3.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/33 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-19 ta’ Ottubru 2011
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura mwaqqaf skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli, fir-rigward tal-emenda tal-Anness 9 għall-imsemmi Ftehim
(2011/793/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (1), u b’mod partikulari s-sitt inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (2) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. |
(2) |
L-Artikolu 6 tal-Ftehim iwaqqaf Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat”) li hu responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim u jiżgura l-funzjonament xieraq tiegħu. |
(3) |
Skont l-Artikolu 6(4) u (7) tal-Ftehim, fil-21 ta’ Ottubru 2003, il-Kumitat adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (3) u waqqaf il-gruppi ta’ ħidma meħtieġa għall-ġestjoni tal-annessi għall-Ftehim. (4) |
(4) |
Il-grupp ta’ ħidma bilaterali “prodotti organiċi” iltaqa’ sabiex jeżamina, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness 9, ir-regoli ta’ importazzjoni applikati mill-Partijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ bejniethom, sabiex jifformulaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar dan lill-Kumitat, bil-għan li l-Anness 9 għall-Ftehim jiġi adattat. |
(5) |
Skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim il-Kumitat jista’ jiddeċiedi dwar emendi tal-Annessi għall-Ftehim. |
(6) |
Il-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura jesprimi l-qbil tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-verżjoni finali tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. |
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (5), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura mwaqqaf bl-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li tiġi adottata.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Kummissjoni
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.
(2) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.
(3) Pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Lulju 2003; Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2003 tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 303, 21.11.2003, p. 24).
(4) Pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Lulju 2003; Deċiżjoni tal-Kumitat konġunt Nru 2/2003 tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar it-twaqqif tal-gruppi ta’ ħidma u l-adozzjoni tal-mandati ta’ dawn il-gruppi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 303, 21.11.2003, p. 27).
(5) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
ANNESS
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 2/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA
tal-25 ta’ Novembru 2011
dwar l-emenda tal-Anness 9 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli
IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli, u b’mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (minn hawn ‘il quddiem “il-ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. |
(2) |
L-Anness 9 għall-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita u jippromwovi l-flussi kummerċjali bilaterali tal-prodotti organiċi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mill-Isvizzera. |
(3) |
Skont l-Artikolu 8 tal-Anness 9 għall-Ftehim, il-grupp ta’ ħidma dwar “prodotti organiċi” għandu jeżamina kull kwistjoni marbuta mal-Anness 9 u mal-implimentazzjoni tiegħu, u jfassal rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat. Dan il-grupp ingħaqad sabiex jeżamina b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, ir-regoli ta’ importazzjoni applikati miż-żewġ partijiet tal-ftehim u l-iskambji ta’ informazzjoni bejniethom. Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-kontenut tal-Artikoli tal-Anness 9 dwar dawn is-suġġetti għandu jkun adattat għall-evoluzzjoni tal-produzzjoni organika u għas-suq tal-prodotti organiċi, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-Anness 9 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli huwa emendat kif ġej:
1. |
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
2. |
L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 6 Pajjiżi terzi u korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi 1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jiżguraw li l-arranġamenti tagħhom dwar l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti miksubin b’mod organiku minn pajjiżi terzi jkunu ekwivalenti. 2. Sabiex tiġi żgurata ekwivalenza fil-prattika fir-rigward tal-għarfien tal-pajjiżi terzi u l-korpi ta’ kontroll fil-pajjiżi terzi, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kollaborazzjoni xierqa sabiex jagħmlu użu mill-esperjenzi tagħhom u jikkonsultaw flimkien qabel ma jirrikonoxxu u jinkludu pajjiż terz jew korp ta’ kontroll fil-listi stabbiliti għal dan il-għan fil-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.” |
3. |
L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 7 Skambju ta’ informazzjoni 1. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Partijiet u l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin, b’mod partikolari, l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin:
2. Il-Partijiet jiggarantixxu t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-tielet inċiż.” |
4. |
L-Appendiċi 1 u l-Appendiċi 2 huma sostitwiti rispettivament bl-Appendiċi 1 u l-Appendiċi 2 tal-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2011.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2011.
Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea
Nicolas VERLET
Il-President u l-Kap tad-delegazzjoni Svizzera
Jacques CHAVAZ
Is-Segretarju tal-Kumitat
Michäel WÜRZNER
ANNESS
“Appendiċi 1
Lista ta’ atti msemmija fl-Artikolu 3 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel miksubin b’mod organiku
Dispożizzjonijiet regolamentari applikabbli fl-Unjoni Ewropea
— |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 967/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 264, 3.10.2008, p. 1) |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 426/2011 tat-2 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 113, 13.5.2011, p. 1) |
— |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 590/2011 tal-20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 161, 21.6.2011, p. 9). |
Dispożizzjonijiet applikabbli fil-Konfederazzjoni Svizzera
— |
Ordinanza tat-22 ta’ Settembru 1997 dwar l-agrikoltura organika u d-deskrizzjoni tal-prodotti u l-oġġetti tal-ikel organiċi (Ordinanza dwar l-agrikoltura organika), emendata fis-27 ta’ Ottubru 2010 (RO 2010 5859) |
— |
Ordinanza tad-Dipartiment Federali tal-Ekonomija tat-22 ta’ Settembru 1997 dwar l-agrikoltura organika, emendata fil-25 ta’ Mejju 2011 (RO 2011 2369). |
Esklużjoni mill-arranġamenti ta’ ekwivalenza
— |
Prodotti Svizzeri bbażati fuq ingredjenti prodotti fil-qafas tal-arranġamenti għall-konverżjoni lejn agrikoltura organika |
— |
Prodotti li ġejjin mit-trobbija tal-mogħoż fl-Isvizzera meta l-annimali jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 39d tal-Ordinanza dwar l-agrikoltura organika u d-deskrizzjoni tal-prodotti u tal-oġġetti tal-ikel organiċi (*). |
“Appendiċi 2
Termini ta’ applikazzjoni
Ir-regoli tal-ittikkettar dwar l-għalf organiku għall-annimali fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni tal-Parti kontraenti li qed timporta għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet tal-Parti l-oħra.”
(*) (RS 910.18)”