14.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ottubru 2011

li tirrikonoxxi l-karattru operattiv kompletament tad-dejtabejż Litwana dwar l-annimali bovini

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7164)

(It-test Litwan biss huwa awtentiku)

(2011/685/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-frat u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u ta’ prodotti mil-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu.

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 (“ir-Regolament”) jistipula li annimal bovin għandu jiġi identifikat u jinħariġlu passaport li jakkumpanjah meta jinġarr imkien ieħor.

(2)

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament jistipula li l-Istati Membri, li għandhom dejtabejż kompjuterizzata li l-Kummissjoni tqis li hija operattiva kompletament, jistgħu jistabbilixxu li passaport irid jinħareġ biss għal annimali intiżi għall-kummerċ fl-Unjoni stess u li dawk l-annimali għandhom ikunu akkumpanjati mill-passaporti tagħhom biss meta jiġu ttrasportati minn territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(3)

Il-Litwanja ressqet talba lill-Kummissjoni biex din tirrikonoxxi l-karattru operattiv tad-dejtabejż tagħha dwar il-bovini. Din id-dejtabejż tifforma l-bażi tas-sistema Litwana għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini.

(4)

Il-Litwanja ressqet l-informazzjoni meħtieġa li b’mod partikolari tikkonferma li d-dejtabejż tagħha dwar il-bovini hija kompatibbli mal-Artikolu 5 tar-Regolament, u dan minħabba li: (i) l-iskadenzi fin-notifikazzjoni tal-inċidenti huma enfasizzati fid-dejtabejż u għaldaqstant huma rispettati l-iskadenzi għan-notifikazzjonijiet taċ-ċaqliq tal-annimali bovini stabbiliti fir-Regolament, (ii) li l-passaporti tal-annimali ttrasportati ’l barra mil-Litwanja għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti mal-wasla, (iii) hemm interfaċċja bejn id-dejtabejż nazzjonali dwar il-bovini u d-dejtabejż dwar l-Iskema tal-Ħlas tal-Agrikoltura kif ukoll mas-Sistema tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni Veterinarja nazzjonali biex tiffaċilita l-kontrolli ta’ rikonċiljazzjoni u l-iskambju ta’ dejta utli u (iv) hemm linji gwida msaħħa b’mod li t-tikketti ta’ mal-widna jinħarġu u jitqassmu b’mod tajjeb u li din l-informazzjoni tkun disponibbli għad-dejtabejż.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat din l-informazzjoni u tqisha adegwata biex ikun rikonoxxut il-karattru operattiv tad-dejtabejż.

(6)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, huwa f’loku li d-dejtabejż Litwana dwar l-annimali bovini tkun rikonoxxuta li hi operattiva kompletament mill-1 ta’ Lulju 2011,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-dejtabejż Litwana dwar l-annimali bovini hija rikonoxxuta bħala operattiva kompletament mill-1 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.