21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/61


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2011

dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali li hemm fil-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9269)

(2011/861/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għal prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiċu (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tal-Anness II tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2011, f’konformità mal-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, il-Kenja talbet deroga mir-regoli tal-oriġini stabbiliti f’dak l-Anness għall-perjodu ta’ sena. Fl-20 ta’ Settembru 2011, il-Kenja ppreżentat informazzjoni addizzjonali relatata mat-talba li għamlet. It-talba tkopri kwantità totali ta’ 2 000 tunnellata metrika flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604. It-talba saret minħabba li l-qbid u l-provvista ta’ tonn nej tal-oriġini naqsu u minħabba l-problema tal-piraterija.

(2)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kenja l-qabdiet tat-tonn nej tal-oriġini huma inqas mis-soltu, anke meta mqabbla mal-varjazzjonijiet staġonali normali u wasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-flettijiet tat-tonn. Barra minn hekk, il-Kenja ġibdet l-attenzjoni tar-riskju involut minħabba l-piraterija waqt il-forniment tat-tonn nej. Din is-sitwazzjoni anormali qed twassal biex ikun impossibbli għall-Kenja li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 matul perjodu partikolari.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi AKP għall-Unjoni kif ukoll it-tranżizzjoni mingħajr diffikultà mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-KE għall-Ftehim li jistabbilixxi l-qafas għall-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika (Ftehim Interim ta’ Sħubija-EAC-UE), għandha tingħata deroga ġdida b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2011.

(4)

Deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ma għandhiex tikkawża ħsara serja f’industrija Komunitarja stabbilita meta wieħed iqis l-importazzjonijiet konċernati, dejjem jekk jitħarsu ċerti kundizzjonijiet relatati mal-kwantitajiet, is-sorveljanza u t-tul ta’ żmien.

(5)

Huwa għalhekk iġġustifikat li tingħata deroga temporanja skont l-Artikolu 36(1)(a) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007.

(6)

Il-Kenja se tibbenefika minn deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini għall-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 f’konformità mal-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, meta dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ jew meta jiġi applikat b’mod temporanju.

(7)

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, ir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u d-derogi minnhom għandhom jiġu sostitwiti mir-regoli tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, li d-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni provviżorja tiegħu huma mistennija li jseħħu fl-2012. Għalhekk, id-deroga għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2011. Filwaqt li għadha trid tingħata deroga fl-2011, is-sitwazzjoni globali, inkluż l-istat tar-ratifika tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, se tiġi rivalutata fl-2012.

(8)

Skont l-Artikolu 41(8) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE, id-deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini hija limitata għall-kwota annwali ta’ 2 000 tunnellata metrika flettijiet tat-tonn għall-pajjiżi li jkunu inizjalaw il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE (il-Kenja, l-Uganda, it-Tanzanija, ir-Rwanda, il-Burundi). Il-Kenja hija l-uniku pajjiż fir-reġjun li bħalissa qed jesporta flettijiet tat-tonn lill-Unjoni. Għalhekk, huwa xieraq li l-Kenja tingħata deroga skont l-Artikolu 36 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward ta’ 2 000 tunnellata metrika flettijiet tat-tonn, li hija kwantità li ma taqbiżx il-kwota annwali sħiħa mogħtija lir-reġjun tal-EAC skont il-Ftehim Interim ta’ Sħubija EAC-UE.

(9)

Kif xieraq, għandha tingħata deroga lill-Kenja għal 2 000 tunnellata metrika flettijiet tat-tonn għall-perjodu ta’ sena.

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (2) jistipula r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Kenja, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skont id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

(11)

Sabiex ikun hemm sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Kenja għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li jkunu nħarġu, b’mod regolari.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) ta’ dan l-Anness, il-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 manifatturati minn materjali li mhumiex tal-oriġini, għandhom jitqiesu bħala li oriġinaw mill-Kenja skont it-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness li huma dikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa lejn l-Unjoni mill-Kenja matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali tal-Kenja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kollha li joħorġu għal dawk il-prodotti għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Kenja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Il-kaxxa Nru 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li nħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dan li ġej:

“Derogation — Implementing Decision 2011/861/EU”.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu

Kwantitajiet

09.1667

1604 14 16

Flettijiet tat-tonn

1.1.2011 sal-31.12.2011

2 000 tunnellata metrika