|
4.11.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 287/1 |
DEĊIŻJONI Nru 1104/2011/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Ottubru 2011
dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (3) jipprevedi fl-Anness tiegħu li l-għanijiet speċifiċi tal-programm Galileo jikkonsistu li jiġi żgurat li s-sinjali li titfa' s-sistema stabbilita taħt dak il-programm jkunu jistgħu jintużaw b'mod partikolari biex jiġi offrut servizz pubbliku regolat ("SPR") riżervat għal utenti awtorizzati mill-gvernijiet, għal applikazzjonijiet sensittivi li jeħtieġu kontroll effikaċi tal-aċċess u livell għoli ta' kontiwità ta' servizz. |
|
(2) |
Filwaqt li hemm dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 li japplikaw ukoll għas-servizzi, inkluż is-SPR, elenkati fl-Anness tiegħu, fid-dawl tar-rabtiet bejn is-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo u s-SPR minn perspettiva ġuridika, teknika, operattiva, finanzjarja u dik relattiva għad-dritt ta’ proprjetà, huwa xieraq li r-regoli rilevanti dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti tas-sigurtà jiġu riprodotti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(3) |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fakkru bosta drabi li s-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo hija sistema ċivili taħt kontroll ċivili, jiġifieri stabbilita skont standards ċivili minn eżiġenzi ċivili u taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(4) |
Il-programm Galileo huwa ta' importanza strateġika għall-indipendenza tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ navigazzjoni bis-satellita, ta’ pożizzjonament u ta’ kronometraġġ u joffri kontribut importanti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija "Ewropa 2020" għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. |
|
(5) |
Fost is-servizzi diversi offruti mis-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, is-SPR huwa s-servizz kemm l-aktar sikur kif ukoll l-aktar sensittiv u għaldaqstant huwa idoneu għas-servizzi li fihom jeħtieġ li jkunu żgurati solidità u affidabbiltà totali. Huwa għandu jiżgura, għall-benefiċċju tal-utenti tiegħu, kontinwità ta' servizz anke fis-sitwazzjonijiet ta' kriżi l-aktar serji. Il-konsegwenzi ta' infrazzjoni tar-regoli ta' sigurtà waqt l-użu ta' dan is-servizz m'għandhomx ikunu limitati għall-utent ikkonċernat, iżda għandhom jiġu estiżi potenzjalment għal utenti oħra. L-użu u l-ġestjoni tas-SPR għalhekk għandhom jaqaw taħt ir-responsabbiltà komuni tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-Unjoni u s-sigurtà tagħhom stess. F'dan il-kuntest, l-aċċess għas-SPR għandu jkun limitat b'mod strett għal ċerti kategoriji ta' utenti li jkunu suġġetti għal monitoraġġ kontinwu. |
|
(6) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġu definiti r-regoli ta’ aċċess għas-SPR u tar-regoli ta' ġestjoni tiegħu, partikolarment billi jiġu speċifikati b'mod partikolari l-prinċipji ġenerali relatati ma' dan l-aċċess, il-funzjonijiet tal-entitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll diversi, il-kundizzjonijiet marbuta mal-manifattura u mas-sigurtà tar-riċevituri, u s-sistema tal-monitoraġġ tal-esportazzjonijiet. |
|
(7) |
Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tal-aċċess għas-SPR, fid-dawl tal-għan stess ta' dan is-servizz u l-karatteristiċi tiegħu, l-użu tiegħu għandu jkun strettament riżervat, u l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) għandhom jingħataw aċċess b'mod diskrezzjonali, illimitat u mhux interrott fil-partijiet kollha tad-dinja. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkun jista' jieħu deċiżjoni sovrana dwar liema utenti tas-SPR ikunu awtorizzati u liema użi jsiru minnu, inklużi l-użi marbuta mas-sigurtà, b'mod konformi mal-istandards minimi komuni. |
|
(8) |
Sabiex jiġi promoss l-użu tat-teknoloġija Ewropea fil-partijiet kollha tad-dinja, għandu jkun possibbli għal ċerti pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jsiru parteċipanti fis-SPR permezz ta' ftehimiet separati konklużi magħhom. Għall-applikazzjonijiet governattivi sikuri fir-rigward tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, il-kundizzjonijiet li taħthom pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu jistgħu jużaw is-SPR għandhom jiġu previsti fi ftehimiet internazzjonali u dan għandu jinftiehem li r-rispett tal-eżiġenzi ta' sigurtà għandhom ikunu dejjem obbligatorji. Fil-kuntest ta' ftehimiet bħal dawn, għandha jkun possibbli li tkun permessa l-manifattura ta' riċevituri tas-SPR taħt kundizzjonijiet u rekwiżiti speċifiċi, kemm-il darba dawn ikunu f'livell li jkun tal-anqas ekwivalenti għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti applikati għall-Istati Membri. Iżda, dawn il-ftehimiet ma għandhomx jinkludu materji partikolarment sensittivi mil-lat tas-sigurtà bħall-manifattura tal-moduli ta' sigurtà. |
|
(9) |
Huwa meħtieġ li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu nnegozjati filwaqt li titqies bi sħiħ l-importanza li jiġu żgurati r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon kif ukoll tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, tad-dinjità umana, tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' solidarjetà, u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-liġi internazzjonali. |
|
(10) |
Ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Aġenzija Spazjali Ewropea għandhom joffru livell ta' protezzjoni tal-anqas ekwivalenti għal dik mogħtija mir-regoli dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (4) u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (5). |
|
(11) |
L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà kemm tas-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo kif ukoll tat-teknoloġija u t-tagħmir tas-SPR, sabiex jevitaw l-użu tas-sinjali maħruġa għas-SPR minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi mhux awtorizzati, u sabiex jimpedixxu l-użu ostili tas-SPR kontrihom. |
|
(12) |
Huwa importanti f'dan ir-rigward li l-Istati Memri jiddeterminaw is-sistema ta' pieni applikabbli fil-każ ta' non-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni u jiżguraw li dawn il-pieni jkunu applikati. Dawn il-pieni għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. |
|
(13) |
Fir-rigward ta’ entitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll, jidher li l-aqwa mod għall-ġestjoni effikaċi tal-użu tas-SPR ikun arranġament li bih il-parteċipanti fis-SPR jaħtru "awtorità kompetenti tas-SPR" li tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-utenti, billi tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati diversi responsabbli għas-sigurtà u billi tiżgura kontroll permanenti tal-utenti pubbliċi, b'mod partikolari tal-utenti nazzjonali, f'konformità mal-istandards minimi komuni. Madankollu, għandu jkun hemm flessibiltà sabiex ikun possibbli ghall-Istati Membri li jorganizzaw ir-responsabilitajiet b'mod effiċjenti. |
|
(14) |
Fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu jsir f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, kif stabbilit, partikolarment, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (6) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (7). |
|
(15) |
Barra minn hekk, waħda mill-funzjonijiet taċ-Ċentru ta' Sigurtà Galileo (“iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo” jew iċ-“ĊMSG”) msemmija fl-Artikolu 16(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 għandha tkun li tinżamm interazzjoni operattiva bejn il-partijiet interessati differenti responsabbli għas-sigurtà tas-SPR. |
|
(16) |
Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà huma meħtieġa li jkollhom rwol fil-ġestjoni tas-SPR, permezz tal-applikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffettwaw s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (8). Il-Kunsill għandu japprova ftehimiet internazzjonali li jawtorizzaw lil xi pajjiż terz jew lil xi organizzazzjoni internazzjonali li jużaw is-SPR. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-manifattura u s-sigurtà tar-riċevituri, ir-rekwiżiti ta' sigurtà jeħtieġu li dan il-kompitu jkun fdat biss f'idejn Stat Membru li jkun ħatar awtorità kompetenti tas-SPR jew f'idejn impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru li jkun ħatar awtorità kompetenti tas-SPR. Barra minn hekk, il-manifattur tar-riċevituri għandu jkun ġie awtorizzat kif jistħoqq mill-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà għas-sistemi GNSS Ewropej stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 912/2010 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà”) u għandu jikkonforma mad-deċiżjonijiet tiegħu. Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti tas-SPR li jimmonitorjaw kontinwament il-konformità kemm ma' dak ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni u dawk id-deċiżjonijiet kif ukoll mar-rekwiżiti tekniċi partikolari li jirriżultaw mill-istandards minimi komuni. |
|
(18) |
Stat Membru li ma jkunx ħatar awtorità kompetenti tas-SPR għandu f'kull każ jaħtar punt ta' kuntatt għall-ġestjoni ta' kwalunkwe interferenza elettromanjetika dannuża li tiġi skoperta u li tolqot is-SPR. Dak il-punt ta' kuntatt għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika li jkollha rwol ta' punt ta' rappurtar, jew indirizz, li l-Kummissjoni tkun tista' tikkuntattja fejn ikun hemm interferenza elettromanjetika potenzjalment dannuża bil-għan li tirrimedja tali interferenza. |
|
(19) |
Fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-esportazzjonijiet ’il barra mill-Unjoni ta' tagħmir jew teknoloġiji u software relatati mal-użu tas-SPR u relatati mal-iżvilupp u l-manifattura tas-SPR, indipendentement mill-fatt jekk dak it-tagħmir, dak is-software jew dik it-teknoloġija humiex elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (10), għandhom jiġu ristretti għal dawk il-pajjiżi terzi li jkunu debitament awtorizzati biex ikollhom aċċess għas-SPR taħt ftehim internazzjonali mal-Unjoni. Pajjiż terz li fit-territorju tiegħu jkun hemm stabbilit stazzjon ta' referenza li jakkomoda xi tagħmir tas-SPR u li jifforma parti mis-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo ma għandux jitqies bħala parteċipant fis-SPR fuq il-bażi ta' dan il-fatt biss. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b'mod konformi mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istandards minimi komuni fl-oqsma stabbiliti fl-Anness u, jekk ikun meħtieġ, li taġġornah u temendah sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-programm Galileo. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati matul ix-xogħol ta' preparazzjoni tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(21) |
Minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà tas-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kemm individwalment kif ukoll kollettivament, huwa essenzjali li jkunu applikati uniformement f'kull Stat Membru regoli komuni dwar l-aċċess għas-SPR u l-manifattura ta' riċevituri tas-SPR u ta' moduli ta' sigurtà. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta rekwiżiti dettaljati, linji gwida u miżuri oħrajn bil-għan li tagħti effett lill-istandards minimi komuni. Bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (11). |
|
(22) |
Il-verifiki u l-ispezzjonijiet li għandhom isiru mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Istati Membri għandhom, skont il-każ, isiru b'mod simili għal dak previst fil-parti VII tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2011/292/UE. |
|
(23) |
Ir-regoli ta’ aċċess għas-SPR offrut mis-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo huma prerekwiżit għall-implimentazzjoni tas-SPR. Il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk għandhiex tkun stabbilita politika tariffarja għas-SPR, ukoll fir-rigward ta' pajjiżi terzi u organizzazzonijiet internazzjonali, u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' dik l-analiżi. |
|
(24) |
Ladarba l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tistabbilixxi r-regoli li taħthom l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE, l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jkollhom aċċess għas-SPR, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista', minħabba d-daqs tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tieħu miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. |
|
(25) |
Malli s-SPR jiġi ddikjarat operattiv, għandu jitwaqqaf mekkaniżmu ta' rappurtar u reviżjoni, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli li taħthom l-Istati, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE, l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jkollhom aċċess għas-servizz pubbliku regolat (SPR) pprovdut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
"parteċipanti fis-SPR" tfisser l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u s-SEAE kif ukoll l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, safejn dawn l-aġenziji, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet ikunu ġew debitament awtorizzati; |
|
(b) |
"utenti tas-SPR" tfisser persuni fiżiċi jew ġuridiċi debitament awtorizzati minn parteċipant fis-SPR biex ikunu proprjetarji ta’, jew jużaw riċevitur SPR. |
Artikolu 3
Prinċipji ġenerali fir-rigward tal-aċċess għas-SPR
1. L-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE għandu jkollhom id-dritt ta' aċċess għas-SPR b'mod illimitat u mhux interrott fil-partijiet kollha tad-dinja.
2. Kull Stat Membru, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu jekk jużawx is-SPR fil-kompetenzi rispettivi tagħhom.
3. Kull Stat Membru li juża s-SPR għandu jiddeċiedi indipendentement liema kategoriji ta' persuni fiżiċi li jirrisjedu fit-territorju tiegħu jew li jaqdu dmirijiet uffiċjali barra mit-territorju tiegħu f'isem dak l-Istat Membru u ta' persuni ġuridiċi stabbiliti fit-territorju tiegħu ikunu awtorizzati bħala utenti tas-SPR, kif ukoll dwar l-użi li jsiru mis-SPR, f'konformità mal-Artikolu 8 u l-punt 1(i) u (ii) tal-Anness. Dawn l-użi jistgħu jinkludu użi relatati mas-sigurtà.
Il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jiddeċiedu liema kategoriji tal-aġenti tagħhom ikunu awtorizzati bħala utenti tas-SPR, f'konformità mal-Artikolu 8 u l-punt 1(i) u (ii) tal-Anness.
4. L-aġenziji tal-Unjoni jistgħu jsiru parteċipanti fis-SPR biss sa fejn ikun meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom f'konformità ma-r-regoli stabbiliti fi ftehim amministrattiv konkluż bejn il-Kummissjoni u l-aġenzija konċernata.
5. Pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali jistgħu jsiru parteċipanti fis-SPR biss fejn, f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jidħlu fiż-żewġ ftehimiet li ġejjin bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz konċernat jew l-organizzazzjoni internazzjonali konċernata:
|
a) |
ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni li jiddefinixxi l-qafas għall-iskambju u l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, u li jipprovdi grad ta' protezzjoni tal-anqas ekwivalenti għal dak tal-Istati Membri; |
|
b) |
ftehim li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tar-regoli dettaljati ta’ aċċess għas-SPR mill-pajjiż li mhuwiex Membru jew mill-organizzazzjoni internazzjonali; tali ftehim jista' jinkludi l-manifattura, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, ta' riċevituri tas-SPR, għajr għall-moduli ta' sigurtà. |
Artikolu 4
Applikazzjoni tar-regoli ta' sigurtà
1. Kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li r-regolamenti nazzjonali tiegħu ta' sigurtà joffru grad ta' protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-anqas ekwivalenti għal dik mogħtija mir-regoli dwar is-sigurtà kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom u fid-Deċiżjoni 2011/292/UE u li dawk ir-regolamenti nazzjonali ta' sigurtà japplikaw għall-utenti tas-SPR tiegħu u għall-persuni fiżiċi kollha residenti fit-territorju tiegħu u għall-persuni ġuridiċi kollha stabbiliti fit-territorju tiegħu li jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE relatata mas-SPR.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-adozzjoni tar-regoli nazzjonali ta' sigurtà msemmija fil-paragrafu 1.
3. Jekk jirriżulta li xi informazzjoni klassifikata tal-UE relatata mas-SPR ġiet żvelata lil kwalunkwe persuna mhux awtorizzata li tirċeviha, il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni totali mal-Istati Membri kkonċernati:
|
(a) |
tinforma lill-oriġinatur tad-data klassifikata tas-SPR; |
|
(b) |
tagħmel stima tad-dannu potenzjali kkawżat lill-interessi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri; |
|
(c) |
tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bir-riżultati ta' dik l-istima akkumpanjata minn rakkomandazzjoni sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni; f’tali każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-azzjonijiet li jkollhom il-ħsieb li jieħdu jew li jkun ħadu diġà, inkluża azzjoni mmirata lejn il-prevenzjoni ta’ ripetizzjoni, kif ukoll bir-riżultati ta' dawn l-azzjonijiet; u |
|
(d) |
tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont il-każ, b'dawk ir-riżultati. |
Artikolu 5
Awtorità kompetenti tas-SPR
1. Għandha tinħatar awtorità kompetenti tas-SPR:
|
(a) |
minn kull Stat Membru li juża s-SPR u kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hemm stabbilita kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(1); f'dawn il-każijiet, l-awtorità kompetenti tas-SPR għandha tkun stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li għandu jinnotifika l-ħatra lill-Kummissjoni mingħajr dewmien; |
|
(b) |
mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, jekk jużaw is-SPR. F'tali każ, l-Aġenzija Ewropea GNSS stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 912/2010 ("l-Aġenzija Ewropea GNSS”) tista' tinħatar bħala l-awtorità kompetenti tas-SPR, skont arranġamenti xierqa; |
|
(c) |
mill-aġenziji tal-Unjoni u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3(4) u (5); f'dawn il-każijiet, l-Aġenzija Ewropea GNSS tista' tinħatar bħala l-awtorità kompetenti tas-SPR; |
|
(d) |
minn pajjiżi terzi, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3(5). |
2. L-ispejjeż għall-funzjonament ta’ awtorità kompetenti tas-SPR għandhom jitħallsu mill-parteċipanti fis-SPR li ħatruha.
3. Stat Membru li ma jkunx ħatar awtorità kompetenti tas-SPR skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu, f'kull każ, jaħtar punt ta' kuntatt għall-assistenza, kif ikun neċessarju, fir-rappurtar ta' interferenza elettromanjetika potenzjalment dannuża li tiġi skoperta u li tolqot lis-SPR. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika mingħajr dewmien tali ħatra lill-Kummissjoni.
4. Awtorità kompetenti tas-SPR għandha tiżgura li l-użu tas-SPR ikun f'konformità mal-Artikolu 8 u l-punt 1 tal-Anness u li:
|
(a) |
l-utenti tas-SPR ikunu raggruppati għall-ġestjoni tas-SPR maċ-ĊMSG; |
|
(b) |
ikunu determinati u ġestiti d-drittijiet ta' aċċess għas-SPR għal kull grupp jew utent; |
|
(c) |
jinkisbu miċ-ĊMSG il-kodiċijiet tas-SPR u informazzjoni klassifikata relatata oħra; |
|
(d) |
jitqassmu lill-utenti l-kodiċijiet tas-SPR u informazzjoni klassifikata relatata oħra; |
|
(e) |
ikunu ġestiti s-sigurtà tar-riċevituri u t-teknoloġija u l-informazzjoni klassifikati assoċjati u ssir stima tar-riskji; |
|
(f) |
ikun stabbilit punt ta' kuntatt għall-assistenza, kif ikun neċessarju, fir-rappurtar ta' interferenza elettromanjetika potenzjalment dannuża li tiġi skoperta u li tolqot lis-SPR. |
5. L-awtorità kompetenti tas-SPR ta' Stat Membru għandha tiżgura li entità stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru tista' tiżviluppa jew timmanifattura biss riċevituri tas-SPR jew moduli ta' sigurtà jekk tali entità:
|
(a) |
tkun ġiet akkreditata mill-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà f'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 912/2010, u |
|
(b) |
tikkonforma kemm mad-deċiżjonijiet tal-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà u mal-Artikolu 8 u l-punt 2 tal-Anness dwar l-iżvilupp u l-manifattura tar-riċevituri tas-SPR jew il-moduli ta' sigurtà, safejn dawn jirrigwardaw l-attività tagħha. |
Kull awtorizzazzjoni ta’ manifattura ta’ tagħmir previst f'dan il-paragrafu għandu jiġi rivedut tal-anqas kull ħames snin.
6. Fil-każ tal-iżvilupp jew tal-manifattura msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, jew fil-każ ta' esportazzjoni ’il barra mill-Unjoni, l-awtorità kompetenti tas-SPR tal-Istat Membru konċernat għandha taġixxi bħala punt ta’ interazzjoni għall-entitajiet kompetenti għar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tat-tagħmir rilevanti, tat-teknoloġija u tas-software dwar l-użu u l-iżvilupp ta’, u l-manifattura għas-SPR, bil-għan li jiġi garantit li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 jkunu applikati.
7. Awtorità kompetenti tas-SPR għandha tkun konnessa maċ-ĊMSG skont l-Artikolu 8 u l-punt 4 tal-Anness.
8. Il-paragrafi 4 u 7 għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-possibilità għall-Istati Membri li jiddelegaw ċerti kompiti speċifiċi lill-awtorità kompetenti tas-SPR rispettiva tagħhom, permezz ta' kunsens reċiproku, lil Stat Membru ieħor, barra minn kull kompitu relatat mal-eżerċizzju tas-sovranità fuq it-territorji rispettivi tagħhom. Il-kompiti msemmija fil-paragrafi 4 u 7, kif ukoll il-kompiti fl-ambitu tal-paragrafu 5, għandhom jitwettqu konġuntament mill-Istati Membri. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.
9. Awtorità kompetenti tas-SPR tista' titlob l-assistenza teknika tal-Aġenzija Ewropea GNSS biex twettaq il-kompiti tagħha, suġġett għal arranġamenti speċifiċi. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien dawn l-arranġamenti lill-Kummissjoni.
10. Kull tliet snin l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea GNSS dwar il-konformità mal-istandards minimi komuni.
11. Kull tliet snin il-Kummissjoni għandha, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea GNSS, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità mill-awtoritajiet kompetenti tas-SPR mal-istandards komuni minimi, kif ukoll fi kwalunkwe każ ta' ksur gravi ta’ dawk l-istandards.
12. Fejn awtorità kompetenti tas-SPR ma tikkonformax mal-istandards minimi komuni stabbiliti fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni tista', b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat u, jekk ikun meħtieġ, wara li tikseb informazzjoni speċifika ulterjuri, toħroġ rakkomandazzjoni. Fi żmien 3 xhur mill-ħruġ tar-rakkomandazzjoni, l-awtorità kompetenti tas-SPR kkonċernata għandha tikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew inkella titlob jew tipproponi modifiki bil-għan li tkun żgurata l-konformità mal-istandards minimi komuni u timplimentahom bi qbil mal-Kummissjoni.
Jekk, ladarba jkun skada l-perjodu tat-3 xhur, l-awtorità kompetenti tas-SPR tkun għadha ma żguratx il-konformità mal-istandards minimi komuni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u tipproponi t-teħid ta' miżuri xierqa.
Artikolu 6
Rwol taċ-ĊMSG
Iċ-ĊMSG għandu jipprovdi l-interazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li jaġixxu taħt l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK u ċ-ċentri ta' kontroll. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-SPR.
Artikolu 7
Il-manifattura u s-sigurtà tar-riċevituri u tal-moduli ta' sigurtà
1. Stat Membru jista', suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1d), jagħti l-kompiti tal-manifattura tar-riċevituri tas-SPR jew tal-moduli ta' sigurtà assoċjati lil entitajiet stabbiliti fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor. Il-Kunsill, il-Kummissjoni jew is-SEAE jistgħu jafdaw il-manifattura tar-riċevituri tas-SPR jew tal-moduli ta' sigurtà assoċjati għall-użu tagħhom stess lil entitajiet stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru.
2. Il-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà jista' fi kwalunkwe mument jirrevoka l-awtorizzazzjoni mogħtija lil entità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sabiex timmanifattura riċevituri tas-SPR jew il-moduli ta' sigurtà assoċjati fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 5(5).
Artikolu 8
Standards minimi komuni
1. L-istandards minimi komuni li magħhom għandhom jikkonformaw l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR imsemmija fl-Artikolu 5 għandhom ikopru l-oqsma previsti fl-Anness.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 dwar l-adozzjoni tal-istandards minimi komuni għall-oqsma previsti fl-Anness u, jekk ikun meħtieġ, emendi li jaġġornaw l-Anness biex jitqiesu l-iżviluppi fil-programm Galileo, partikolarment fir-rigward tat-teknoloġija u tal-bidliet fl-eżiġenzi tas-sigurtà.
3. Abbażi tal-istandards minimi komuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tadotta r-rekwiżiti tekniċi, linji gwida u miżuri oħrajn li jkunu meħtieġa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħdu l-passi meħtieġa għall-konformità mal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tas-SPR u mal-utenti tiegħu u mat-teknoloġija relatata, filwaqt li titqies bi sħiħ il-konsulenza ta' esperti.
5. Bil-għan li tgħin fil-konformità ma' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita laqgħa tal-awtoritajietajiet kompetenti tas-SPR kollha tal-anqas darba fis-sena.
6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura, bl-għajnuna tal-Istati Membri u tal-Aġenzija Ewropea GNSS, li l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR jikkonformaw mal-istandards minimi komuni, b'mod partikolari billi tagħmel verifiki jew ispezzjonijiet.
Artikolu 9
Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni
L-esportazzjoni ’il barra mill-Unjoni ta' tagħmir, teknoloġija u software fir-rigward tal-użu u l-iżvilupp ta’, u l-manifattura għas-SPR ma għandhiex tkun awtorizzata ħlief f'konformità mal-Artikolu 8 u l-punt 3 tal-Anness u skont il-ftehimiet imsemmijin fl-Artikolu 3(5) jew taħt ftehimiet dwar ir-regoli dettaljati għall-akkomodazzjoni u l-operazzjoni ta’ stazzjonijiet ta' referenza.
Artikolu 10
Applikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri deċiżi skont l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.
Artikolu 11
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 8(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-5 ta’ Novembru 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin.
3. Id-delega ta' setgħat imsemmija fl-Artikolu 8(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 12
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 683/2008. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 13
Reviżjoni u rappurtar
Tal-anqas sentejn wara li s-SPR ikun ġie ddikjarat operattiv, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament adegwat u l-idoneità tar-regoli stabbiliti għall-aċċess għas-SPR u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi emendi għal din id-Deċiżjoni kif meħtieġ.
Artikolu 14
Regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-Programm Galileo
Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' din id-Deċiżjoni, sabiex ikun żgurat li s-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo taħdem mingħajr xkiel, għandhom ikunu awtorizzati l-aċċess għat-teknoloġija tas-SPR u d-dritt ta’proprjetà jew l-użu tar-riċevituri tas-SPR, suġġett għall-konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 u fl-Anness, fir-rigward ta’ dan li ġej:
|
(a) |
il-Kummissjoni, meta taġixxi bħala amministratur tal-programm Galileo; |
|
(b) |
l-operaturi tas-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo, biss għall-finijiet ta’ konformità mal-kompetenzi tagħhom, kif stabbilit f'arranġament speċifiku mal-Kummissjoni; |
|
(c) |
l-Aġenzija Ewropea GNSS, biex din tkun tista' twettaq il-kompiti fdati lilha, kif stabbilit f'arranġament speċifiku mal-Kummissjoni; |
|
(d) |
l-Aġenzija Spazjali Ewropea, strettament għall-finijiet ta' riċerka, żvilupp u użu tal-infrastruttura, kif stabbilit f'arranġament speċifiku mal-Kummissjoni. |
Artikolu 15
Pieni
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu liema pieni jkunu applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Deċiżjoni. Il-pieni għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 5 mhux aktar tard mis-6 ta’ Novembru 2013.
Artikolu 17
Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
M. DOWGIELEWICZ
(1) ĠU C 54, 19.2.2011, p. 36.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2011
(3) ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.
(4) OJ L 317, 3.12.2001, p. 1.
(5) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.
(6) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(7) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(8) ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30.
(9) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.
ANNESS
Standards minimi komuni
|
1. |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(4), l-istandards minimi komuni għall-użu tas-SPR ikopru l-oqsma li ġejjin:
|
|
2. |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(5), l-istandards minimi komuni għall-iżvilupp u l-manifattura tar-riċevituri tas-SPR jew tal-moduli ta' sigurtà jkopru dawn l-oqsma li ġejjin:
|
|
3. |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 9, l-istandards minimi komuni għar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ikopru dawn l-oqsma li ġejjin:
|
|
4. |
Fir-rigward tal-Artikolu 5(7), l-istandards minimi komuni għall-konnessjonijiet bejn iċ-ĊMSG u l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR ikopru konnessjonijiet ta’ data u konnessjonijiet vokali. |