6.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Ġunju 2011

dwar għajnuna fis-settur tal-proċessar tal-karkassi tal-annimali fl-2003 Għajnuna mill-Istat C 23/05 (ex NN 8/04 u ex N 515/03)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4425)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/651/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Novembru 2003, ir-rappreżentanza permanenti ta’ Franza għall-Unjoni Ewropea nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-“TFUE”) (1) dwar eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali għal ċerti impriżi li jbigħu l-laħam bl-imnut.

(2)

In-notifika originali kienet tikkonċerna, min-naħa, l-għajnuniet mogħtija fl-2003 u min-naħa l-oħra l-għajnuniet li huma ppjanati mill-2004 ’l quddiem. Billi parti mill-għajnuniet kienet diġà ngħatat, il-Kummissjoni ddeċidiet f’dak il-każ li taqsam il-fajl f’żewġ każijiet. Mill-għajnuniet mogħtija fl-2003, qed tiġi investigata biss l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali skont din id-deċiżjoni preżenti.

(3)

It-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali kienet tneħħiet fl-1 ta’ Jannar 2004. Wara, il-finanzjament tal-impjanti tas-settur pubbliku għall-proċessar tal-karkassi tal-annimali kien iggarantit mid-dħul ta’ “taxxa fuq il-qatla”, li għaliha l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda oġġezzjoni (2).

(4)

Fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-fajl dwar it-“taxxa fuq il-qatla” (Għajnuna mill-Istat Nru N515 A/03), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu informazzjoni relatata wkoll ma’ dan il-każ lill-Kummissjoni, notevolment permezz tal-ittra tad-29 ta’ Diċembru 2003.

(5)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw informazzjoni kumplimentari, mitluba mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2005, fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ April 2005, irreġistrata fit-12 ta’ April 2005.

(6)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE rigward l-għajnuna konċernata permezz tal-ittra Nru SG(2005)D/202956 tas-7 ta’ Lulju 2005.

(7)

Id-Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-oħra u l-partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuniet konċernati.

(8)

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom permezz tal-ittri tal-20 ta’ Settembru 2005 u tal-15 ta’ Novembru 2005, irreġistrati fis-17 ta’ Novembru 2005.

(9)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-Confédération de la boucherie, boucherie-charcuterie, traiteurs (Konfederazzjoni Franċiża tal-bejjiegħa tal-laħam u d-delikatessen, u ta’ dawk li jqassmu l-laħam) (minn hawn ’il quddiem “CFBCT”) fit-18 ta’ Ottubru 2005 u osservazzjonijiet minn kumpanija privata fis-17 ta’ Ottubru 2005 (4) u l-11 ta’ Lulju 2008.

(10)

Permezz tal-ittra tat-18 ta’ April 2011, l-awtoritajiet Franċizi kkonfermaw li l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq ix-xiri tal-laħmijiet (imsejħa “taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali”) mogħtija fis-sena 2003 lil ċerti impriżi li jqiegħdu fis-suq prodotti agrikoli kienet taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tas-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat [tal-KE] dwar l-għajnuna de minimis  (5).

II.   DESKRIZZJONI

(11)

Il-miżura konċernata tirrigwarda l-finanzjament għas-sena 2003, tal-impjanti tas-settur pubbliku għall-proċessar tal-karkassi tal-annimali u tad-distruzzjoni tad-dqiq mil-laħam u l-għadam li ma jistax jibqa’ jintuża kummerċjalment.

(12)

L-impjanti tas-settur pubbliku għall-proċessar tal-karkassi tal-annimali qabel kienu jiġi ffinanzjati mit-taxxa fuq it-trattament tal-karkassi, introdotta mill-Artikolu 302a ZD tal-Kodiċi Ġenerali Franċiż tat-Taxxa, li ġie adottat skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Franċiża Nru 96-1139 tas-26 ta’ Diċembru 1996 dwar il-ġbir u d-distruzzjoni tal-karkassi tal-annimali u l-iskart tal-biċċeriji (minn hawn ’il quddiem il-“Liġi tal-1996”).

(13)

It-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali kienet tapplika fuq ix-xiri tal-laħam u prodotti oħra speċifiċi mill-bejjiegħa bl-imnut kollha ta’ dawk il-prodotti. Bi prinċipju, it-taxxa kellha titħallas mill-bejjiegħa bl-imnut kollha. It-taxxa kienet tiġi bbażata fuq il-valur mingħajr VAT tax-xiri mill-bejjiegħa ta’ dawn il-prodotti kollha:

laħmijiet u ġewwieni, friski jew imsajrin, imkessħa jew iffriżati ta’ tjur, fniek, u kaċċa jew annimali tal-ispeċijiet bovini, ovini, kaprini, tal-majjal u tal-ispeċijiet taż-żwiemel, ħmir u t-taħlitiet tagħhom;

laħmijiet immellħin, prodotti tal-laħam ipproċessat, xaħam, laħam ippreservat u ġewwieni pproċessat;

għalf tal-annimali magħmul minn laħam u ġewwieni.

(14)

L-impriżi li d-dħul tagħhom matul is-sena ta’ qabel kien inqas minn 2 500 000 Frank Franċiż (FRF) (6) (EUR 381 122) mingħajr VAT kienu eżentati mit-taxxa. Ir-rata tat-taxxa kienet iffissata fuq il-livell ta’ xiri mingħajr VAT għal kull xahar, 0,5 % sa ammont ta’ FRF 125 000 (EUR 19 056) u 0,9 % ’l fuq minn FRF 125 000. L-Artikolu 35 tal-Liġi Finanzjarja emendata għas-sena 2000 (Liġi Nru 2000-1353 tat-30 ta’ Diċembru 2000), ġabet ċerti modifiki fis-sistema tat-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Dawn il-modifiki kienu intenzjonati biex itaffu l-effetti tal-kriżi tal-BSE u l-ispejjeż addizzjonali li kkawżat. Wara ż-żmien, il-bażi tat-taxxa ġiet estiża fuq “prodotti oħra li ġejjin mil-laħam”. Ir-rata tat-taxxa kienet iffissata għal 2,1 % tal-livell ta’ xiri għal kull xahar sa ammont ta’ FRF 125 000 (EUR 19 056) u għal 3,9 % ’l fuq minn FRF 125 000. Minbarra dan, l-impriżi li d-dħul tagħhom matul is-sena ta’ qabel kien inqas minn FRF 5 000 000 (EUR 762,245) mingħajr VAT kienu eżentati mit-taxxa.

(15)

Fil-bidu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1997, id-dħul mit-taxxa kien jitħallas lil fond ad hoc maħluq speċifikament għal dan il-għan, intenzjonat biex jiffinanzja s-servizz tal-ġbir u d-distruzzjoni tal-karkassi tal-annimali u tal-materjal fil-biċċeriji rikonoxxut bħala mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, jiġifieri l-attivitajiet definiti bħala li jaqgħu taħt servizz pubbliku skont l-Artikolu 264 tal-Kodiċi Rurali. Il-fondi kienu jitmexxew miċ-Centru Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Azjendi Agrikoli (Centre national pour l’aménagement des structures des exploitations agricoles — CNASEA).

(16)

Wara l-1 ta’ Jannar 2001, id-dħul mit-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali kien jgħaddi direttament għall-Baġit tal-Istat, u ma baqgħetx tgħaddi lill-fond maħluq għal dak il-għan. Għas-sena 2003, il-fondi kienu disponibbli għall-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Alimentazzjoni, is-Sajd u l-Affarijiet Rurali skont id-Digriet Nru 2002-1580 tat-30 ta’ Diċembru 2002 li kien jimplimenta l-Liġi Finanzjarja għall-2003. Kienu jiġu assenjati bħala nefqa ordinarja tal-Ministeru, skont it-Titolu IV, Għajnuna Pubblika, il-Parti 4, miżuri ekonomiċi, inċentivi u għajnuna. Id-dħul minn din it-taxxa għas-sena 2003 kien stmat li kien EUR 550 miljun.

(17)

In-notifika tal-2003 pprovdiet għajnuna għall-istokkjar u d-distruzzjoni tad-dqiq mill-annimali, kif ukoll għajnuna għat-trasport u d-distruzzjoni ta’ annimali li nstabu mejta u għall-iskart tal-biċċeriji. Barra minn hekk, il-Liġi tal-1996 kienet tipprovdi għall-eżenzjoni ta’ impriżi li jbigħu l-laħam bl-imnut u li kellhom dħul annwali ta’ inqas minn EUR 762 245. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Liġi tal-1996 kienet fis-seħħ matul is-sena 2003 kollha.

(18)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura, ikkonkludiet li ma kienx hemm riskju li l-miżuri ta’ għajnuna rigward it-tneħħija u d-distruzzjoni tal-annimali mejta, u l-istokkjar u d-distruzzjoni tad-dqiq mill-annimali u mill-iskart tal-biċċeriji, jaffettwaw ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’tali mod li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk setgħu jiġu kkunsidrati, skont id-deroga pprovduta fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, bħala miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-eżistenza u l-kompatibbiltà tal-għajnuniet għal kummerċ eżentat mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali.

L-argumenti li qajmet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni

(19)

Meta nbdiet il-proċedura tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni stmat li l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali kienet timplika telf ta’ riżorsi għall-Istat u ma kinitx iġġustifikata min-natura u s-sistema tat-taxxa li l-għan tagħha huwa li tassigura dħul għall-Istat. Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, l-eżenzjoni kienet ibbażata fuq id-dħul globali mill-bejgħ, u mhux fuq id-dħul mill-bejgħ tal-laħam.

(20)

Billi t-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali tiġi kkalkulata fuq il-valur tal-prodotti ġejjin mil-laħam, ma jidhirx li l-eżenzjoni ta’ impriża mill-ħlas tat-taxxa li għandha dħul ogħla mil-laħam hija ġġustifikata, meta l-kompetitur tagħha bi dħul minn prodotti li ġejjin mil-laħam iktar baxx, ikollhom iħallsuha.

(21)

B’riżultat ta’ dan, din l-eżenzjoni tidher li qed toħloq vantaġġ selettiv. Tidher ukoll bħala għajnuna li tiffavorixxi l-bejjiegħa li, billi jiġu eżentati, ikollhom it-taxxa tagħhom imnaqqsa. Abbażi taċ-ċifri tal-kummerċ tal-laħam, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni tat-taxxa fl-2003 favur il-bejjiegħa li kellhom dħul ta’ inqas minn EUR 762 245 kienet vantaġġ li seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(22)

Il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li l-eżenzjoni mit-taxxa jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, speċjalment f’żoni qrib il-konfini.

(23)

L-eżenzjoni mit-taxxa favur il-bejjiegħa li għandhom dħul ta’ anqas minn EUR 762 245 setgħet titqies bħal għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(24)

L-eżenzjoni f’dan il-każ kienet tidher li tikkonsisti fi tnaqqis tat-taxxi, mingħajr ebda element ta’ inċentiva u mingħajr kumpens mill-benefiċjarji li l-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni ma kinitx ippruvata.

(25)

Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 3.5 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu (7), li kienu japplikaw f’dak iż-żmien. Skont dan il-punt, biex tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq intern, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna għandu jkollha ċertu element ta’ inċentiva jew titlob kontraparti mill-benefiċjarju. Għaldaqstant, jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika fil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew f’dawn il-linji gwida dwar l-eżenzjonijiet, miżuri unilaterali ta’ għajnuna mill-Istat li huma intenzjonati biss biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ produtturi, iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, huma kkunsidrati bħala għajnuna operattiva li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(26)

Għall-bejgħ eżentat mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-għajnuna konċernata tista’ tkun għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u tista’ tikkostitwixxi għajnuna operattiva, u li dwarha l-Kummissjoni kellha dubji rigward il-kompatibbiltà mas-suq intern.

III.   KUMMENTI PPREŻENTATI MINN FRANZA

(27)

L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom permezz tal-ittri tal-20 ta’ Settembru 2005, u tal-15 ta’ Novembru 2005. F’dawn l-ittri, huma kkonfermaw illi ma setax jiġi kkontestat illi l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija lill-impriżi kienet tirrapreżenta għajnuna skont it-tifsira tat-Trattat tal-KE. Barra minn dan, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni simili fid-Deċiżjoni 2005/474/KE tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2004 dwar l-eżenzjoni applikata bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2002 (għajnuna NN 17/01 ikklassifikata mill-ġdid bħala C 49/02) (8).

(28)

Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi, qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, kienu argumentaw illi l-għajnuniet kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis  (9). Huma ddikjaraw li l-għadd ta’ impriżi konċernati, li kien jammonta għal medja ta’ aktar minn 100 000 fis-sena, u l-limitu tad-dħul użat għall-eżenzjoni (EUR 762 245) kienu jimplikaw illi l-ammont tal-eżenzjoni li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kien ikun, fi kwalunkwe każ, iktar baxx mil-limitu ta’ EUR 100 000 fuq perjodu ta’ tliet snin ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 69/2001.

(29)

Sabiex juru li l-ammont tal-eżenzjoni mogħti lil dawn l-impriżi fl-2003 kien dejjem iktar baxx minn EUR 100 000 fuq perjodu ta’ 3 snin, l-awtoritajiet Franċiżi applikaw żewġ metodi.

(30)

Fl-ewwel każ, l-awtoritajiet Franċiżi ppruvaw jaslu għaċ-ċifra tad-dħul ta’ impriża li kienet ħallset taxxa ta’ EUR 100 000 fuq perjodu ta’ 3 snin, jew taxxa annwali medja ta’ EUR 33 333. Abbażi tal-ammont stabbilit, maqsum skont il-livell tat-taxxa (2,1 % u 3,9 %), stabbilixxew il-bażi tat-taxxa li tikkorrispondi għax-xiri tal-laħam tal-impriża. Fl-aħħar nett, skont il-valur ta’ dan ix-xiri tal-laħam, waslu għal stima ta’ dħul annwali, abbażi tal-ipoteżi massimalista li din l-impriża kienet tispeċjalizza fil-kummerċ tal-laħam. Dan il-metodu ppermettilhom jistabbilixxu livell ta’ dħul għall-impriża li kien wisq ogħla mil-limitu tal-eżenzjoni mit-taxxa. Il-limitu tal-eżenzjoni ta’ EUR 762 245 kien għalhekk inqabeż sew, li kien ifisser li impriża li tkun ħallset taxxa ta’ EUR 100 000 fuq tliet snin ma tista’ bl-ebda mod tkun eżentata mit-taxxa fuq ix-xiri tal-laħam.

(31)

Fit-tieni każ, l-awtoritajiet Franċiżi ppruvaw jikkalkulaw l-ammont tat-taxxa ta’ impriża speċjalizzata fil-laħam li kellha dħul eżatti taħt il-limitu tal-eżenzjoni, li kien jammonta għal EUR 762 000. Abbażi ta’ koeffiċjent għax-xiri/dħul ta’ 0,58 (10), l-awtoritajiet Franċiżi ikkalkulaw il-valur tax-xiri tal-laħam ta’ EUR 441 960 (762 000 × 0,58) għal din l-impriża. Dan it-tieni metodu juri li l-ammont massimu ta’ eżenzjoni huwa ta’ EUR 13 132 fis-sena għal kull impriża, jiġifieri ammont li xorta baqa’ inqas minn EUR 100 000 fuq tliet snin.

(32)

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq ix-xiri tal-laħam (imsejħa t-“taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali”), mogħtija għall-2003 lil ċerti impriżi li jqiegħdu fis-suq prodotti agrikoli, kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikulari tal-Artikolu 5 tiegħu dwar miżuri tranżitorji [ta’ tranżizzjoni].

IV.   KUMMENTI PPREŻENTATI MINN TERZI PERSUNI

Kummenti mill-Konfederazzjoni tal-bejjiegħa tal-laħam u d-delikatessen, u ta’ dawk li jqassmu l-laħam (CFBCT)

(33)

L-ewwel nett, il-Konfederazzjoni tal-bejjiegħa tal-laħam u d-delikatessen, u ta’ dawk li jqassmu l-laħam (minn hawn ’il quddiem “CFBCT”) iddikjarat li l-miżura konċernata ma kinitx tilħaq il-kriterju għad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li s-sistema tat-taxxa applikata għal ċerti impriżi abbażi tal-ammont tad-dħul tagħhom kienet iġġustifikata b’mod sħiħ minħabba l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Skont is-CFBCT, it-taxxa fuq ix-xiri tal-laħam kienet tinġabar u tiġi kkontrollata skont ir-regoli applikabbli għall-VAT u taxxi simili. L-iffissar tal-limitu tal-eżenzjoni kien ibbażat fuq kriterju oġġettiv u kriterju loġiku identiku għal dak tal-limiti applikabbli għal taxxi oħrajn. Il-Liġi tal-1996 kienet tagħmel parti mis-sistema Franċiża għall-ġbir tal-VAT. Għalhekk ma kellhiex l-għan li tagħti vantaġġ eċċezzjonali lil ċerti impriżi, iżda li fil-fatt, tintroduċi livell ta’ limitu, li jqis il-kapaċità ta’ impriżi li jħallsu t-taxxa, u b’mod partikulari, il-vijabbiltà ta’ bejjiegħa tal-laħam tas-sengħa.

(34)

It-tieni, is-CFBCT iddikjarat illi din il-miżura ma kinitx taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Fir-realtà, id-daqs estremament moderat tal-impriżi konċernati mill-miżura li qed tiġi kkunsidrata, u s-suq ġeografikament ferm limitat li joperaw fih, kien jitfa’ dubju fuq id-dikjarazzjoni li l-miżura kienet tikkonstitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(35)

Saħansitra anke jekk jiġi kkunsidrat li l-impriżi eżentati mill-ħlas tat-taxxa kienu effettivament ibbenefikaw minn għajnuna, is-CFBCT enfasizzat li din l-għajnuna kienet, fi kwalunkwe każ, kompatibbli mar-regoli tat-Trattat.

(36)

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-eżenzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar tal-bejjiegħa tal-laħam u tal-bejjiegħa tas-sengħa bħala ġġustifikata skont għan ta’ interess ġenerali: l-immaniġġjar tal-kriżi tal-BSE u t-trattament meħtieġ għal prodotti perikolużi. Barra minn hekk, din il-miżura ma kinitx tikkonċerna biss l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u kienet potenzjalment taqa’ taħt ir-regolamenti tal-eżenzjoni applikabbli dak iż-żmien, jiġifieri ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (11), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1/2004 tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat [tal-KE] dwar l-għajnuna tal-Istat għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, il-proċessar u l-marketing [t-tqegħid fis-suq] ta’ prodotti tal-agrikoltura (12).

(37)

Is-CFBCT issotni li, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit illi jitlob li l-għajnuna tiġi rkuprata, li eventwalment iwassal għal klassifikazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, tmur kontra l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (13), għaliex deċiżjoni negattiva u l-irkupru ma jqisux l-aspettattivi leġittimi tal-impriżi benefiċjarji.

(38)

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni a posteriori tal-ammont tal-għajnuna abbażi ta’ tassazzjoni retroattiva fuq rata fissa probabbilment tibqa’ iktar baxxa mil-limiti de minimis, billi l-benefiċjarji potenzjali ta’ dawn l-għajnuniet kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, impriżi mikro.

Kummenti ppreżentati minn kumpanija privata li l-kwartieri ġenerali tagħha huma fi Franza

(39)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-kumpanija privata konċernata kienet tħaddem attività ta’ distribuzzjoni tal-ikel fi Franza. Billi ħallset it-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali mis-sena 2001 sas-sena 2003, u billi kienet talbet ir-rimborż tal-ammont imħallas lis-servizzi tat-taxxa Franċiżi, il-kumpanija tqis li huwa fl-interess tagħha li tibgħat il-kummenti tagħha permezz ta’ din il-proċedura.

(40)

Il-kumpanija ssostni li, kuntrarju għall-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura fil-5 ta’ Lulju 2005 (2005/C 228/06) (14), kien hemm konnessjoni bejn l-għajnuniet fis-settur tal-proċessar tal-karkassi tal-annimali u x-xiri tal-laħam. Il-kumpanija tqis li t-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali mħallsa matul is-sena 2003 hija bbażata fuq l-Artikolu 302a ZD tal-Kodiċi Ġenerali Franċiz tat-Taxxa u tiffinanzja skema tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 tat-TFUE. Billi din l-iskema ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni minn qabel, għandha tiġi ddikjarata illegali.

(41)

Barra minn hekk, il-kumpanija ssostni li l-eżenzjoni mit-taxxa hija inkompatibbli fir-rigward tal-Artikolu 107 tat-TFUE, u li dan għandu jwassal biex it-taxxa tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza vis-à-vis it-taxxa mill-Istat u konsegwentament ir-regoli dwar il-kompetizzjoni.

V.   VALUTAZZJONI

(42)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kwalunkwe għajnuna fi kwalunkwe forma li tkun mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu merkanzija għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni, ħlief jekk stipulat mod ieħor fit-Trattat.

(43)

L-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE japplikaw għas-settur tal-laħam tal-majjal skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2759/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal (15). Dawn japplikaw għas-settur tal-laħam tal-bovini skont l-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u tal-vitella (16). L-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE kienu japplikaw għas-settur tal-laħam tal-bovini, qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 (17). Dawn l-Artikoli japplikaw għas-settur tal-laħam tal-bovini u tan-nagħaġ skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98 tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-laħam tal-nagħaġ u tal-mogħoż (traduzzjoni mhux uffiċjali) (18). Kienu japplikaw għas-settur tal-laħam tat-tjur skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (19). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (20) irrevoka dawn ir-Regolamenti differenti, u fl-Artikolu 180 tiegħu jipprovdi li r-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat japplikaw għall-prodotti msemmija hawn fuq.

(44)

L-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq ix-xiri tal-laħam (imsejħa t-“taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali”), mogħtija għall-2003 lil ċerti impriżi li jqiegħdu fis-suq prodotti agrikoli, kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006.

(45)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, l-għajnuniet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fih, jitqiesu li jilħqu l-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u għalhekk huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(46)

Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 japplika għall-għajnuniet mogħtija lill-impriżi tas-setturi kollha, iżda fil-każ ta’ impriżi attivi fil-proċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I għat-Trattat tal-KE, japplika biss jekk l-ammont tal-għajnuna mhux stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti ta’ dan it-tip, mixtrija mill-produtturi primarji jew li tqiegħdu fis-suq mill-impriżi konċernati, u jekk l-għajnuna mhix ikkundizzjonata li tingħata parzjalment jew kollha kemm hi lil produtturi primarji.

(47)

Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006, skont l-Artikolu 5(1) tiegħu, japplika għal għajnuniet mogħtija, qabel ma daħal fis-seħħ, lill-impriżi attivi fis-settur tal-proċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2. Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2006.

(48)

Skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, it-total gross ta’ għajnuna de minimis mogħti lill-istess impriża ma għandux jaqbeż EUR 200 000 matul perjodu ta’ tliet snin fiskali. Il-limitu stabbilit għandu jkun espress bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati huma f’ammonti grossi, jiġifieri qabel it-tnaqqis tat-taxxi jew imposti oħra. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra li mhijiex għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja grossa.

(49)

L-impriżi konċernati kienu attivi fil-proċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat tal-KE u ta’ prodotti oħra, u fl-2003 kienu eżentati mit-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi tal-annimali. Skont il-miżuri ta’ tranżizzjoni pprovduti fl-Artikolu 5 tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 għalhekk għandu japplika f’dan il-każ.

(50)

L-awtoritajiet Franċiżi stabbilixxew li r-rekwiżiti stabbiliti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 kienu ssodisfati billi wrew li l-ekwivalenti tal-għotja tal-għajnuna li rċieva kull benefiċjarju ma kienet fl-ebda ċirkustanza taqbeż EUR 200 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin, billi l-ammont massimu ta’ eżenzjoni kien EUR 13 132 fis-sena u għal kull impriża (ara l-premessa 29).

(51)

Minħabba dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni ta’ impriżi li jbigħu l-laħam bl-imnut li l-dħul annwali tagħhom fl-2003 kien inqas minn EUR 762 245 kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fih. Għaldaqstant, din l-eżenzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proċessar tal-karkassi għas-sena 2003 favur l-impriżi li jbigħu laħam bl-imnut li d-dħul annwali tagħhom huwa inqas minn EUR 762 245 ma tikkostitwix għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE nbidlu bl-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Dawn iż-żewġ sensiliet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi bħala sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, referenza għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandha tiftiehem bħala referenza għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, rispettivament, fejn dan ikun xieraq.

(2)  Għajnuna mill-Istat Nru 515 A/03, ittra lill-awtoritajiet Franċiżi C(2004) 936 finali tat-30.3.2004.

(3)  ĠU C 228, 17.9.2005, p. 13.

(4)  Il-kumpanija talbet li l-identità tagħha tinżamm kunfidenzjali.

(5)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

(6)  Fur ir-rata tal-kambju ta’ FRF 1 = EUR 0,15.

(7)  ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

(8)  ĠU L 176, 8.7.2005, p. 1.

(9)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30

(10)  Informazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi bbażata fuq sorsi professjonali (Ċentri tal-Immaniġjar tal-Konfederazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Laħam).

(11)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.

(12)  ĠU L 1, 3.1.2004, p. 1.

(13)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(14)  Ara n-nota f’ qiegħ il-paġna nru 3.

(15)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 1.

(16)  ĠU L 160 26.6.1999, p. 21.

(17)  ĠU L 148, 28.6.1968, p. 24.

(18)  ĠU L 312, 20.11.1998, p. 1.

(19)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77.

(20)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.