23.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/117


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2011

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/402/UE dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għaż-żerriegħa tal-fienu u ċertu żerriegħa u fażola importati mill-Eġittu

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9524)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/880/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(i) u (iii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b’mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. Dan jipprevedi miżuri ta’ emerġenza li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni meta jkun evidenti li ikel jew għalf importat minn pajjiż terz aktarx li joħloq riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u li tali riskju ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (2) jistipula r-regoli ġenerali għall-operaturi kummerċjali tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. Dawk ir-regoli jinkludu rekwiżiti ta’ iġjene biex jiżguraw li l-ikel importat ikun mill-inqas tal-istess standards ta’ iġjene bħall-ikel prodott fl-Unjoni, jew ikun ta’ standard ekwivalenti.

(3)

Ċerti lottijiet taż-żrieragħ tal-fienu importati mill-Eġittu ġew identifikati bħala l-aġent li kkawża t-tifqigħa fl-Unjoni tas-serotip O104:H4 tal-batteri Escherichia coli (STEC) li jipproduċi t-tossina Shiga. L-oriġini tat-tifqigħa ġiet identifikata bħala ż-żrieragħ tal-fienu mill-Eġittu kkonsmati bħala nebbieta.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/402/UE (3) introduċiet projbizzjoni fuq ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta’ ċerti żrieragħ u fażola importati mill-Eġittu li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness tagħha. Din il-projbizzjoni tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2012.

(5)

Madankollu, il-ħaxix leguminuż imnixxef u maqsum, il-fażola tas-sojja mkissra jew iż-żrieragħ taż-żejt u l-frott żejtni mkissra ma jintużawx għal finijiet ta’ tinbit. Il-ħxejjex leguminużi mnixxfa u maqsuma, il-fażola tas-sojja mkissra jew iż-żrieragħ taż-żejt imkissra u l-frott żejtni mkisser importati mill-Eġittu, ma għandhomx jitqiesu aktar bħala riskju għas-sikurezza tal-ikel u għandhom jerġgħu jingħataw l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni lejn l-Unjoni.

(6)

Il-miżuri ta’ emerġenza stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/402/UE għandhom għaldaqstant, jiġu emendati abbażi ta’ din l-informazzjoni ġdida.

(7)

Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/402/UE għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/402/UE jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(3)   ĠU L 179, 7.7.2011, p. 10.


ANNESS

“ANNESS

Żrieragħ u fażola mill-Eġittu li r-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni huwa pprojbit sal-31 ta’ Marzu 2012

Kodiċi NM (*1)

Deskrizzjoni

ex 0704 90 90

Nebbieta tar-rukola

ex 0706 90 90

Nebbieta tal-pitravi, nebbieta tar-ravanell

ex 0708

Nebbieta ta’ ħxejjex leguminużi, friski jew imkessħin

ex 0709 90 90

ex 0709 99 90  (1)

Nebbieta tal-fażola tas-sojja

ex 0713

Ħxejjex leguminużi mnixxfa, bil-qoxra, sew jekk imqaxxrin u sew jekk le, mhux maqsumin

0910 99 10

Żrieragħ tal-fienu

ex 1201 00

ex 1201  (1)

Fażola tas-sojja mhux imkissra

1207 50

Żrieragħ tal-mustarda

ex 1207 99 97

ex 1207 99 96  (1)

Żrieragħ u frott oħra żejtnin, mhux imkissrin

1209 10 00

Żrieragħ tal-pitravi zokkrija

1209 21 00

Żrieragħ tax-xnien (alfalfa)

1209 91

Żrieragħ tal-ħaxix

ex 1214 90 90

Żrieragħ tax-xnien (alfalfa)


(*1)  Il-“kodiċijiet NM” imsemmija f’din id-Deċiżjoni jirreferu għall-kodiċijiet speċifikati fil-Parti Tnejn tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.).

(1)  Kodiċi NM fl-1.1.2012 ”