2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Lulju 2011

dwar finanzjament għas-sena 2011 ta' attivitajiet fil-qasam veterinarju relatati mal-politika ta' informazzjoni, l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-notifika tal-mard u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji tal-Unjoni Ewropea

2011/C 193/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 20, 23, 35(2), 36(2) u 41 tagħha,

Billi:

(1)

B’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nfiq mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu qablu deċiżjoni finanzjarja li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li hija adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li s-setgħat tagħhom ġew iddelegati mill-istituzzjoni.

(2)

B’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, għandu jkun adottat programm ta' ħidma annwali għall-għotjiet.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm ta' ħidma għall-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam veterinarju relatati mal-politika ta' informazzjoni, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, in-notifika tal-mard u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji.

(4)

Peress li l-programm ta' ħidma fl-annessi huwa qafas dettaljat biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 90(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“Regoli ta' Implimentazzjoni”), id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament għall-infiq previst fil-programm ta' ħidma għal għotjiet u akkwist.

(5)

L-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jiddikjara li l-Unjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għat-twaqqif ta’ politika ta’ informazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-sikurezza fl-ikel fi prodotti li joriġinaw mill-annimali inkluż li jsiru studji neċessarji għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali.

(6)

L-Artikolu 19 paragrafu (a)(i) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprevedi li l-Unjoni għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-ġbir u l-ħażna ta' kull informazzjoni relatata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, il-benessri tagħhom u s-sigurtà fl-ikel fi prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(7)

Fis-snin ta’ qabel saru xi attivitajiet ta' komunikazzjoni biex jiġu promossi kwistjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali lill-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet u s-soċjetà kollha kemm hi. Huwa xieraq li dawn l-attivitajiet ta' komunikazzjoni jkomplu fl-2011.

(8)

Għall-finijiet ta' definizzjoni tal-istrateġija ta' kommunikazzjoni li trid tiġi adottata mill-2012 'il quddiem huwa xieraq li ssir valutazzjoni komprensiva tal-promozzjoni tal-kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali mill-2008 sal-2010.

(9)

Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, l-Unjoni tista' twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni jew taħriġ veterinarju.

(10)

Skont l-Artikolu 168(1)(c) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, jistgħu jingħataw għotjiet jew kontribuzzjonijiet mingħajr sejħa għal proposti fil-każ ta’ korpi b’monopolju de facto. Bħala entità li tfassal l-istandards skont il-Ftehim WTO/SPS, u bħala l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-annimali madwar id-dinja permezz tal-implimentazzjoni tal-istandards tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għandha monopolju de facto f'dan is-settur u b'hekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti għall-UE biex tikkontribwixxi għall-organizzazzjoni tal-Konferenzi Dinjin u Seminars Reġjonali dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali.

(11)

L-Artikolu 35(1) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jippermetti l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-introduzzjoni ta' sistemi sabiex jiġu identifikati annimali u jkun notifikat il-mard.

(12)

Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ġestjoni u għat-titjib tas-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS), ibbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/176/KE tal-1 Marzu 2005 li twaqqaf l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard tal-annimali skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (3).

(13)

L-Artikolu 36 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal ċerti sistemi kompjuterizzati użati fil-kummerċ u l-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni.

(14)

Huwa meħtieġ li jibqgħu għaddejjin il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ospitar, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata TRACES (Trade Control and Expert System) introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta’ sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata (4).

(15)

L-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE jistipula li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-infiq effettiv tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll ta’ qerda u monitoraġġ ta’ mard tal-annimali.

(16)

Din id-deċiżjoni ta’ finanzjament tista’ tkopri wkoll il-ħlas tal-imgħax dovut għal ħlas tard abbażi tal-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju u 106(5) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

(17)

Għall-applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni, jixraq li jiġi definit it-terminu “bidla sostanzjali”, fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-programm ta' ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 20, 23, 35(2), 36(2) u 41 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, kif stipulat fl-Anness I u II, huwa b'dan adottat.

Il-programm ta' ħidma jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni massima awtorizzata b’din id-Deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ġiet iffissata għal EUR 5 370 000 li għandhom jiġu ffinanzjati mil-linji li ġejjin tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2011:

linja tal-baġit 17040201: EUR 5 370 000

Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll imgħax dovut għal ħlas tard.

Artikolu 3

L-implimentazzjoni baġitarja ta' kompiti relatati mal-azzjoni 1.2.1. fl-Anness tista' tiġi fdata f'idejn l-organizzazzjoni internazzjonali li ġejja: li tapplika standards li joffru garanziji ekwivalenti għall-istandards aċċettati internazzjonalment fil-proċeduri ta' kontabilità, ta' verifika, ta' kontrolli interni u ta' akkwisti: L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

Artikolu 4

1.   L-uffiċjal awtorizzanti jista’ jadotta kwalunke bidliet għal din id-Deċiżjoni li ma jitqisux sostanzjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda u tal-proporzjonalità.

2.   Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet koperti mill-programm ta' ħidma li ma jaqbżux l-10 % tal-kontribuzzjoni massima prevista mill-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sakemm dawn ma jaffettwawx b'mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programm ta' ħidma.

Artikolu 5

L-għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u għall-organizzazzjoni tal-ewwel Konferenza Internazzjonali dwar is-Sorveljanza tas-Saħħa tal-Annimali (ICAHS), skont il-kundizzjonijiet dettaljati fil-programm ta' ħidma anness.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 59, 5.3.2005, p. 40.

(4)  ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44.


ANNESS I

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, u b’mod partikolari l-Artikoli 20, 23, 35(2), 36(2) u 41 tagħha – Programm ta' Ħidma għall-2011

1.1.   Introduzzjoni

Dan il-programm jinkludi 8 miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sena 2011. Abbażi tal-għanijiet mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju, id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

għall-għotjiet (implimentati b'ġestjoni konġunta) (1.2.1)

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-organizzazzjoni ta' Konferenzi Globali dwar is-saħħa tal-annimali akkwatiċi, il-kontroll tal-idrofobija u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u Seminars Reġjonali dwar sistemi ta' informazzjoni sanitarja, il-benessri tal-annimali u s-sigurtà fl-ikel bi produzzjoni mill-annimali, sa massimu ta' EUR 660 000.

għall-akkwisti (implimentati b'ġestjoni ċentralizzata diretta) (1.3):

L-użu ta’ kuntratti ta’ qafas għall-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ tagħrif biex jippromwovi kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali b’massimu ta’ EUR 1 500 000 (1.3.1).

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għal studji, pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif ta' appoġġ għall-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali b’massimu ta’ EUR 575 000 (1.3.2).

L-użu ta’ sejħiet miftuħa għal studji, pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif ta' appoġġ għall-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali b’massimu ta’ EUR 210 000 (1.3.3).

Użu ta' kuntratti ta' qafas għall-aġġornament tas-Sistema ta' Notifika għall-Mard tal-Annimali (ADNS) bit-titjib tekniku neċessarju sa massimu ta' EUR 350 000 (1.3.4).

Użu ta' kuntratti ta' qafas għall-ospitar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata TRACES (Trade Control and Expert System) sa massimu ta' EUR 1 975 000 (1.3.5).

L-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għat-twettiq ta’ studji biex isostnu rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-effettività fl-infiq tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll tal-qerda u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali b’massimu kumplessiv ta’ EUR 100 000 (1.3.6).

1.2.   Għotjiet

1.2.1.   Konferenzi Globali dwar is-saħħa tal-annimali akkwatiċi, il-kontroll tal-idrofobija u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u Seminars Reġjonali dwar sistemi ta' informazzjoni sanitarja, il-benessri tal-annimali u s-sigurtà fl-ikel bi produzzjoni mill-annimali

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu koperti minn ftehim bil-miktub.

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

ENTITÀ TA' IMPLIMENTAZZJONI

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) hija organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja. Sabiex jittejjeb l-istatus tas-saħħa tal-annimali madwar id-dinja u għaldaqstant jitbaxxa r-riskju ta' mard mill-annimali fl-UE, huwa importanti li l-approċċ tal-UE għas-saħħa u l-benessri tal-annimali jitqassam mal-pajjiżi membri kollha tal-OIE u li l-UE tappoġġja attivament Konferenzi u seminars ta' taħriġ organizzati mill-OIE sabiex tiġi promossa l-politika ta' saħħa u benessri tal-annimali tal-Unjoni fl-okkażjoni.

Skont l-Artikolu 168(1)(c) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, jistgħu jingħataw għotjiet jew kontribuzzjonijiet mingħajr sejħa għal proposti fil-każ ta’ korpi b’monopolju de facto. Bħala entità li tfassal l-istandards skont il-Ftehim WTO/SPS, u bħala l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-annimali madwar id-dinja permezz tal-implimentazzjoni tal-istandards tagħha, l-OIE għandha monopolju de facto f'dan is-settur u b'hekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti għall-UE biex tikkontribwixxi għall-organizzazzjoni tal-Konferenzi Dinjin u Seminars Reġjonali dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali.

Fis-7 ta' Ġunju 2010 l-Kummissjoni u l-OIE ffirmaw Ftehim Qafas li jistipula l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji għall-kooperazzjoni tagħhom (mehmuża hawnhekk), fejn il-“Ftehim ta' Kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Organizzazzjoni Internazzjonali” (il-“Ftehim ta' Kontribuzzjoni Standard” jew “SCA”) japplika għal programmi globali, reġjonali jew nazzjonali u azzjonijiet amministrati mill-OIE u ffinanzjati jew ikkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ftehim Qafas (FA) ġie ffirmat mid-DĠ AIDCO, f'isem il-Kummissjoni. Valutazzjoni kompleta u sħiħa tal-OIE kienet diġà saret preċedentement, permezz ta' “valutazzjoni fuq erba' pilastri” li stabbilixxiet li l-OIE applika, fil-proċeduri tal-kontijiet, tal-verifika, tal-kontroll u tal-akkwisti, standards li joffru garanziji ekwivalenti għall-istandards aċċettati internazzjonalment.

GĦANIJIET LI JRIDU JIĠU SODISFATTI U RIŻULTATI PREVISTI

Li l-approċċ tal-UE għas-saħħa u l-benessri tal-annimali jkun kondiviż mal-membri tal-OIE permezz tal-promozzjoni tal-politika tas-saħħa u l-benessri tal-annimali tal-Unjoni fl-okkażjoni ta' konferenzi u seminars ta' taħriġ organizzati mill-OIE. Eventwalment biex l-istatus tas-saħħa tal-annimali mad-dinja kollha jitjieb u għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju ta' mard tal-annimali fl-UE.

DESKRIZZJONI U GĦANIJIET TAL-MIŻURA TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet differenti li jridu jiġu ffinanzjati taħt dan il-punt jinstabu fl-Anness II.

IMPLIMENTAZZJONI

Ġestjoni konġunta

KONĊESSJONI DIRETTA: ART. 168.1.C

AMMONT INDIKATTIV TAL-KONTRIBUZZJONI

EUR 660 000

RATA MASSIMA POSSIBBLI TA’ KOFINANZJAMENT

Mhux applikabbli

1.3.   Akkwist

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti ta’ akkwisti fl-2011 jammonta għal EUR 4 710 000.

1.3.1.   Pubblikazzjonijiet u tixrid ta’ tagħrif biex jippromwovu kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali u l-prinċipji tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-Annimali

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Konklużjoni ta' tal-inqas erba' kuntratti ta’ servizzi speċifiċi (l-użu ta’ kuntratti ta’ qafas eżistenti).

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

L-iżvilupp ta' kampanja ta' komunikazzjoni għall-Ġimgħa Veterinarja tal-UE 2011 sabiex tkun promossa l-Politika tal-Unjoni għas-Saħħa tal-Annimali, inklużi avvenimenti, loġistika u materjali promozzjonali.

Stima tal-impatt tal-kampanji ta' Komunikazzjoni 2008-2010 (inklużi, imma mhux esklussivament, il-Konferenza tal-Ġimgħa Veterinarja, il-One Health Roadshow, u l-attivitajiet tas-Sena Veterinarja Dinjija 2011).

Traduzzjoni u aġġornament ulterjuri tal-ktejjeb onlajn dwar il-prevenzjoni tal-idrofobija.

Xogħol preliminari bi tħejjija għall-Ġimgħa Veterinarja tal-UE 2012.

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

L-ewwel nofs tal-2011

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 1 500 000

KUNTRATT SPEĊIFIKU (JEKK APPLIKABBLI)

Konklużjoni ta’ tal-inqas erba' kuntratti ta’ servizzi speċifiċi taħt ir-referenza ta’ kuntratt qafas SANCO/2009/A1/005

1.3.2.   Studju ta' appoġġ għall-politika attwali dwar il-benessri tal-annimali u l-manutenzjoni tal-għodod ta' komunikazzjoni eżistenti (kuntratti qafas)

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikoli 20 u 23 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Massimu ta’ sitt kuntratti ta’ servizz (bl-użu ta’ kuntratt qafas).

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

(a)

Studju dwar il-benessri tal-ħut ikkultivat;

(b)

L-organizzazzjoni jew il-koorganizzazzjoni ta' massimu ta' erba' avvenimenti għall-promozzjoni tal-istandards tal-benessri tal-annimali tal-UE għal implimentazzjoni aħjar fl-UE;

(c)

Manutenzjoni tal-websajts speċifiċi eżistenti dwar il-benessri tal-annimali Farmland u Animal Welfare Education;

(d)

Produzzjoni tal-pubblikazzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali.

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Lulju 2011

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 575 000

KUNTRATTI SPEĊIFIĊI

Konklużjoni ta' massimu ta' ħames kuntratti ta' servizzi speċifiċi bir-referenza tal-kuntratt qafas SANCO/2009/A1/005 Lottijiet 1 u 2, u konklużjoni ta' kuntratt ta' servizz speċifiku skont ir-referenza tal-kuntratt qafas SANCO/2008/01/055, Lott 3.

1.3.3.   Studju u avveniment li jappoġġjaw il-politika attwali dwar il-benessri tal-annimali (sejħiet miftuħa għall-offerti)

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikoli 20 u 23 tad-Deċiżjoni 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Massimu ta' żewġ kuntratti ta' servizz (sejħa miftuħa għall-offerti).

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

(a)

Studju li jappoġġja r-rapport dwar is-sistemi li jirrestrinġu lill-annimali bovini permezz ta' inversjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali mitlub mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla;

(b)

Koorganizzazzjoni ta' avveniment li jippromwovi fehim reċiproku tal-benessri tal-annimali barra l-UE.

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Lulju 2011

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 210 000

KUNTRATTI SPEĊIFIĊI

Konklużjoni ta' massimu ta' tliet sejħiet miftuħa għall-offerti.

1.3.4.   Is-Sistema ta’ Notifika dwar il-Mard tal-Annimali (ADNS)

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 35(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Massimu ta’ tliet kuntratti ta’ servizz (l-użu ta’ kuntratti ta’ qafas eżistenti)

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

L-għan ta' dan il-kuntratt ta' akkwist huwa:

(a)

Il-ħidma li għaddejja bħalissa dwar is-sistema ADNS

(b)

Ikklassifikar: użu aħjar mill-għodod ta' kklassifikar

(c)

Liċenzji u appoġġ

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Diġà esegwit mid-DIGIT

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 350 000

KUNTRATT SPEĊIFIKU

Konklużjoni ta' massimu ta' tliet kuntratti ta' servizz speċifiku (matul l-2011) skont ir-referenza tal-kuntratt qafas DI 5710-5750

1.3.5.   L-ospitar, il-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata TRACES (Trade Control and Expert System)

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 36(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Bosta kuntratti ta' servizzi (l-użu tal-kuntratti qafas eżistenti)

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

(a)

EUR 1 925 000 għall-ospitar, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata TRACES (Trade Control and Expert System), għall-appoġġ loġistiku f'għajnuna lil min juża t-TRACES, kontribuzzjoni għal servizzi ċentrali, komunikazzjoni, websajt, sigurtà u xiri (manutenzjoni u appoġġ) ta' liċenzji ta' softwer

(b)

EUR 50 000 għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjattaforma informatika għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-bażijiet ta' dejta nazzjonali dwar il-bovini, flimkien maċ-ċertifikazzjoni permezz ta' TRACES

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Kuntratti Qafas Iffirmati għal kollox ħlief il-ftehim Amministrattiv mad-DIGIT għall-ospitar.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 1 975 000 (il-parti ta' EUR 140 miljun ESP DESIS I u II (Servizzi ta' żvilupp tal-IT mid-DIGIT))

KUNTRATT SPEĊIFIKU

Konklużjoni ta’ bosta kuntratti ta’ servizzi speċifiċi (matul l-ewwel semestru tal-2011) taħt ir-referenzi ta’ kuntratt qafas DIGIT.

1.3.6.   It-twettiq ta’ studji biex isostnu rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-effettività fl-infiq tal-implimentazzjoni ta’ programmi għall-kontroll tal-qerda u l-monitoraġġ tal-mard tal-annimali.

BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE

LINJA BAĠITARJA

17 04 02 01

NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Żewġ kuntratti ta' servizzi (użu ta' kuntratt qafas eżistenti) ĠU L 313, 28.11.2009, p. 129.

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

It-tħejjija ta' studji bħala input għall-finalizzazzjoni tar-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 41 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE.

IMPLIMENTAZZJONI

Ċentralizzata diretta

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

It-tieni semestru tal-2011.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 100 000

KUNTRATT SPEĊIFIKU

Konklużjoni ta’ żewġ kuntratti ta’ servizzi speċifiċi (matul l-ewwel semestru tal-2011) taħt ir-referenza ta’ kuntratt qafas SANCO/2008/01/055.


ANNESS II

Taqsira tal-attivitajiet li jridu jiġu organizzati mill-OIE fl-2011, kif imsemmi fil-punt 1.2.1 tal-Anness I

Attività

Post

Dati (2011)

1.

Konferenzi Globali

1.1.

Programmi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi u l-benefiċċju għas-sigurtà globali fl-ikel

Il-Belt tal-Panama

(il-Panama)

27-29 ta’ Ġunju 2011

1.2.

Kontroll tal-Idrofobija

Seoul

(Ir-Repubblika tal-Korea)

7-9 ta' Settembru 2011

1.3.

It-tieni Konferenza Internazzjonali dwar il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer: “It-triq lejn Kontroll Globali”

It-Tajlandja

L-ewwel semestru tal-2012

2.

Seminars u Laqgħat ta' Ħidma

2.1.

Seminar reġjonali tal-Ewropa (Ir-Reġjun tal-OIE) għall-Punti Fokali Nazzjonali tal-OIE għal sistemi ta' informazzjoni sanitarja (WAHIS/WAHID)

Vladimir

(Ir-Russja)

15-17 ta’ Ġunju 2011

2.2.

Seminar reġjonali tal-Ewropa (Ir-Reġjun tal-OIE) għall-Punti Fokali Nazzjonali għall-Benessri tal-Annimali tal-OIE marbuta mal-istrateġija għall-Benessri tal-Annimali għall-Ewropa

Kiev

(l-Ukraina)

id-data għad trid tiġi kkonfermata

2.3.

Seminar reġjonali tal-Ewropa (Ir-Reġjun tal-OIE) għall-Punti Fokali Nazzjonali tal-OIE għas-sigurtà fl-ikel bi produzzjoni mill-annimali

L-Italja

7-11 ta' Novembru 2011