|
29.11.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-22 ta’ Novembru 2011
dwar kriterji għar-rikonoximent ta’ ċentri tat-taħriġ involuti fit-taħriġ ta’ sewwieqa tal-ferroviji, dwar kriterji għar-rikonoxximent tal-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji u dwar kriterji għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7966)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/765/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 23(3)(b) u 25(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Biex jintlaħaq livell ta’ kwalità xieraq u komparabbli fit-taħriġ u l-eżamijiet tas-sewwieqa tal-ferroviji u tal-kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji bil-għan li dawn jiksbu ċertifikazzjoni fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni fil-livell tal-Unjoni kemm fir-rigward tal-proċeduri għar-rikonoxximent taċ-ċentri ta’ taħriġ kif ukoll fir-rigward tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji. |
|
(2) |
It-taħriġ u l-eżamijiet għandhom isiru kif xieraq u b’livell ta’ kwalità raġonevoli u komparabbli fl-Istati Membri kollha, biex isir possibbli r-rikonoxximent reċiproku tal-eżamijiet. |
|
(3) |
Iċ-ċentri ta’ taħriġ għandhom ikunu kompetenti fit-taħriġ li jgħatu. B’mod partikolari, iċ-ċentri ta’ taħriġ għandhom ikunu kompetenti u adegwati mil-lat tekniku u operazzjonali sabiex jorganizzaw il-korsijiet ta’ taħriġ, u għandu jkollhom il-persunal u t-tagħmir xieraq. |
|
(4) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet partikolari għaċ-ċentri ta’ taħriġ li jappartjenu għal impriżi ferrovjarji jew amministraturi tal-infrastruttura li jkunu applikaw għal ħruġ ta’ ċertifikati ta’ sikurezza jew awtorizzazzjonijiet ta’ sikurezza. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jorbtu r-rikonoxximent ta’ dawn it-tip ta’ ċentri tat-taħriġ mal-proċess tal-għoti ta’ ċertifikati ta’ sikurezza jew ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ sikurezza. |
|
(5) |
L-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji għandhom ikunu kapaċi u kompetenti fis-suġġetti tal-eżamijiet li jridu jorganizzaw. Ir-rekwiżiti għall-kompetenza tal-eżaminaturi għandhom jinkludu aspetti bħall-metodi li jużaw għall-eżamijiet, il-kompetenzi u l-attitudni pedagoġika tagħhom. L-awtorità kompetenti għandha tiċċekkja fuq bażi individwali jekk il-kompetenza tal-persuna jew entità li tapplika għar-rikonoxximent bħala eżaminatur ta’ sewwieqa tal-ferroviji tkunx xierqa biex tiżvolġi eżamijiet fl-oqsma ta’ kompetenzi rispettivi. |
|
(6) |
L-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji għandhom jiżvolġu l-eżamijiet b’mod indipendenti u imparzjali. F’dan ir-rigward, il-persuni jew entitajiet li japplikaw għall-proċedura ta’ rikonoxximent għandhom jagħtu prova lill-awtorità kompetenti li huma jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti. |
|
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2007/59/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u ambitu
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji għar-rikonoxximent ta’ ċentri tat-taħriġ li jagħtu taħriġ professjonali lil sewwieqa tal-ferroviji u lil kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji, għar-rikonoxximent tal-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji u tal-kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji u għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet skont id-Direttiva 2007/59/KE.
Id-Deċiżjoni hija applikabbli għal:
|
(a) |
ir-rikonoxximent ta’ ċentri tat-taħriġ li jagħtu korsijiet lil sewwieqa tal-ferroviji u lil kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji dwar kompiti ta’ taħriġ speċifikati fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(b) |
l-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji awtorizzati biex jiċċekkjaw il-kompetenza ta’ sewwieqa tal-ferroviji jew ta’ kandidati għal sewwieqa tal-ferroviji li għandhom jiġu ċċertifikati skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2007/59/KE. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“applikant” tfisser entità jew persuna waħda li tkun stabbilixxiet kumpanija li tapplika għar-rikonoxximent sabiex tagħti korsijiet ta’ taħriġ dwar kompiti ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 23(5) u (6) tad-Direttiva 2007/59/KE, inkluż persuna waħda li tapplika għar-rikonoxximent bħala eżaminatur kif imsemmi fl-Artikolu 25(1) u (2) tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(b) |
“għalliem” tfisser persuna li għandha l-kapaċitajiet u l-kompetenza rilevanti biex tipprepara, torganizza u tmexxi korsijiet ta’ taħriġ; |
|
(c) |
“eżaminatur” tfisser persuna li jkollha l-kapaċitajiet u l-kompetenza rilevanti u li tkun rikonoxxuta biex torganizza u timmarka l-eżamijiet, għall-finijiet tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(d) |
“eżami” tfisser proċess li jintuża biex tiġi ċċekkjata l-kompetenza ta’ sewwieq tal-ferroviji jew ta’ kandidat għal sewwieq tal-ferroviji skont id-Direttiva 2007/59/KE permezz ta’ mezz wieħed jew aktar, bħal eżami bil-miktub, orali jew prattiku; |
|
(e) |
“ċentru tal-eżamijiet” tfisser entità stabbilita biex tagħmel eżamijiet għal sewwieqa tal-ferroviji skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(f) |
“rikonoxximent” tfisser stqarrija formali dwar il-kompetenza ta’ persuna jew entità biex twettaq kompiti ta’ taħriġ jew eżamijiet, maħruġa minn awtorità li l-Istat Membru jaħtar għal dan il-għan; |
|
(g) |
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/59/KE jew kwalunkwe korp ieħor maħtur mill-Istat Membru jew li huwa fdat mill-awtorità kompetenti, permezz ta’ delegazzjoni, bl-impenn li jirrikonoxxi ċentri tat-taħriġ u eżaminaturi. |
KAPITOLU 2
ĊENTRI TAT-TAĦRIĠ
Artikolu 3
Indipendenza u imparzjalità
Iċ-ċentri ta’ taħriġ għandhom jagħtu korsijiet ta’ taħriġ b’mod imparzjali fir-rigward tal-parteċipanti kollha.
B’mod partikolari, f’każ ta’ ċentru ta’ taħriġ li jipprovdi taħriġ kemm lil persuni impjegati mill-kumpanija li ċ-ċentru ta’ taħriġ ikun proprjetà tagħha kif ukoll lil persuni oħra, it-taħriġ għandu jingħata indipendentement mill-interessi tal-kumpanija proprjetarja taċ-ċentru ta’ taħriġ u għandu jingħata b’mod imparzjali lill-parteċipanti kollha. Iċ-ċentri ta’ taħriġ għandhom japplikaw l-istess regoli kemm għall-persuni impjegati mill-kumpanija proprjetarja taċ-ċentru ta’ taħriġ kif ukoll għal persuni oħra. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri sabiex dan il-prinċipju jiġi ssalvagwardjat.
Artikolu 4
Rekwiżiti għall-kompetenza
1. L-applikanti għandhom juru kemm ikunu kompetenti u adegwati mil-lat tekniku u operazzjonali sabiex jorganizzaw il-korsijiet ta’ taħriġ li jkunu xierqa għall-kompiti ta’ taħriġ. Għandu jkollhom biżżejjed persunal u tagħmir, u joperaw f’ambjent adatt għat-taħriġ bil-għan li jippreparaw is-sewwieqa tal-ferroviji għall-eżamijiet sabiex dawn jiksbu jew iżommu l-liċenzji u ċ-ċertifikati skont id-Direttiva 2007/59/KE.
2. B’mod partikolari, l-applikanti għandhom:
|
(a) |
ikollhom struttura ta’ ġestjoni effettiva li tiżgura li l-għalliema jkollhom il-kwalifiki u l-esperjenza xierqa biex jagħtu taħriġ skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(b) |
ikollhom il-persunal, il-faċilitajiet, it-tagħmir u l-akkomodazzjoni xierqa meħtieġa għat-taħriġ offrut u l-għadd mistenni ta’ apprendisti; |
|
(c) |
jiżguraw li jingħata taħriġ prattiku minn għalliema li jkollhom kemm liċenzja ta’ sewwieq tal-ferroviji valida kif ukoll ċertifikat validu li jkopru s-suġġett tat-taħriġ jew linji/vetturi ferrovjarji ta’ tip simili, u li jkollhom esperjenza prattika professjonali ta’ minimu ta’ tliet snin fis-sewqan; Meta l-għalliem ma jkollux ċertifikat validu għall-infrastruttura/vetturi ferrovjarji rilevanti, għat-taħriġ għandu jkun hemm preżenti sewwieq li jkollu ċ-ċertifikat għal dik l-infrastruttura/vetturi ferrovjarji, skont l-Artikolu 4(2)(e) tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(d) |
jipprovdu rendikont tal-metodoloġija li ser jużaw sabiex jiżguraw il-kontenut, l-organizzazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-korsijiet ta’ taħriġ, tal-pjanijiet ta’ taħriġ u tal-iskemi ta’ kompetenza; |
|
(e) |
jipprovdu sistemi biex jirreġistraw l-attivitajiet ta’ taħriġ inkluż it-tagħrif dwar parteċipanti, għalliema u l-għadd u l-iskop tal-korsijiet; |
|
(f) |
ikollhom fis-seħħ sistema tal-ġestjoni tal-kwalità jew proċeduri ekwivalenti biex jimmonitorjaw il-konformità ma’, u l-adegwatezza ta’ sistemi u proċeduri li jiżguraw li taħriġ ipprovdut jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(g) |
jipprovdu ġestjoni tal-kompetenza, taħriġ kontinwu u miżuri biex iżommu l-kompetenzi professjonali aġġornati għall-għalliema; |
|
(h) |
jindikaw proċeduri biex iżommu l-metodi, l-għodda u t-tagħmir tat-taħriġ aġġornati, inkluż il-letteratura dwar it-taħriġ, softwer tat-taħriġ, u dokumenti pprovduti mill-amministratur tal-infrastruttura, bħal kotba ta’ regoli dwar ir-regoli, sinjali jew sistemi tas-sikurezza operattivi. |
3. Stat Membru jista’ jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għat-taħriġ relatat mal-infrastruttura tat-territorju tiegħu stess.
4. L-applikanti għat-taħriġ dwar il-komunikazzjoni u t-terminoloġija speċifiċi għall-proċeduri tal-operat u s-sikurezza ferrovjarji għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fiha tinsab l-infrastruttura, li l-komunikazzjoni u t-terminoloġija jirreferu għalih.
Artikolu 5
Ċentri ta’ taħriġ li jappartjenu għal impriża ferrovjarja jew għal amministratur tal-infrastruttura
1. Stat Membru jista’ jippermetti li applikant li jappartjeni għal impriża ferrovjarja jew għal amministratur tal-infrastruttura, jipprovdi esklussivament taħriġ lill-persunal tal-kumpanija li jappartjeni għaliha, u li jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni, jiġi rikonoxxut flimkien mal-proċess taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
2. F’dan il-każ, l-istqarrija ta’ rikonoxximent tista’ tintwera fuq iċ-ċertifikat ta’ sikurezza jew fuq l-awtorizzazzjoni ta’ sikurezza rilevanti.
3. L-organizzazzjoni tax-xogħol u l-ġestjoni tal-applikant imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu organizzati u strutturati biex jimpedixxu kwalunkwe kunflitt ta’ interess possibbli.
Artikolu 6
Linji ġodda jew mgħammra mill-ġdid u vetturi ferrovjarji introdotti reċentement
Fir-rigward ta’ linji ġodda jew linji mgħammra mill-ġdid, Stat Membru jista’ jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom ċentru ta’ taħriġ rikonoxxut jista’ jorganizza taħriġ prattiku permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4(2)(c).
L-użu ta’ din id-deroga għandu jkun limitat strettament għall-każ ta’ meta ma jkun għad hemm ebda għalliem disponibbli li jkollu ċertifikat li diġà jkopri l-linja l-ġdida jew il-linja mgħammra mill-ġdid jew il-vetturi ferrovjarji l-ġodda.
L-għalliem għandu jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha tal-Artikolu 4(2)(c) fir-rigward tal-liċenzja u taċ-ċertifikat kif previst fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2007/59/KE, u fir-rigward tal-perjodu ta’ prattika professjonali meħtieġ.
KAPITOLU 3
EŻAMINATURI
Artikolu 7
Indipendenza u imparzjalità
L-applikanti għandhom jikkonfermaw li huma se jmexxu l-eżamijiet b’mod imparzjali u mhux diskriminatorju u li huma ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju jew ir-riżultati tal-eżami u l-mod li bih isir l-eżami.
Għal dan il-għan l-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa stqarrija inkorporata f’għamla ta’ applikazzjoni li għandha tiġi ffirmata mill-applikant.
Artikolu 8
Rekwiżiti għall-kompetenza
1. L-applikanti għandu jkollhom il-kompetenza u l-esperjenza fis-suġġett tal-eżami li għandhom imexxu.
L-esperjenza meħtieġa għandha tkun inkisbet minn prattika professjonali ta’ minimu ta’ erba’ snin f’perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni.
Il-perjodu meħtieġ ta’ esperjenza professjonali jista’ jinkludi perjodi ta’ esperjenza bħala amministratur ta’ sewwieqa tal-ferroviji li jkollu liċenzja ta’ sewwieq tal-ferroviji valida u ċertifikat kumplimentari jew bħala għalliem għall-kompiti ta’ taħriġ li huma rilevanti għall-applikazzjoni preżentata.
2. Fir-rigward tal-eżamijiet ta’ prattika abbord il-ferroviji, l-applikant għandu jkollu kemm liċenzja ta’ sewwieq tal-ferroviji valida kif ukoll ċertifikat validu li jkopri s-suġġett tal-eżami jew tip simili ta’ linji/vetturi ferrovjarji. Meta l-eżaminatur ma jkollux ċertifikat validu għall-infrastruttura/vetturi ferrovjarji li jkunu s-suġġett/i tal-eżami, għall-eżami għandu jkun hemm preżenti sewwieq li jkollu ċ-ċertifikat għal dik l-infrastruttura/vetturi ferrovjarji, skont l-Artikolu 4(2)(e) tad-Direttiva 2007/59/KE.
L-applikant għandu jkollu prattika professjonali ta’ minimu ta’ erba snin fis-sewqan miksuba f’perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni. Fiż-żmien tal-applikazzjoni, l-applikant għandu jkun aġġornat fl-għarfien tiegħu.
3. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji minimi:
|
(a) |
għandu jkollhom kompetenza fil-lingwa tal-eżami, bis-smigħ u bil-mitkellem, ekwivalenti għal-livell minimu B2 tal-European Framework for Language Competence (EFLC) kif stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (3). |
|
(b) |
għandu jkollhom il-kompetenzi u l-attitudni pedagoġika meħtieġa biex imexxu l-eżamijiet, u jkollhom għarfien tajjeb ħafna tal-metodi u dokumenti rilevanti li jintużaw għall-eżami; |
|
(c) |
għandhom juru kif ikunu se jżommu l-kompetenzi professjonali tagħhom aġġornati fir-rigward tas-suġġetti tal-eżami; |
|
(d) |
għandhom ikunu familjari mal-iskema ta’ ċertifikazzjoni għas-sewwieqa tal-ferroviji. |
4. Stat Membru jista’ jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għall-eżaminaturi li jmexxu eżamijiet relatati mal-infrastruttura tiegħu stess.
KAPITOLU 4
ORGANIZZAZZJONI TA’ EŻAMIJIET
Artikolu 9
Kriterji komuni għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet
L-eżamijiet organizzati għall-evalwazzjoni tal-kompetenza tas-sewwieqa tal-ferroviji skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2007/59/KE għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji:
|
(a) |
fil-każ ta’ eżamijiet li jitmexxew minn żewġ persuni jew aktar, mill-anqas il-persuna li tkun qed tmexxi l-eżami għandha tkun eżaminatur rikonoxxut skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni; |
|
(b) |
meta l-eżami jkun jikkonċerna l-parti prattika tal-kompetenzi fis-sewqan tal-ferroviji, l-eżaminatur għandu jkun liċenzjat bħala sewwieq tal-ferroviji u jkollu ċertifikat komplementari li jawtorizza l-użu tal-infrastruttura u s-sewqan tal-vetturi ferrovjarji li jkunu s-suġġetti tal-eżami, jew tip simili ta’ linji/vetturi ferrovjarji; meta l-eżaminatur ma jkollux ċertifikat validu għall-infrastruttura/vetturi ferrovjarji li jkunu s-suġġett/i tal-eżami, għall-eżami għandu jkun hemm preżenti sewwieq li jkollu ċ-ċertifikat għal dik l-infrastruttura/vetturi ferrovjarji, skont l-Artikolu 4(2)(e) tad-Direttiva 2007/59/KE; |
|
(c) |
l-eżamijiet għandhom isiru b’mod trasparenti u għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jiġi pprovat, permezz ta’ evidenza dokumentata suffiċjenti, li s-suġġetti kollha rilevanti tal-Annessi għad-Direttiva 2007/59/KE huma koperti; |
|
(d) |
meta l-eżaminatur li jipparteċipa fit-tmexxija tal-eżami jkun ipprovda lis-sewwieq tal-ferroviji jew lill-kandidat għal sewwieq tal-ferroviji b’taħriġ dwar is-suġġett tal-eżami, l-eżami jitmexxa minn eżaminatur ieħor li ma kienx involut fit-taħriġ ta’ preparazzjoni; |
|
(e) |
l-eżami għandu jiġi ppreparat b’attenzjoni partikolari fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-mistoqsijiet previsti għal waqt l-eżami. |
Artikolu 10
Linji ġodda jew mgħammra mill-ġdid u vetturi ferrovjarji introdotti reċentement
Fir-rigward ta’ linji ġodda jew linji mgħammra mill-ġdid, Stat Membru jista’ jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom eżaminatur rikonoxxut jista’ jmexxi eżamijiet permezz ta’ deroga mill-Artikolu 9.
L-użu ta’ din id-deroga għandu jkun limitat strettament għall-każ ta’ meta ma jkun għad hemm ebda eżaminatur disponibbli li jkollu ċertifikat li diġà jkopri l-linja l-ġdida jew il-linja mgħammra mill-ġdid jew il-vetturi ferrovjarji l-ġodda.
L-eżaminatur għandu jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha tal-Artikolu 4(2)(c) fir-rigward tal-liċenzja u taċ-ċertifikat kif previst fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2007/59/KE, u fir-rigward tal-perjodu ta’ prattika professjonali meħtieġ.
KAPITOLU 5
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Perjodu tranżizzjonali
F’każ li impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura jkunu diġà għażlu l-eżaminaturi li għandhom jeżaminaw lill-persunal tagħhom, b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u rekwiżiti applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li dawk l-eżaminaturi magħżula jitħallew ikomplu jmexxu l-eżamijiet, b’dawn il-kundizzjonijiet:
|
(a) |
l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura jkunu għażlu l-eżaminatur fl-ambitu ta’ ċertifikat tas-sikurezza jew ta’ awtorizzazzjoni tas-sikurezza maħruġa skont id-Direttiva 2004/49/KE u fil-limiti tal-ambitu maħruġ mill-awtorità kompetenti u sakemm dan iċ-ċertifikat ta’ sikurezza jew l-awtorizzazzjoni ta’ sikurezza jiskadi/tiskadi; |
|
(b) |
l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura jiċċekkja li, fir-rigward tal-eżaminaturi li huma jkunu għażlu, ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni; f’każ li eżaminatur ma jissodisfax xi rekwiżit, l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur tal-infrastruttura għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati mill-eżaminatur. |
Artikolu 12
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mill-15 ta’ Mejju 2012.
Għaċ-ċentri ta’ taħriġ li fid-data li din id-Deċiżjoni tiġi applikata jkunu diġà joffru servizzi ta’ taħriġ, din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mill-1 ta’ Lulju 2013.
Artikolu 13
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Siim KALLAS
Viċi-President
(1) ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.
(2) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
(3) Common European Framework of Reference for Languages: Learning, Teaching, Assessment, 2001 (Cambridge University Press, għall-verżjoni bl-Ingliż – ISBN 0-521-00531-0). Disponibbli wkoll fuq il-websajt tal-Kunsill ta’l-Ewropa: http://www.coe.int/T/DG4/Portfolio/documents/Common%20European%20Framework%20hyperlinked.pdf