28.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/48


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Diċembru 2011

li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-Netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika

(2011/890/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar -applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE inkariga lill-Unjoni biex tappoġġa u tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri li jaħdmu fi ħdan netwerk volontarju li jikkollega flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-servizzi elettroniċi tas-saħħa maħtura mill-Istati Membri (“in-Netwerk tas-Saħħa elettronika”).

(2)

Skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni hija obbligata li tadotta r-regoli meħtieġa għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u l-funzjonament trasparenti tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika.

(3)

Peress li l-parteċipazzjoni fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika hija volontarja, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissieħbu meta jridu. Għall-għanijiet organizzattivi, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom bil-quddiem.

(4)

Id-dejta personali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-esperti u tal-osservaturi li jipparteċipaw fin-Network għandha tiġi pproċessata skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (2), u tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (3).

(5)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2009 dwar il-kura tas-saħħa sigura u effiċjenti permezz tas-Saħħa elettronika għamel sejħa għal allinjament ta’ strateġiji dwar is-saħħa mal-istrateġiji u l-bżonnijiet tas-saħħa fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali permezz tal-involviment dirett tal-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali. Biex dan jinkiseb, il-konklużjonijiet tal-Kunsill sejħu wkoll mekkaniżmu ta’ ġestjoni ta’ livell għoli u wara tniedu Azzjoni Konġunta (4) u Netwerk Tematiku fl-oqfsa rispettivi tal-Programm tas-Saħħa (5) u l-Programm ta’ Sostenn tal-Politiki tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (6) (minn hawn 'il quddiem “l-Azzjoni Konġunta” u “n-Netwerk Tematiku”). Biex ikunu żgurati l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-konsistenza tal-ħidma dwar is-Saħħa elettronika fil-livell tal-Unjoni, u biex ikun evitat ix-xogħol doppju, jixraq li tkun żgurata kontinwazzjoni tal-ħidma tal-mekkaniżmu ta’ livell għoli msemmi hawn fuq fil-qafas tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika, safejn din il-ħidma tkun kompatibbli mal-għanijiet assenjati lin-Netwerk permezz tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/24/UE, u li l-Azzjoni Konġunta u n-Netwerk Tematiku jingħaqdu man-Netwerk tas-Saħħa elettronika.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf bl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/24/UE.

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għat-twaqqif, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-Netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika, kif stipulat bl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/24/UE.

Artikolu 2

Kompitu

1.   In-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandu jsegwi l-għanijiet assenjati lilu mill-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/24/UE.

2.   Waqt li jsegwi dawn l-għanijiet, in-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandu jaħdem b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Azzjoni Konġunta u man-Netwerk Tematiku u għandu jkompli jibni fuq ir-riżultati miksuba fil-qafas ta’ dawk iż-żewġ attivitajiet.

Artikolu 3

Sħubija – Ħatra

1.   Il-membri għandhom ikunu l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għas-Saħħa elettronika maħturin mill-Istati Membri li jkunu qegħdin jipparteċipaw fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika.

2.   L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħhom, kif ukoll lill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-Saħħa elettronika li jkunu ħatru skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/24/UE.

3.   Kull awtorità nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika għandha taħtar rappreżentant wieħed fin-Netwerk tas-Saħħa elettronika, kif ukoll rappreżentant wieħed alternattiv, u għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

4.   L-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru”).

5.   Id-dejta personali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-esperti u tal-osservaturi li jkunu qegħdin jipparteċipaw fin-Netwerk għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 4

Ir-relazzjoni bejn in-Netwerk tas-Saħħa elettronika u l-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta man-Netwerk tas-Saħħa elettronika dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mas-Saħħa elettronika fl-Unjoni, speċjalment meta dan ikun meħtieġ biex iservi ta’ gwida għall-Azzjoni Konġunta u n-Netwerk Tematiku.

2.   Kwalunkwe Membru tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika jista' jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta man-Netwerk tas-Saħħa elettronika dwar xi kwistjoni speċifika.

Artikolu 5

Regoli ta’ proċedura

In-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq il-proposta tas-servizzi tal-Kummissjoni permezz ta’ maġġoranza sempliċi, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fin-Netwerk.

Artikolu 6

Operat

1.   In-Netwerk tas-Saħħa elettronika jista' jistabbilixxi s-sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fuq il-bażi tat-termini ta’ referenza definiti minnu. Dawn is-sottogruppi għandhom jiżżarmaw malli jwettqu l-mandat tagħhom.

2.   In-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandu jadotta programm ta’ ħidma multiannwali u strument ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm.

3.   Il-membri tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jkunu mistiedna, għandhom iħarsu l-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mill-Artikolu 339 tat-Trattat u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà marbutin mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stipulati fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni ta’ Proċedura (7). F'każ li jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-President tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika jista' jieħu l-miżuri kollha li jkunu xierqa.

Artikolu 7

Is-Segretarjat tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali għan-Netwerk tas-Saħħa elettronika.

2.   Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika u s-sottogruppi tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet li jwettaq in-Netwerk tas-Saħħa elettronika, jew billi tinkludih fir-Reġistru jew billi tinkludih f'sit tal-Internet speċifiku ddedikat għall-grupp li jkun hemm ħolqa għalih fir-Reġistru.

Artikolu 8

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika mhumiex se jitħallsu mill-Kummissjoni għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenzamġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(4)  Joint Action on eĦealth Governance Initiative (Azzjoni Konġunta dwar l-Inizjattiva tal-Ġestjoni tas-Saħħa Elettronika); Commission Decision C(2010)7593 of 27 October 2010 on the awarding of grants for proposals for 2010 under the second Health Programme(2008-2013), Contract number 2010/2302

(5)  Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).

(7)  ĠU L 317, 31.12.2001, p. 1.