11.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Novembru 2011

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija fl-2011

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7993)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(2011/730/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

Billi:

(1)

Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali ferm kuntaġġjuża fl-annimali salvaġġi u domestiċi bid-dwiefer mifruqa b’impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tal-annimali li tikkawża xkiel fil-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra li jżommu l-annimali ta’ speċi suxxettibbli f’dak l-Istat Membru, iżda anki fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-moviment tal-annimali ħajjin suxxettibbli jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (2) tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati b’urġenza minnufih mill-Istati Membri biex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(4)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja lejn l-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

(5)

L-Artikolu 14(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistabbilixxi r-regoli dwar il-perċentwali tal-ispejjeż imġarrba mill-Istat Membru li tista’ tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarju tal-Unjoni.

(6)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer huwa suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(7)

Seħħew tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija fl-ewwel sitt xhur tal-2011. Il-Bulgarija ħadet il-miżuri konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE biex tiġġieled dawn it-tifqigħat.

(8)

L-awtoritajiet tal-Bulgarija setgħu juru, permezz ta’ rapporti pprovduti fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u s-sottomissjoni kontinwa ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-qagħda tal-marda, li implimentaw b’mod effiċjenti l-miżuri ta’ kontroll previsti fid-Direttiva 2003/85/KE.

(9)

L-awtoritajiet tal-Bulgarija għaldaqstant issodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Bulgarija

1.   Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Bulgarija għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 14(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, fil-ġlieda kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija fl-ewwel sitt xhur tal-2011.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tkun ta’ 60 % (sittin fil-mija) tan-nefqa eliġibbli totali.

3.   L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat f’deċiżjoni sussegwenti li għandha tiġi adottata mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.