29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ottubru 2011

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani

(2011/709/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ in-negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem l-Unjoni, Ftehim mal-Istati Uniti Messikani dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ("il-Ftehim") f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2003.

(3)

Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fil-15 ta' Diċembru 2010, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar ’il quddiem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/94/UE (1).

(4)

Il-Ftehim għandu jkun approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti Messikani ("Il-Ftehim") huwa b'dan approvat f’isem l-Unjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jagħmlu n-notifika prevista fl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SAWICKI


(1)  ĠU L 38, 12.2.2011, p. 33.

(2)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 38, 12.2.2011, p. 34 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.