20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/74


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Diċembru 2011

li testendi l-perjodu ta’ deroga għar-Rumanija biex toġġezzjona għal vjeġġi ta’ ċertu skart lejn ir-Rumanija għall-irkupru skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9191)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/854/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (1), u b’mod partikolari t-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 63(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 63(5) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, ir-Rumanija tista’ toġġezzjona għal vjeġġi ta’ ċertu skart għall-irkupru għal perjodu ta’ żmien li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(2)

Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Ġunju 2011, ir-Rumanija talbet estenjoni ta’ dak il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(3)

Hemm bżonn li jkun żgurat li l-protezzjoni ambjentali tibqa’ f’livelli għolja madwar l-Unjoni kollha, partikolarment meta l-pajjiż tad-destinazzjoni ma jkollux kapaċità ta’ rkupru ta’ ċertu tipi ta’ skart jew ma jkollux biżżejjed. Ir-Rumanija għandha żżomm il-possibbiltà li toġġezzjona għal ċertu vjeġġi ta’ skart pjanati mhux mixtieqa ddestinati għall-irkupru fit-territorju tagħha. Ir-reġim tad-deroga li japplika għar-Rumanija għandu għalhekk jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-perjodu li fih l-awtoritajiet kompetenti tar-Rumanija jistgħu joġġezzjonaw għal vjeġġi lejn ir-Rumanija għall-irkupru ta’ skart elenkat fit-tieni u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 63(5) ta’ dak ir-Regolament skont ir-raġunijiet għal oġġezzjoni stipulati fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament, għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.