26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/41


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Novembru 2011

dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-beta-glukani tal-ħmira bħala ingredjenti ġodda tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8527)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2011/762/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-kumpanija Biothera Incorporated għamlet talba lill-awtorità kompetenti Irlandiża, sabiex tkun tista’ tqiegħed fis-suq il-beta-glukani tal-ħmira bħala ingredjent ġdid tal-ikel għall-użu f’varjetà ta’ ikel, inklużi xarbiet, għall-popolazzjoni ġenerali kif ukoll f’supplimenti tal-ikel u f’ikel għal użi nutrizzjonali partikolari bl-eċċezzjoni tal-formuli tat-trabi jew il-formuli ta’ prosegwiment.

(2)

Fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-korp kompetenti Irlandiż għall-analiżi tal-ikel ħareġ ir-rapport preliminari ta’ analiżi tiegħu. F’dan ir-rapport, il-korp wasal għall-konklużjoni li l-beta-glukani tal-ħmira huma aċċettabbli bħala ingredjent ġdid tal-ikel dejjem jekk jiġu rispettati l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u l-livelli maħsuba tal-użu u jekk il-firxa ta’ prodotti tal-ikel tkun limitata għal dik ippreżentata fid-dokument tal-applikazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport preliminari ta’ analiżi lill-Istati Membri kollha fit-18 ta’ Jannar 2010.

(4)

Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tressqu oġġezzjonijiet motivati għat-tqegħid fis-suq tal-prodott skont dik id-dispożizzjoni.

(5)

Għaldaqstant, fit-2 ta’ Lulju 2010, ġiet ikkonsultata l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).

(6)

Fit-8 ta’ April 2011, fis-“Scientific Opinion on the safety of ‘Yeast beta-glucans’ as a Novel Food ingredient” (2), l-EFSA waslet għall-konklużjoni li skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti l-beta-glukani tal-ħmira huma sikuri. Fl-opinjoni tagħha l-EFSA ma indirizzatx is-sigurtà tat-tfal taħt l-età ta’ sena u nofs.

(7)

Abbażi tal-valutazzjoni xjentifika tal-EFSA u wara kunsiderazzjoni tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (3), ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (4), id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (5), id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/21/KE tal-25 ta’ Marzu 1999 dwar l-ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali (6), id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (7), ġie stabbilit li l-beta-glukani tal-ħmira huma konformi mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-beta-glukani tal-ħmira (Saccharomyces cerevisiae) kif speċifikati fl-Anness I, jistgħu jitpoġġew fis-suq fl-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel għall-użi definiti u fil-livelli massimi stabbiliti fl-Anness II, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 u d-Direttiva 2009/39/KE.

Artikolu 2

Id-diżinjazzjoni tal-beta-glukani tal-ħmira (Saccharomyces cerevisiae) awtorizzata b’din id-Deċiżjoni għall-ittikkettjar tagħhom fuq il-prodotti tal-ikel għandha tkun “beta-glukani tal-ħmira (Saccharomyces cerevisiae)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Biothera Incorporated, 3388 Mike Collins Drive, Eagan, Minnesota, USA, 55121.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2011; 9(5):2137. [22 pp.]

(3)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

(4)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(5)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21.

(6)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 29.

(7)  ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16.


ANNESS I

L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-BETA-GLUKANI TAL-ĦMIRA (SACCHAROMYCES CEREVISIAE)

Deskrizzjoni:

Il-beta-glukani huma polisakkaridi kumplessi b’massa molekolari għolja (100 - 200 kDa), li jinsabu fil-ħajt taċ-ċellola ta’ bosta ħmejjer u ċereali. L-isem kimiku għal “beta-glukani tal-ħmira” huwa (1-3),(1-6)-ß-D-glukani.

Dan l-ikel ġdid huwa disponibbli f’forma solubbli u insolubbli, iżolata mis-Saccharomyces cerevisiae. Il-prodotti insolubbli li fihom tal-inqas 70 % karboidrat fil-forma ta’ beta-glukani; il-prodott solubbli fih tal-inqas 75 % beta-glukani.

L-istruttura terzjarja tal-ħajt taċ-ċellola tal-glukan ta’ Saccharomyces cerevisiae tikkonsisti f’katini ta’ residwi maqgħudin ß-1,3 tal-glukożju, mifruqa b’ħolqiet ß-1,6, li jiffurmaw sinsla li magħha hemm maqgħuda ċitina permezz ta’ rabtiet ß-1,4, glukani ß-1,6 u xi mannoproteini.

L-ispeċifikazzjonijiet kimiċi tal-beta-glukani tal-ħmira (Saccharomyces cerevisiae)

 

Forma solubbli

Forma insolubbli

Karboidrati totali

Aktar minn 75 %

Aktar minn 70 %

Beta-glukani (1,3/1,6)

Aktar minn 75 %

Aktar minn 70 %

Irmied

Inqas minn 4 %

Inqas minn 5 %

Umdità

Inqas minn 8 %

Inqas minn 8 %

Proteini

Inqas minn 3.5 %

Inqas minn 10 %

Xaħam

Inqas minn 10 %

Inqas minn 20 %


ANNESS II

Kategorija tal-Ikel

Livell tal-użu

Supplimenti tal-ikel, kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE

375 mg

(kuljum kif rakkomandat mill-manifattur)

Ikel għal Użi Nutrizzjonali Partikolari (PARNUTS), kif definit fid-Direttiva 2009/39/KE bl-esklużjoni tal-formula tal-ikel tat-tfal żgħar u ta’ prosegwiment

600 mg

(kuljum kif rakkomandat mill-manifattur)

Xarbiet b’bażi ta’ meraq tal-frott

130 mg/100 ml

Xarbiet bit-togħma tal-frott

80 mg/100 ml

Xarbiet oħrajn

80 mg/100 ml(RTD)

700 mg/100 g(trab)

Bars taċ-ċereali

600 mg/100 g

Gallettini tat-tip cookie

670 g/100 g

Gallettini tat-tip cracker

20 mg/100 g

Ċereali tal-kolazzjon

670 mg/100 g

Ċereali Istantanji b’Qamħ Sħiħ u Għolja fil-Fibra għal Kolazzjon Sħun

150 mg/100 g

Prodotti b’bażi ta’ jogurt, ġobon frisk u deżerti tal-ħalib oħrajn

160 mg/100 g

Sopop jew Taħlitiet tas-sopop

90 mg/100 g (RTE)

180 mg/100 g (Kondensat)

630 mg/100 g (Trab)

Ċikkulata u ħlewwiet

400 mg/100 g

Bars jew trabijiet tal-proteini

600 mg/100 g

Taqsiriet: RTD = lest għax-xorb; RTE = lest għall-ikel