3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/49


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8723)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2011/800/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li teqred il-bluetongue malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(6) ta’ dik id-Deċiżjoni jidentifika l-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jitħallsu biex jikkumpensaw għall-ispejjeż mġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/444/KE tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007 (3) tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007.

(5)

Fis-6 ta’ Ġunju 2008, il-Ġermanja bagħtet talba uffiċjali għal rimborż kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 jagħmel il-ħlas ta’ dik il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(7)

Id-Deċiżjoni 2008/444/KE tipprevedi li għandha titħallas l-ewwel somma ta’ EUR 950 000 bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(8)

Awditjar skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 li twettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni wera biss kwistjonijiet finanzjarji żgħar.

(9)

Il-Ġermanja għalhekk s’issa kkonformat mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, għandha issa tiġi stabbilita somma oħra tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għandha titħallas somma oħra ta’ EUR 1 950 000 lill-Ġermanja bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 156, 14.6.2008, p. 18.