3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/50


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2011

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ tilqim ta' emerġenza kontra l-bluetongue fi Franza fl-2007 u l-2008

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8727)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2011/801/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KEE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3),(4) u t-tieni inċiż ta' (6) tiegħu,

Billi:

(1)

B'mod konformi mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nfiq mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta' finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u għandu jiġi adottat mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li s-setgħat tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li teqred il-bluetongue malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(6) ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi r-regoli dwar il-perċentwali li trid tiġi applikata għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (2) jistabbilixxi r-regoli dwar il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar in-nefqa eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/655/KE (3) kif ġiet modifkata bid-Deċiżjoni 2009/19/KE (4) kkonċediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fi Franza fl-2007 u l-2008.

(5)

Fil-31 ta' Marzu 2009, Franza bagħtet talba uffiċjali għal ħlas lura kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

Twettqet ispezzjoni FVO fi Franza mill-24 sat-28 ta' Novembru 2008, li permezz tagħha rriżultaw xi nuqqasijiet tekniċi. Madankollu dawn in-nuqqasijiet ma kkompromettewx l-implimentazzjoni ġenerali tal-programm u lanqas ma kkawżaw spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni.

(7)

Sar kontroll finanzjarju fi Franza mill-ewwel sal-erbgħa ta' Diċembru 2009 li minnu ħareġ li n-nefqa ppreżentata minn Franza kienet eliġibbli.

(8)

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet finali ġew ikkomunikati lil Franza f’ittra bid-data tal-14 ta’ Lulju 2011.

(9)

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-bluetongue fi Franza fl-2007 u l-2008 issa għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2008/655/KE.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa marbuta mal-qerda tal-bluetongue fi Franza fl-2007 u l-2008 hija stabbilita għal EUR 23 162 004,20. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa stabbilit għal EUR 2 041 295,20.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 66.

(4)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 31.