11.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Ottubru 2011

dwar il-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar fir-rigward ta’ servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7001)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/667/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għall-MSS madwar l-Unjoni u li tiżgura li jkun hemm kopertura gradwali fl-Istati Membri kollha mill-operaturi magħżula biex jipprovdu dawn is-servizzi.

(2)

B’ mod partikolari, din id-Deċiżjoni toħloq proċedura għall-għażla komuni ta’ operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, inkluż spettru tar-radju minn 1 980 sa 2 010 MHz għall-komunikazzjoni mid-dinja għall-ispazju, u minn 2 170 sa 2 200 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/449/KE tat-13 ta’ Mejju 2009 dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (2) telenka l-operaturi magħżula u l-frekwenzi korrispondenti.

(4)

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula għandhom id-dritt li jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika kif identifikata fid-Deċiżjoni 2009/449/KE u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita skont il-qafas ta’ żmien u fiż-żona ta’ servizz li l-applikanti magħżula jkunu kkommettew ruħhom għalihom.

(5)

Id-drittijiet biex jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika u biex joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita huma soġġetti għal kundizzjonijiet komuni stipulati fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE. B’mod partikolari, l-operaturi magħżula għandhom jużaw l-ispettru tar-radju sabiex jipprovdu servizzi MSS, għandhom jilħqu l-istadji sitta sa disgħa stipulati fl-Anness għal din l-aħħar Deċiżjoni sat-13 ta’ Mejju 2011 u għandhom jonoraw kwalunkwe impenn li ħadu fl-applikazzjonijiet tagħhom.

(6)

Il-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet komuni u l-infurzar għandu jsir f’livell nazzjonali, inkluża l-valutazzjoni finali ta’ kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet komuni.

(7)

Ir-regoli nazzjonali dwar l-infurzar għandhom ikunu jaqblu mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (3).

(8)

In-natura transkonfinali tal-kundizzjonijiet komuni pprovduti fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tirrikjedi koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-proċeduri nazzjonali li jwasslu għall-infurzar mill-Istati Membri. L-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta’ infurzar, b’mod partikolari fir-rigward tal-investigazzjoni, l-għażla taż-żmien u n-natura ta’ kwalunkwe miżura li tkun ttieħdet, tirriżulta f’multiċiplità ta’ miżuri ta’ infurzar b’kontradizzjoni għan-natura pan-Ewropea tal-MSS.

(9)

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-infurzar ta’ kundizzjonijiet purament nazzjonali lanqas ma għandha tapplika għall-miżuri ta’ infurzar dwar il-kundizzjonijiet ħlief il-kundizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE. Minħabba d-dimensjoni essenzjalment nazzjonali ta’ kwalunkwe kundizzjoni speċifika b’rabta mal-elementi terrestri li jikkumplimentaw is-sistemi mobbli permezz tas-satellita, l-infurzar ta’ kundizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE ma għandux ikun inkluż fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet komuni inkorporati fl-awtorizzazzjoni ġenerali u/jew id-drittijiet biex jużaw il-frekwenzi mogħtija, jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ infurzar skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE, mill-Istati Membri li jkunu taw l-awtorizzazzjoni lill-operaturi magħżula.

(11)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE jipprovdi għal approċċ gradwali għall-infurzar, fejn jipprevedi l-ewwel fażi fejn l-allegat ksur jiġi investigat u jekk ikun applikabbli, jiġu adottati miżuri bil-għan li tkun żgurata l-konformità. Skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2002/20/KE, dawn il-miżuri għandhom jistipulaw perjodu raġonevoli biex l-operatur ikun konformi mal-miżura. B’mod ġenerali, meta jkun determinat ħin raġonevoli għall-konformità dan għandu jikkunsidra n-natura speċifika tal-industrija tas-satellita, il-ksur ikkonċernat u r-rimedju previst. B’mod partikolari, meta jkun neċessarju li tiġi varata satellita biex tkun konformi ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet komuni kkonċernati, il-miżuri adottati jistgħu jipprovdu għall-pjan direzzjonali li jinkludi passi intermedjarji u skadenzi korrispondenti. It-tieni fażi, li hija r-riżultat ta’ nuqqas ta’ indirizzar ta’ ksur serju u repetut, tista’ mbagħad twassal biex jiġu rtirati d-drittijiet ta’ użu.

(12)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għas-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex jadottaw miżuri interim, soġġetti għall-kundizzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2002/20/KE.

(13)

In-notifiki lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe sejbiet li jkunu saru mill-Istati Membri li jawtorizza skont din id-Deċiżjoni huma bla ħsara għall-possibbiltà għal kwalunkwe Stat Membru li jressaq kummenti bil-miktub fil-kuntest tad-diskussjonijiet fil-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet.

(14)

Filwaqt li l-kundizzjonijiet komuni pprovduti fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE jifformaw parti integrali mill-qafas nazzjonali legali li jirregola l-attività tal-operaturi awtorizzati, il-monitoraġġ tal-konformità f’kull Stat Membru, u b’mod partikolari l-analiżi tal-fatti li jsejsu kwalunkwe allegat ksur ta’ dawk il-kundizzjonijiet komuni, jirrikjedu għarfien tal-elementi fattwali kollha ta’ natura u effetti transkonfinali, u jistgħu jirrikjedu informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tas-servizz fi Stati Membri oħra. Il-qsim tas-sejbiet min-naħa tad-diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-fehmiet tal-operaturi awtorizzati konċernati għandhom iwasslu għal infurzar aktar konsistenti u effettiv fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, għażla taż-żmien li tkun ikkoordinata għall-infurzar għandha żżid iċ-ċertezza legali għall-operaturi awtorizzati kkonċernati.

(15)

Skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2002/20/KE, f’każijiet ta’ ksur serju u repetut fejn il-miżuri għall-iżgurar tal-konformità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jkunu fallew, tista’ tiġi deċiża projbizzjoni biex jiġu pprovduti s-servizzi u s-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-użu ta’ frekwenza tar-radju speċifika. Fil-każ speċifiku fejn jiġu pprovduti l-MSS, id-deċiżjoni biex ikunu rtirati jew sospiżi d-drittijiet ta’ użu għandhom effetti transkonfinali rilevanti. Barra minn hekk, skont il-proċedura nazzjonali, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri xierqa li jwasslu għall-irtirar definittiv tal-awtorizzazzjoni, bħal sospenzjoni. Għaldaqstant, għandhom jiġu adottati biss miżuri ta’ rtirar jew sospensjoni wara li jkunu ġew skambjati u diskussi l-opinjonijiet tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet.

(16)

Peress li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri dak li jkunu definiti l-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata, mal-Unjoni Ewropea kollha, tar-regoli dwar l-infurzar tal-kundizzjonijiet komuni flimkien mal-awtorizzazzjoni biex jipprovdu s-servizzi tal-MSS u/jew id-dritt li jkunu użati l-frekwenzi magħżula, ma jistax jintlaħaq kif xieraqmill-Istati Membri waħidhom, iżda jista’ jinkiseb b’mod aħjar fuq il-livell tal-Unjoni u dan minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu msemmi, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(17)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett, għan u ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli tal-Istati Membri dwar l-infurzar applikabbli għal operatur awtorizzat tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita fil-każ ta’ allegat ksur tal-kundizzjonijiet komuni mehmuża ma’ din l-awtorizzazzjoni.

2.   Meta titqies in-natura transkonfinali tal-MSS, il-koordinazzjoni mal-assistenza tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet b’mod partikolari għandu jimmira li jiffaċilita fehim komuni tal-fatti li jsejsu kwalunkwe allegat ksur u l-gravità tiegħu, li jwassal għal applikazzjoni konsistenti tar-regoli nazzjonali ta’ infurzar fl-Unjoni Ewropea kollha, inkluż l-għażla ta’ żmien kkoordinata ta’ kull miżura li tittieħed, b’mod partikolari meta l-ksur ikun ta’ natura simili.

3.   Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-miżuri ta’ infurzar li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ħlief il-kundizzjonijiet komuni msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE għandhom japplikaw għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

“operatur awtorizzat” għandu jfisser operatur magħżul skont id-Deċiżjoni 2009/449/KE li jkun ingħata d-dritt skont l-awtorizzazzjoni ġenerali jew id-drittijiet individwali ta’ użu biex juża frekwenzi tar-radju speċifiċi identifikati fid-Deċiżjoni 2009/449/KE u/jew id-dritt li jopera sistema mobbli permezz tas-satellita;

“kundizzjonijiet komuni” għandhom ifissru l-kundizzjonijiet komuni li d-drittijiet ta’ operatur awtorizzat huma soġġetti għalihom skont l-Artikolu 7 (2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE;

“Stat Membru li jawtorizza” għandu jfisser Stat Membru li jkun ta drittijiet lill-operaturi awtorizzati, skont awtorizzazzjoni ġenerali jew drittijiet individwali tal-użu biex juża frekwenzi tar-radju speċifiċi identifikati fid-Deċiżjoni 2009/449/KE u/jew id-dritt li jopera sistema mobbli permezz tas-satellita.

Artikolu 3

Koordinazzjoni tal-infurzar tal-kundizzjonijiet komuni

1.   Meta Stat Membru li jawtorizza jsib li operatur awtorizzat ma jkunx konformi ma’ kundizzjoni komuni waħda jew aktar u jinforma lil dak l-operatur bil-konklużjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2002/20/KE, l-Istat Membru għandu fl-istess ħin jinforma lill-Kummissjoni li din min-naħa tagħha għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

2.   Wara li l-Kummissjoni tkun għaddiet l-informazzjoni lill-Istati Membri kif imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri li jawtorizzaw l-oħra għandhom jinvestigaw jekk hemmx ksur tal-kundizzjonijiet komuni rilevanti fil-ġurisdizzjoni tagħhom u għandha tagħti l-opportunità lill-operatur awtorizzat konċernat biex jagħti l-fehmiet tiegħu.

3.   Fi żmien ħames xhur minn meta l-Kummissjoni tkun għaddiet l-informazzjoni lill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri li jawtorizzaw għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’sommarju tal-konklużjonijiet tagħhom u tal-fehmiet imressqa mill-operatur awtorizzat ikkonċernat u l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati membri l-oħra. Fi żmien tmien xhur minn meta l-Kummissjoni tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 1, din għandha tlaqqa’ l-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet sabiex teżamina l-allegat ksur u, jekk ikun applikabbli, tiddiskuti kwalunkwe miżura xierqa li jkollha l-għan li tiżgura l-konformità, skont l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

4.   L-Istati Membri ma għandhom jadottaw l-ebda deċiżjoni finali dwar l-allegat ksur qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 3, kull Stat Membru li jawtorizza illi jkun innotifika lill-operatur awtorizzat ikkonċernat bil-konklużjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2002/20/KE u jkun wasal għall-konklużjoni li kundizzjoni waħda jew aktar jkunu nkisru għandu jieħu miżuri xierqa u proporzjonati, inklużi pieni finanzjarji, li jkollhom l-għan li tkun żgurata l-konformità mill-operatur awtorizzat ikkonċernat bil-kundizzjonijiet komuni, bl-eċċezzjoni tal-irtirar, jew sospensjoni jekk ikun applikabbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom, ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew dritt ta’ użu li jkollu l-operatur awtorizzat ikkonċernat.

6.   Fil-każ ta’ ksur serju jew repetut tal-kundizzjonijiet komuni, kwalunkwe Stat Membru li jawtorizza li wara li jkun ħa l-miżuri msemmija fil-paragrafu 5 jkollu l-ħsieb li jirtira l-awtorizzazzjoni skont l-Arikolu 10(5) tad-Direttiva 2002/20/KE għandu jinforma lill-Kummisjoni bl-intenzjoni tiegħu u jipprovdi sommarju ta’ kull miżura li tkun ittieħdet mill-operatur awtorizzat ikkonċernat biex ikun konformi mal-miżuri ta’ infurzar. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra.

7.   Fi żmien tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tkun għaddiet l-informazzjoni lill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 6, għandu jitlaqqa’ l-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet bil-għan li jikkoordina kwalunkwe irtirar ta’ awtorizzazzjoni b’konformità mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2). Sadanittant, kull Stat Membru li jawtorizza ma għandux jadotta deċiżjonijiet li jwasslu għal irtirar jew sospensjoni, jekk applikabbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom, ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew dritt tal-użu li jkollu l-operatur awtorizzat ikkonċernat.

8.   Wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 7, l-Istat Membru li jawtorizza jista’ jadotta deċiżjonijiet xierqa bil-ħsieb li jiġu rtirati l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-operatur awtorizzat ikkonċernat.

9.   Kull deċiżjoni ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafi 5 u 8 u r-raġunijiet li fuqhom din tkun ibbażata għandha tiġi kkomunikata lill-operatur awtorizzat ikkonċernat kif ukoll lill-Kummissjoni fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati membri l-oħra.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi-President


(1)  ĠU L 172, 2.7.2008, p. 15.

(2)  ĠU L 149, 12.6.2009, p. 65.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.