3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/43


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2011

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda l-marda ta’ Newcastle fi Spanja fl-2009

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8717)

(It-test Spanjol biss huwa awtentiku)

(2011/797/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, qabel ma jsir l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandha tittieħed deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarju tal-Unjoni għall-miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li teqred il-marda ta’ Newcastle malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(6) ta’ din id-Deċiżjoni jistipula r-regoli dwar il-perċentwal li jrid jiġi applikat għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi r-regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/208/UE tal-1 ta' April 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda ta’ Newcastle fi Spanja fl-2009 (3), ikkonċediet, fost affarijiet oħra, li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza biex tiġi miġġielda l-marda ta’ Newcastle fi Spanja fl-2009. Fil-31 ta’ Mejju 2011, Spanja bagħtet talba uffiċjali għar-rimborż, kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati jkunu fil-fatt ġew implimentati u li l-awtoritajiet ikunu pprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fl-iskadenzi stipulati.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u mingħajr dewmien, Spanja infurmat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li ġew applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-notifika u l-qerda u r-riżultati tagħhom. Kif mitlub mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005, it-talba għar-rimborż intbagħtet flimkien ma’ rapport finanzjarju, ma’ dokumenti ta’ sostenn, rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali ġew imbiċċra jew meqruda u r-riżultati tal-awditjar rispettivi.

(7)

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet finali ġew ikkomunikati lil Spanja fl-20 ta’ Ottubru 2011. Spanja qablet permezz ta’ e-Mail datata l-20 ta’ Ottubru 2011.

(8)

B’riżultat ta’ dan, l-ammont totali tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba b’rabta mal-qerda tal-marda ta’ Newcastle fi Spanja fl-2009 jista’ issa jiġi stabbilit.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għan-nefqa marbuta mal-qerda tal-marda ta’ Newcastle fi Spanja fl-2009 hija stabbilita għal EUR 103 219,22.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 87, 2.4.2011, p. 29.