9.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/62


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/819/PESK

tat-8 ta’ Diċembru 2011

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Hemm il-ħtieġa għal rispons reġjonali mill-Unjoni għall-isfidi kumplessi u interrelatati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika.

(2)

Is-SurAlexander RONDOS għandu jinħatar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika għall-perijodu minn l-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artkolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Alexander RONDOS hu b’dan maħtur bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika minn l-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi estiż jew mitmum qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Għall-finijiet tal-mandat tal-RSUE, il-Qarn tal-Afrika hu definit bħala li jkopri: r-Repubblika ta’ Ġibuti, l-Istat tal-Eritrea, ir-Repubblika Demokratika Federali tal-Etjopja, ir-Repubblika tal-Kenja, is-Somalja, ir-Repubblika tas-Sudan, ir-Repubblika tas-Sudan t’Isfel u r-Repubblika tal-Uganda. Għal kwistjonijiet b’implikazzjonijiet reġjonali wiesgħa, inkluża l-piraterija, ir-RSUE għandu jipparteċipa ma’ pajjiżi u entitajiet reġjonali lil hinn mill-Qarn tal-Afrika, kif adatt.

Minħabba l-ħtieġa għal approċċ reġjonali għall-isfidi interrealtati li r-reġjun qed jiffaċċja, ir-RSUE għall-Qarn tal-Afrika ser jaħdem f’konsultazzjoni mill-qrib mar-RSUE għas-Sudan u s-Sudan t’Isfel li ser ikompli jmexxi f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea (“UE” jew “Unjoni”) fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika biex jikkontribwixxi b’mod attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali għall-kisba tal-paċi, is-sigurtà u żvilupp dejjiema fir-reġjun. Ir-RSUE għandu wkoll jimmira biex isaħħaħ il-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-parteċipazzjoni f’diversi aspetti tal-UE fil-Qarn tal-Afrika.

2.   L-ewwel prijorità għandha tingħata lis-Somalja, u lill-konflitt ta’ dimensjoni reġjonali, kif ukoll lill-piraterija li għandha il-bażi tal-kawżi fl-instabbiltà tas-Somalja.

3.   Fir-rigward tas-Somalja, l-objettivi politiċi tal-UE, permezz tal-użu koordinat u effettiv tal-instrumenti kollha tagħha, għandhom l-għan li jippromwovu ritorn għal mogħdija ta’ paċi u prosperità għas-Somalja u l-poplu tagħha. Għal dik il-fini, l-UE tappoġġa r-rwol tan-Nazzjonitajiet Uniti (NU) fil-faċilitazzjoni ta’ proċess politiku kredibbli u inklużiv immexxi mis-Somalja u ser tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv, flimkien mal-imsieħba reġjonali u internazzjonali, għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Ġibuti u l-arranġamenti ta’ wara t-transizzjoni tiegħu.

4.   Fir-rigward tal-piraterija, ir-rwol tar-RSUE għandu jkun li jikkontribwixxi u jimplimenta, approċċ tal-UE koerenti, effettiv u bilanċjat għall-piraterija, li joriġina mis-Somalja, li jinkludi l-aspetti kollha tal-azzjoni tal-UE, b’mod partikolari l-politika, is-sigurta u ż-żoni taż-żvilupp u biex ikun l-interlokutur ewlieni tal-UE dwar il-piraterija għall-komunità internazzjonali inkluż ir-reġjun tal-Lvant u tan-Nofs inhar tal-Oċejan Afrikan u Indjan (ESA/IO).

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-UE fir-rigward tal-Qarn tal-Afrika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jipparteċipa mal-partijiet interessati kollha tar-reġjun, il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali eżistenti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, bil-għan li jitkomplew l-objettivi tal-UE u jikkontribwixxi għal ftehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fir-reġjun;

(b)

jirrapreżenta lill-Unjoni f’fora internazzjonali rilevanti u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ tal-UE fil-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet;

(c)

jinkoraġġixxi u jappoġġa l-kooperazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika effettivi fir-reġjun permezz tas-sħubija tal-UE mal-Unjoni Afrikana (UA) u l-organizzazzjonijiet subreġjonali;

(d)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE lejn il-Qarn tal-Afrika, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), d-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun, u l-Kummissjoni;

(e)

fir-rigward tas-Somalja, u l-ħidma f’koordinazzjoni mill-qrib mal-imsieħba reġjonali u internazzjonali rilevanti, ser jikkontribwixxi b’mod attiv għall-azzjonijiet u l-inizjattivi li jwasslu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi ta’ Ġibuti u l-arranġament ta’ wara t-transizzjoni tiegħu, jappoġġa l-bini ta’ istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt, u l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ governanza kapaċi fil-livelli kollha; itejjeb is-sigurtà; jippromwovi l-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jtejjeb l-aċċess umanitarju, speċjalment fis-Somalja Ċentrali t’Isfel permezz ta’ attivitajiet adatti fir-rigward tar-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali; u, jissalvagwardja l-konformità mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza;

(f)

iżomm il-kooperazzjoni attiva u mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) Rappreżentant Speċjali għas-Somalja, jipparteċipa fil-ħidma tal-Grupp Internazzjonali ta’ Kuntatt għas-Somalja u fora rilevanti oħra, u jippromwovi approċċ internazzjonali koordinat u koerenti lejn is-Somalja, inkluż permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għal-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali (EUTM Somalia), l-EUNAVFOR Atalanta u l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri;

(g)

isegwi mill-qrib id-dimensjoni reġjonali tal-kriżi tas-Somalja, inklużi t-terroriżmu, il-kontrabandu tal-armi, il-flussi ta’ refuġjati u migrazzjoni, u is-sigurtà marittima, il-piraterija u flussi finanzjarji relatati;

(h)

fir-rigward tal-piraterija, iżomm ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet kollha tal-UE fis-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u jżomm kuntatti politiċi regolari ta’ livell għoli mal-pajjiżi fir-reġjun milquta mill-piraterija li toriġina fis-Somalja, l-organizzazjonijiet reġjonali, il-Grupp ta’ Kuntatt tan-NU dwar il-Piraterija lil hinn mill-Kosta tas-Somalja, in-NU u atturi ewlenin oħra sabiex ikun żgurat approċċ koerenti u komprensiv għall-piraterija u biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-UE fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra l-piraterija. Dan jinkludi l-appoġġ attiv tal-UE għall-bini tal-kapaċità marittima reġjonali u għat-trattament ġudizzjarju tal-pirati, u li jiġi żgurat li l-kawżi bażiċi tal-piraterija fis-Somalja jkunu indirizzati b’mod adegwat. Jinkludi wkoll l-appoġġ kontinwu lir-reġjun ESA/IO fl-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-piraterija u l-pjan ta’ azzjoni tiegħu kif ukoll il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ Ġibuti;

(i)

isegwi l-iżviluppi politiċi fir-reġjun u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika tal-UE lejn ir-reġjun, inkluż fir-rigward tal-kwistjoni tal-fruntiera Etijopja-Eritrea u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Alġeri, l-inizjattiva dwar il-Baċin tan-Nil u tħassib ieħor fdak ir-reġjun li għandu impatt fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tiegħu, inkluża l-isfida li jkunu żgurati gvernijiet resposabbli jew f’każijiet ta’ tfaqqigħ ta’ vjolenza jew falliment politiku;

(j)

isegwi mill-qrib l-isfidi transkonfini li jolqtu l-Qarn tal-Afrika, inkluża kwalunwe konsegwenza politika jew ta’ sigurtà tal-kriżijiet umanitarji;

(k)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Qarn tal-Afrika, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom u l-politika tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll l-ifformular ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward.

2.   Għall-fini li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti parir u jirrapporta dwar id-definzzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE fil-fora internazzjonali sabiex jippromwovi b’mod proattiv l-approċċ komprensiv tal-UE lejn il-Qarn tal-Afrika;

(b)

iżomm ħarsa ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti kollha tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (“KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu minn l-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 670 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni dwar l-infiq kollu.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-kostituzzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika u ta’ sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru, minn istituzzjoni tal-Unjoni jew mis-SEAE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonċernata jew l- SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE, li jibagħtuh, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż jew il-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skont il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa’ taħt l-awtorità diretta tiegħu, partikolarament billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu mmobbilizzat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiġi żgurat li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni;

(d)

jiġi żgurat li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u li lill-Kunsill, ir-RGħ, u l-Kummissjoni jingħatawlhom rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b’rapporti orali u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod għas-segwiment tal-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-rifromi, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti ta’ żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f’koordinazzjoni mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni u għandu jgħin lild-delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jiżguraw li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-qasam jitħaddmu b’mod koerenti biex intlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk tar-RSUE oħra attivi fir-reġjun, b’mod partikolari mar-RSUE għas-Sudan, is-Sudan t’Isfel u r-RSUE għall-UA. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni fil-qosor regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lill-missjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

2.   Għandu jinżamm kollegament mill-qrib, fil-qasam, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kmandant tal-Forzi tal-EUNAVFOR Atalanta u l-Kmandant tal-Missjoni tal-EUTM Somalia. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet tal-UE għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi involuti, in-NU, l-UA, l-Awtorità Intergovernattivi dwar l-Iżvilupp (IGAD), partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali oħra, u wkoll mas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, l-RGħ u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Article 14

Entry into force

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.