7.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/34


DEĊIŻJONITAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ EUTM SOMALIA/2/2011

tas-6 ta’ Diċembru 2011

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Kontributuri għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia)

(2011/814/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (1) (EUTM Somalia) u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) sabiex jieħu deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri (KtK) għal EUTM Somalia.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002 stabbilixxew l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet u fl-istabbiliment ta’ KtK.

(3)

Il-KtK ser ikollu rwol ċentrali fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ EUTM Somalia. Huwa ser ikun il-forum prinċipali fejn l-Istati li qed jagħtu kontribut kollettivament jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-użu tal-forzi tagħhom fil-missjoni. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni, ser iqis il-fehmiet espressi mill-KtK.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka, għalhekk, ma tieħux sehem fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u fil-finanzjament ta’ EUTM Somalia,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u termini ta’ referenza

Huwa b’dan stabbilit Kumitat ta’ Kontributuri (KtK) għall-missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia). It-termini ta’ referenza tiegħu huma stabbiliti fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta’ Diċembru 2000 u dawk ta’ Brussell tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2002.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-membri tal-KtK għandhom ikunu kif ġej:

rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, u

rappreżentanti tal-Istati terzi parteċipanti fil-missjoni u li jipprovdu kontributi militari sinifikattivi, kif imsemmi fl-Anness,

2.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea, jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jattendu għal-laqgħat tal-KtK.

3.   Jistgħu jiġu mistiedna terzi persuni għal partijiet rilevanti tad-diskussjoni, skont il-każ.

Artikolu 3

Presidenza

Il-KtK għandu jiġi ppresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha f’konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (CEUMC) jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.

Artikolu 4

Laqgħat

1.   Il-KtK għandu jitlaqqa’ mill-President fuq bażi regolari. Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta’ emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta’ membru.

2.   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda proviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Għandu jiġi ċċirkolat sommarju tal-laqgħa wara kull laqgħa.

Artikolu 5

Proċedura

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 u għall-kompetenzi tal-KPS u għar-responsabbiltajiet tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE,

għandha tkun meħtieġa l-unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati li jikkontribwixxu għall-missjoni sabiex il-KtK jieħu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni,

għandha tkun meħtieġa l-unanimità tal-membri tal-KtK sabiex il-KtK jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar aġġustamenti possibbli għall-ippjanar operattiv, inklużi aġġustamenti possibbli għall-objettivi.

L-astensjoni ta’ membru tal-KtK m’għandhiex tipprekludi l-unanimità.

2.   Il-President għandu jistabbilixxi li l-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Istati intitolati li jieħdu sehem fil-deliberazzjonijiet tkun preżenti.

3.   Il-kwistjonijiet proċedurali kollha għandhom jiġu riżolti b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-KtK preżenti fil-laqgħa.

4.   Id-Danimarka m’għandha tieħu sehem f’ebda deċiżjoni tal-KtK.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2), ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adegwata.

2.   Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta’ segretezza professjonali, dment li l-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

O. SKOOG


(1)  ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16.

(2)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.


ANNESS

Lista tal-Istat(i) terz(i) msemmi(jin) fl-artikolu 2(1), it-tieni inċiż

Serbja