17.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 335/109 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-15 ta’ Diċembru 2011
li temenda d-Deċiżjoni 2005/363/KE dwar miżuri ta’ protezzjoni ta’ saħħet l-annimali kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja, l-Italja
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9248)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/852/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intraKomunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontrolli veterinarji u zootekniċi applikabbli għall-kummerċ intraKomunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u ta’ prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/363/KE tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar miżuri ta’ protezzjoni ta’ saħħet l-annimali kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer f’Sardinja, l-Italja (4) ġiet adottata bħala reazzjoni għall-preżenza tad-deni Afrikan tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi fil-gżira ta’ Sardenja fl-Italja fejn din il-marda hija endemika. |
(2) |
Din id-Deċiżjoni tipprojbixxi l-bagħta minn Sardinja ta’ ħnieżer ħajjin, jew tas-semen, l-ova u l-embrijuni u tal-laħam tal-majjal, prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-majjal. |
(3) |
Iżda skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2002/99/KE, id-Deċiżjoni tipprevedi ċerti derogi dwar il-bagħta ta’ ċerti prodotti tal-laħam tal-majjal li jkun ittieħed minn ħnieżer li joriġinaw f’azjendi barra ż-żoni tar-riskju ddefiniti fl-Anness I għad-Deċiżjoni u li jilħqu rekwiżiti speċifiċi tal-bijosigurtà. |
(4) |
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni b’żieda sinifikanti fl-għadd u fl-espansjoni territorjali ta’ tifqigħat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’seba’ fost it-tmien provinċji ta’ Sardinja, li jaffettwaw ukoll xi azjendi kbar kummerċjali li jrabbu l-ħnieżer. |
(5) |
L-evoluzzjoni attwali tal-marda f’Sardinja x’aktarx li se tipperikola l-merħliet tal-ħnieżer f’reġjuni oħra tal-Italja u fi Stati Membri oħra, minħabba t-tqegħid fis-suq ta’ laħam tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal u kull prodott ieħor li fih il-laħam tal-ħnieżer. Għaldaqstant jeħtieġ li jitwessgħu ż-żoni ta’ riskju elenkati fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2005/363/KE biex jinkludu r-reġjun kollu ta’ Sardinja. B’riżultat ta’ dan, minħabba li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Deċiżjoni 2005/363/KE ma għadhomx jistgħu jintlaħqu, id-deroga mogħtija lill-Italja biex tawtorizza l-bagħta ta’ laħam tal-majjal minn Sardinja lejn żoni barra Sardinja, hija sospiża. L-istess japplika għad-deroga mogħtija skont l-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni, biex l-Italja tawtorizza l-bagħta ta’ prodotti tal-laħam tal-majjal u prodotti oħra li fihom il-laħam tal-majjal minn Sardinja lejn żoni barra Sardinja. |
(6) |
Id-Deċiżjoni 2005/363/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan. |
(7) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I għad-Deċiżjoni 2005/363/KE huwa mibdul bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(4) ĠU L 118, 5.5.2005, p. 39.
ANNESS
“ANNESS I
Iż-żoni kollha ta’ Sardinja.”