetittività” tistipula li x-xejra fil-pagi fil-Belġju għandha tkun konformi max-xejra fil-pagi fit-tliet pajjiżi ġirien (Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi), b'hekk il-kost tax-xogħol jibqa' taħt kontroll. Madankollu, din il-liġi ma kinetx kapaċi tkun preventiva f'sitwazzjoni fejn, matul il-perjodu 2005-2010, il-pagi żdiedu b'rata iktar mgħaġġla fil-Belġju milli fit-tliet pajjiżi ġirien, filwaqt li t-tkabbir fil-produttività kien aktar bil-mod. B'konsegwenza ta' dan, il-kost unitarju tax-xogħol kompla jiżdied b'rata aktar mgħaġġla fil-Belġju meta mqabbel mat-tliet pajjiżi ġirien tiegħu u l-medja taż-żona euro. Dan huwa partikolarment problematiku għaliex il-Belġju huwa speċjalizzat f'oġġetti li fihom kontenut teknoloġiku relattivament baxx, u qed jaffaċċja kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi li għandhom kostijiet orħos. Minkejja li n-norma tal-pagi tippermetti t-tiqfis tan-negozjati tal-pagi, tista' titjib billi tqies id-differenzi fit-tkabbir tal-produttività u billi tipprovdi sistema aktar effikaċi biex timplimenta l-korrezzjonijiet ex post fil-każ li ma jintlaħqux il-miri.

(13)

Is-suq tax-xogħol huwa kkaratterizzat minn għadd ta' riġiditajiet li joħolqu diżinċentivi sinifikanti milli wieħed jibda jaħdem, l-aktar: it-tul ta' żmien mingħajr limiti tal-benefiċċji tal-qgħad; ir-rati marġinali ta' taxxa effettivi għoljin u l-porzjon għoli tat-taxxa (partikolarment għall-ħaddiema li għandhom paga baxxa); u l-kombinament tat-tneħħija tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali u t-tassazzjoni għolja meta wieħed jibda jaħdem. Barra minn hekk, diversi rotot ta' rtirar għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età jipprovdu inċentivi biex wieħed jitlaq mis-suq tax-xogħol qabel l-età statutorja tal-irtirar ta' 65. Aktar riforma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u l-estensjoni tagħhom biex ikopru lil dawk li għandhom aktar minn 50 sena, għandhom jgħinu ż-żieda fir-rata tal-impjiegi inġenerali u jtejbu l-inċentivi għat-tiftix tax-xogħol. Addizzjonalment, aktar tnaqqis fil-livell u d-dewmien tal-benefiċċji tal-qgħad matul iż-żmien għandhom jipprovdu lill-ħaddiema iżgħar fl-età b'inċentiv ikbar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Jekk il-kriterji tal-aċċess għall-irtirar kmieni jsiru iktar stretti dan għandu jħeġġeġ lill-ħaddiema aktar anzjani biex jibqgħu fil-forza tax-xogħol attiva, u ħaddiema aktar anzjani li jkunu ilhom mingħajr xogħol għal perjodu ta' żmien biex jirritornaw lejn is-suq tax-xogħol. Finalment, il-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE għandhom rata ta' impjieg (40,9 %) li hija ħafna aktar baxxa mill-medja tal-UE.

(14)

Il-piż kumplessiv tat-taxxa fuq ix-xogħol fil-Belġju huwa wieħed mill-ogħla fl-UE; għalhekk, it-tnaqqis tiegħu għandu jagħti kontribut biex ix-xogħol jidher aktar attraenti. Madankollu, fid-dawl tal-isforz sostanzjali tal-konsolidazzjoni li diġà sar, dan jeħtieġ li jkun kumpensat permezz ta' żidiet ekwivalenti f'taxxi li joħolqu inqas distorzjoni, pereżempju fuq il-konsum jew permezz ta' ċaqliq lejn taxxi li huma aktar favur l-ambjent. Il-Belġju għandu rati ta' taxxa impliċita fuq l-enerġija, ħafna aktar baxxi mill-pajjiżi ġirien. Meta din tiġi kkumbinata mal-porzjon għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol, il-Belġju għandu l-iżjed proporzjon baxx ta' taxxi ambjentali meta mqabbel ma' taxxi tax-xogħol fl-UE kollha. Dan ta kontribut għal sitwazzjoni fejn il-qgħad għoli jeżisti flimkien ma' użu relattivament għoli tal-enerġija, fejn jagħmilha aktar diffiċli biex jintlaħqu l-miri dwar l-impjiegi u l-effiċjenza l-enerġetika.

(15)

Il-prezzijiet għal ħafna oġġetti u servizzi fil-Belġju huma ġeneralment ogħla minn Stati Membri oħra, u jirriflettu pressjonijiet kompetittivi dgħajfa – speċjalment fis-settur tal-konsumaturi u l-industriji li jużaw netwerk – u qafas superviżorju dgħajjef. Fis-settur tal-konsumaturi, il-barrieri għad-dħul u r-restrizzjonijiet operazzjonali huma għoljin. Partikolarment, ir-regolamenti dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni għadhom jirrestrinġu l-ħinijiet tal-ftuħ, jipproteġu lil dawk stabbiliti minn dħul ġdid u jipprojbixxu t-tixrid ta' mudelli tal-negozju u t-teknoloġiji ġodda. Problema komuni tal-kompetizzjoni fis-setturi li jużaw netwerk fil-Belġju hija l-pożizzjoni b'saħħitha ta' dawk stabbiliti u l-barrieri tad-dħul għoljin meta mqabbla ma' Stati Membri oħrajn, li tfisser li monopolisti preċedenti f'dawn is-setturi għadhom jistgħu jirċievu profitti aktar għoljin billi jitolbu prezzijiet ogħla milli jkun jippermetti suq kompetittiv.

(16)

L-awtoritajiet Belġjani għamlu għadd ta' impenji marbuta mal-Patt Euro Plus. L-impenji jirreferu għall-erba' oqsma tal-Patt. Dawn jiffukaw fuq miżuri biex ibaxxu d-defiċit, iżommu taħt kontroll il-prezzijiet tal-enerġija u jħeġġu l-kompetizzjoni, jikkontrollaw iż-żidiet reali fil-pagi, jimplimentaw qafas superviżorju biex jagħmel monitoraġġ tas-settur finanzjarju u jintroduċu miżuri biex iżiedu l-età effettiva ta' rtirar. Madankollu, ma hemmx informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq l-objettiv meħtieġ min-naħa fiskali; lanqas ma hemm informazzjoni dwar kif it-tkabbir reali tal-pagi jew il-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jiġu kkontrollati. Fir-rigward tal-iskemi ta' rtirar bikri, mhuwiex ċar jekk u meta se ssir ir-reviżjoni tal-“Patt tal-Ġenerazzjoni” u x'se jkun l-impatt ta' dik ir-reviżjoni f'termini ta' miżuri konkreti. Dawn l-impenji ġew ivvalutati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-Patt Euro Plus. Qieset ir-relevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Belġju, u l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jipprovdu input fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-ġejjieni. Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li tnaqqis aktar ambizzjuż tad-defiċit fl-2011 għandu jkun possibbli, u li aktar miżuri ta' konsolidament għandhom ikunu speċifikati għall-2012 u lil hinn. Sabiex titjieb s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, hija meħtieġa aktar riforma fis-sistema tal-pensjoni. Għandhom jittieħdu wkoll aktar passi biex tissaħħaħ il-kompetittività, biex in-nies ikunu megħjuna jsibu impjieg u biex il-piż tat-taxxa jiċċaqlaq mix-xogħol għall-konsum u l-enerġija, kif ukoll jinfetħu aktar opportunitajiet għall-investiment u tkabbir fis-settur tas-servizzi u l-industriji li jużaw netwerk.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, li tqis ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta' Stabbiltà tal-Belġju u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) tiegħu hawn taħt,

JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni matul il-perjodu 2011-2012 sabiex:

(1)

Jieħu vantaġġ mill-irkupru ekonomiku li għaddej biex jaċċellera l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Għal dan il-għan, jieħu l-miżuri neċessarji speċifikati – l-aktar min-naħa tan-nefqa – sa ma jasal iż-żmien għall-baġit tal-2012 biex jikseb medja tal-isforz strutturali fiskali annwali skont ir-rakkomandazzjonijiet taħt il-PDE, u b'hekk iġib il-proporzjon għoli ta' dejn pubbliku fi triq 'l isfel. Dan għandu jġib id-defiċit tal-gvern sew inqas minn 3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG sal-2012 l-aktar tard. Jiżgura progress lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena.

(2)

Jieħu passi biex itejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. F'konformità mal-qafas tal-Istrateġija tal-UE tat-tliet aspetti, il-fokus għandu jitqiegħed fuq il-kontroll tan-nefqa marbuta mal-età, b'mod partikolari permezz tal-prevenzjoni mill-ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol sabiex tiżdied ferm l-età effettiva ta' rtirar. Miżuri bħal rabta bejn l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor jistgħu jiġu kkunsidrati.

(3)

Jindirizza d-dgħufiji strutturali fis-settur finanzjarju, partikolarment billi jiffinalizza r-ristrutturar tal-banek li jeħtieġu mudell tan-negozju ffinanzjat adegwatement u vijabbli.

(4)

Jieħu passi sabiex jirriforma, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prassi nazzjonali, is-sistema tan-negozjar tal-pagi u l-indiċjar tal-pagi, biex jiżgura li t-tkabbir fil-pagi jirrifletti aħjar l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol u l-kompetittività.

(5)

Itejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jnaqqas il-piż għoli tat-taxxa u s-sigurtà soċjali għal dawk li għandhom pagi inqas b'ebda implikazzjoni baġitarja u billi jintroduċi sistema fejn il-livell tal-benefiċċji tal-qgħad jonqos gradwalment tul il-perjodu tal-qgħad. Jieħu passi biex il-piż tat-taxxa jiċċaqlaq mix-xogħol għall-konsum u biex is-sistema tat-taxxa ssir aktar favur l-ambjent. Itejjeb l-effikaċja tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol billi jimmira miżuri lejn il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-gruppi vulnerabbli.

(6)

Jintroduċi miżuri biex isaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-konsumaturi, billi jbaxxi l-barrieri għad-dħul u jnaqqas ir-restrizzjonijiet operazzjonali; u jintroduċi miżuri biex isaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku u l-gass billi jkompli jtejjeb l-effikaċja tar-regolatur settorjali u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.