16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/31


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Diċembru 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9169)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/844/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b’ mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (5) tistipula ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda, inkluż il-ħolqien ta’ żoni A u B wara tifqigħa suspettata jew ikkonfermata tal-marda. Dawn iż-żoni huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE. Dik id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(2)

Seħħ tifqiegħ tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Unjoni fir-Rumanija f’Marzu tal-2010 u l-vajrus instab f’għasfur salvaġġ fil-Bulgarija f’April tal-2010. Skont it-tagħrif disponibbli bħalissa ma hemmx tifqiegħ ta’ din il-marda fl-Unjoni. Huwa għalhekk xieraq li titneħħa r-Rumanija mil-lista stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE.

(3)

Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/415/KE rriżultaw effettivi ħafna u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea taż-żoni li l-awtorità kompetenti qiegħdet taħt restrizzjonijiet żiedet it-trasparenza u l-fiduċja tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi mhux affettwati fil-miżuri li ttieħdu.

(4)

Barra minn hekk, l-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna għadha preżenti f’bosta pajjiżi terzi u għalhekk tibqa’ theddida għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin fl-Unjoni. Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/415/KE għandu għalhekk jiġi estiż.

(5)

F’Settembru tal-2011 bdiet evalwazzjoni esterna tan-netwerk ta’ reazzjoni ta’ emerġenza tal-Unjoni. L-evalwazzjoni għandha l-għan li tara kemm in-netwerk huwa effikaċi. Din l-evalwazzjoni trid titlesta sa Awwissu tal-2012. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jitqiesu f’analiżi eventwali tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/415/KE.

(6)

Id-Deċiżjoni 2006/415/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 2006/415/KE hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 12, id-data “31 ta’ Diċembru 2011” tinbidel u ssir “31 ta’ Diċembru 2013”;

2.

fl-Anness, l-annotazzjonijiet għar-Rumanija jitħassru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(5)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51.