8.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Settembru 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma

(2011/664/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u (4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara sensiela ta’ negozjati, fl-14 ta’ Lulju 2011 il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (“il-Grupp”) qablu dwar it-test tal-emendi fil-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp.

(2)

L-Unjoni hija membru tal-Grupp.

(3)

Dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li kienu membri tal-Grupp ressqu avviżi formali ta’ irtirar u rtiraw mill-Grupp mill-1 ta’ Lulju 2011.

(4)

L-adozzjoni tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp hija indispensabbli sabiex ikunu kkonfermati l-Kwartieri Ġenerali l-ġodda tal-Grupp u sabiex isiru dispożizzjonijiet espliċiti dwar l-istatus tal-Unjoni ġewwa l-Grupp, kif ukoll biex jiġu allinjati mill-ġdid l-istruttura organizzattiva, il-kontribuzzjonijiet baġitarji u l-proċeduri deċiżjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (“il-Grupp”), skont il-ftehim tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni fil-laqgħa tal-14 ta’ Lulju 2011 f’Singapor, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħhom.

Artikolu 2

Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja (1), sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konlużjoni tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni fil-forma ta’ ittra li għandha tinbagħat lill-Grupp li tikkonferma l-qbil tal-Unjoni mat-testi tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati u li tindika l-applikazzjoni provviżorja tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati mill-Unjoni sa meta titlesta l-proċedura tagħha għall-konklużjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni b’dan tingħata wkoll is-setgħa li tiddepożita d-dikjarazzjoni ta’ kompetenza mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Grupp skont l-Artikolu XVI, paragrafu 2, tal-Kostituzzjoni emendata

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  Id-data li minnha l-Kostituzzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura emendati ser jiġu applikati fuq bażi provviżorja ser tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu XVI(2) tal-Kostituzzjoni

Skont l-Artikolu XVI, paragrafu 2, tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma, din id-dikjarazzjoni tindika s-setgħat trasferiti lill-Unjoni Ewropea mill-Istati Membri tagħha fil-materji regolati mill-Kostituzzjoni.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unojni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kummerċ internazzjonali taħt il-politika tagħha dwar il-ummerċ, inkluża l-produzzjoni ta’ statistika.

L-ambitu u l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea huma, min-natura tagħhom, soġġetti għal żvilupp kontinwu, u l-Unjoni Ewropea ser tlesti jew temenda din id-dikjarazzjoni, jekk meħtieġ, skont l-Artikolu XVI, paragrafu 2, tal-Kostituzzjoni.