9.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Marzu 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

(2011/530/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat Memorandum ta’ Kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (“Memorandum ta’ Kooperazzjoni”) f’konformità mal-mandat adottat mill-Kunsill fis-17 ta’ Diċembru 2009 li jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati.

(2)

Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni kien inizjalat miż-żewġ partijiet fis-27 ta’ Settembru 2010 matul is-37 Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali f’Montréal.

(3)

Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (“Memorandum ta’ Kooperazzjoni”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Memorandum ta’ Kooperazzjoni.

It-test tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu (1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

VÖLNER P.


(1)  Id-data tal-iffirmar tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni tiġi ppubblikata f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.



9.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/1


MEMORANDUM TA’ KOOPERAZZJONI

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

L-UNJONI EWROPEA (“UE”),

u

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI INTERNAZZJONALI (“ICAO”),

minn hawn ‘il quddiem “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JFAKKRU l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, (minn hawn ‘il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) u b’mod partikolari l-Artikoli 55(a) u 65 tagħha,

FILWAQT LI JFAKKRU t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE) u b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 220 tiegħu,

FILWAQT LI JQISU r-Riżoluzzjoni A1-10 tal-Assemblea tal-ICAO, li awtorizzat lill-Kunsill biex jagħmel l-arranġamenti xierqa mal-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali li l-attivitajiet tagħhom jaffettwaw l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kollaborazzjoni teknika, l-iskambju tal-informazzjoni u d-dokumenti, l-attendenza fil-laqgħat u kwistjonijiet oħra li jippromwovu kooperazzjoni effikaċi,

FILWAQT LI JFAKKRU l-Politika u l-Qafas għall-Kooperazzjoni tal-ICAO fir-rigward ta’ Entitajiet Reġjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u Organizzazzjonijiet Reġjonali li għandhom l-għan fost l-oħrajn li jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawn l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet, kif irrakkomandat minn Simpożju tal-KE/ICAO dwar organizzazzjonijiet reġjonali, li sar bejn l-10 u l-11 ta’ April 2008 f’Montréal,

FILWAQT LI JQISU li l-biċċa l-kbira tal-Istandards tal-ICAO fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u l-ħarsien tal-ambjent huma indirizzati fil-liġi tal-UE rilevanti,

FILWAQT LI JQISU l-“Memorandum ta’ Kooperazzjoni (Memorandum of Cooperation - MOC) bejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza u l-Kwistjonijiet Relatati”, iffirmat f’Montréal fil-21 ta’ Marzu 2006,

FILWAQT LI JQISU l-“Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali dwar Awditi/Spezzjonijiet tas-Sigurtà u Kwistjonijiet Relatati”, iffirmat f’Montréal fis-17 ta’ Settembru 2008,

BILLI l-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ffirmaw fid-29 ta’ April 2003, Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) ġdid li aderixxiet miegħu l-ICAO permezz ta’ Ftehim mal-Komunità Ewropea ffirmat fis-7 ta’ Diċembru 2004,

BILLI dan il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni ma jiħux post jew ma jippreġudikax forom eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet sakemm dawn jibqgħu fis-seħħ,

FILWAQT LI JQISU r-Riżoluzzjoni A36-2 tal-Assemblea tal-ICAO li fost l-oħrajn tirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ sistemi reġjonali u subreġjonali ta’ sorveljanza tas-sikurezza, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali ta’ sorveljanza tas-sikurezza, għandha potenzjal kbir li tassisti lill-Istati jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago permezz ta’ ekonomiji ta’ skala u armonizzazzjoni fuq skala ikbar, u li titlob ukoll lis-Segretarju Ġenerali biex ikompli jrawwem il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Programmi tal-ICAO ta’ Verifika ta’ Kontroll għas-Sikurezza Ġenerali (USOAP) u l-programmi ta’ awditjar ta’ organizzazzjonijiet oħra relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni, u barra minn hekk, tidderieġi lill-Kunsill biex jippromwovi l-kunċett ta’ sistemi reġjonali u subreġjonali ta’ sorveljanza tas-sikurezza, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali ta’ sorveljanza tas-sikurezza,

BILLI l-Partijiet għandhom viżjoni komuni kif jiksbu l-ogħla grad ta’ uniformità tar-regolamenti operazzjonali, rekwiżiti u proċeduri Ewropej bl-għan li tintlaħaq konformità mal-istandards tal-ICAO inklużi fl-Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago għall-benefiċċju tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ħarsien ambjentali,

BILLI kull Parti għandha rwol importanti biex jintlaħaq dan l-għan,

BILLI l-Partijiet jixtiequ jimpenjaw ruħhom u jikkomunikaw ma’ xulxin dwar il-kooperazzjoni reġjonali,

BILLI l-UE adottat regoli komuni fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni u s-sigurtà tal-avjazzjoni u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Kummissjoni Ewropa (KE) jagħmlu spezzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli,

FILWAQT LI JQISU li fl-UE, il-Kummisjoni Ewropea għandha setgħat ta’ infurzar biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ħarsien tal-ambjent,

FILWAQT LI JQISU li l-għanijiet primarji tal-programmi ta’ awditjar tal-ICAO u l-programmi ta’ spezzjoni tal-UE huma li jissaħħu s-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni billi tkun evalwata l-implimentazzjoni ta’ standards rispettivi, jkunu identifikati nuqqasijiet, jekk ikun hemm, u li tkun żgurata r-rettifika ta’ nuqqasijiet fl-UE fejn meħtieġ,

BILLI l-UE stabbilixxiet Uffiċċju f’Montréal bil-għan li tiffaċilita t-tisħiħ ta’ relazzjonijiet u kooperazzjoni bejn l-UE u l-ICAO u biex tiffaċilita iktar parteċipazzjoni u kontribuzzjonijiet mill-UE fl-attivitajiet tal-ICAO fil-Kwartieri Ġenerali tal-ICAO,

FILWAQT LI JQISU li, mingħajr ħsara għad-drittijiet jew l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago jew għar-relazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ICAO li tirriżulta mis-sħubija tagħhom mal-ICAO, hemm ix-xewqa li tkun stabbilita kooperazzjoni reċiproka bejn l-UE u l-ICAO fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ħarsien tal-ambjent b’mod li jiżgura armonizzazzjoni ikbar ta’ standards u koordinazzjoni iktar mill-qrib ta’ attivitajiet rispettivi u bl-għan li jinkiseb użu aħjar ta’ riżorsi limitati u tkun evitata dupplikazzjoni ta’ sforzi filwaqt li tkun ippriżervata l-integrità taż-żewġ Partijiet,

BILLI l-Partijiet jirrikonoxxu n-neċessità li jipproteġu, sal-limitu meħtieġ mir-regoli rispettivi tagħhom, informazzjoni klassifikata mibgħuta mill-Parti l-oħra,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu r-relazzjoni tagħhom u jistabbilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-protezzjoni tal-ambjent u jiffaċilitaw, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura stabbiliti, il-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet u attendenza f’laqgħat bħala osservaturi permezz tal-iffirmar ta’ dan il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni (MOC) għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali.

Dan l-MOC huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago jew għar-relazzjoni bejn l-ICAO u l-Istati Membri tal-UE li tirriżulta mis-sħubija tal-Istati Membri mal-ICAO.

Dan l-MOC ma għandux ikopri jew jew ikun estiż għall-ebda teħid ta’ deċiżjonijiet tal-ICAO jew tal-UE, inklużi deċiżjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni jew kwistjonijiet dwar tfassil ta’ regoli, iżda għandu jistabbilixxi kooperazzjoni regolatorja fl-istadji ta’ preparazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

L-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Montréal, li jirrappreżenta lill-UE fil-Kwartieri Ġenerali tal-ICAO, għandu jiffaċilita r-relazzjonijiet UE-ICAO u għandu jservi bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni tal-UE għall-ICAO fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-MOC.

2.   Għanijiet

2.1.

Dan l-MOC għandu:

(a)

jistabbilixxi qafas għal relazzjonijiet imsaħħin bejn il-Partijiet;

(b)

isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

(c)

jidentifika oqsma ta’ kooperazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet; kif ukoll

(d)

jistabbilixxi t-termini, il-kundizzjonijiet u l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

3.   Ambitu

3.1.

Dan l-MOC għandu jistabbilixxi kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-oqsma li ġejjin:

(a)

is-sikurezza tal-avjazzjoni;

(b)

is-sigurtà tal-avjazzjoni;

(c)

il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; kif ukoll

(d)

il-ħarsien tal-ambjent.

3.2.

Kull wieħed minn dawn l-oqsma msemmija fil-paragrafu 3.1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun is-suġġett ta’ Annessi separati għall-MOC.

3.3.

Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw il-mekkaniżmi miftiehma b’mod reċiproku u l-proċeduri neċessarji biex ikunu implimentati b’mod effikaċi attivitajiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti fl-Annessi għal dan l-MOC.

3.4.

L-Annessi adottati skont dan l-MOC għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.

4.   Forom ta’ kooperazzjoni

4.1.

Il-Partijiet għandhom:

(a)

jistabbilixxu mekkaniżmi għall-konsultazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni;

(b)

jiffaċilitaw l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ prestazzjoni u interoperabbiltà ta’ teknoloġiji u sistemi ġodda;

(c)

jikkoordinaw programmi ta’ awditjar u ta’ spezzjoni rispettivi u riżultati u attivitajiet ta’ assistenza teknika bl-għan li jsir użu aħjar tar-riżorsi limitati u tkun evitata dupplikazzjoni ta’ sforzi;

(d)

jiskambjaw informazzjoni dwar il-konformità mal-Istandards tal-ICAO;

(e)

jistabbilixxu arranġamenti għall-UE biex toffri għarfien espert u riżorsi lill-ICAO, inkluż fil-forma ta’ individwi ssekondati taħt l-awtorità esklużiva tas-Segretarju Ġenerali, assistenza teknika u taħriġ speċjalizzat fejn prattikabbli;

(f)

jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ Parti waħda fl-attivitajiet tal-Parti l-oħra relatati mal-programmi ta’ awditjar u spezzjoni u programmi ta’ taħriġ, kif xieraq, filwaqt li l-osservaturi tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-missjonijiet ta’ awditjar tal-ICAO tal-Istati tal-UE biss bil-kunsens ta’ din tal-aħħar, l-esperti tal-UE li jkunu qed jipparteċipaw fl-awditjar tal-ICAO bħala awdituri ssekondati mal-ICAO għandhom iżommu kwalunkwe informazzjoni relatata mal-missjoni ta’ awditjar bħala strettament kunfidenzjali f’konformità mar-regoli tal-ICAO applikabbli; kif ukoll

(g)

mingħajr ħsara għall-obbligi taż-żewġ partijiet biex ma jkunx hemm divulgazzjonijiet u suġġett għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità rispettivi kif stabbilit fl-Artikolu 6, jaqsmu informazzjoni elettronika, dejta u pubblikazzjonijiet uffiċjali u jipprovdu aċċess reċiproku għall-bażijiet ta’ dejta u jsaħħu r-rabtiet bejniethom sabiex jikkumplimentaw il-bażijiet ta’ dejta eżistenti ta’ xulxin.

5.   Attivitajiet ta’ kooperazzjoni

5.1.

Il-Partijiet jaqblu, kif speċifikat fl-Annessi għal dan l-MOC, li jeżegwixxu b’mod konġunt l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li ġejjin. Il-Partijiet għandhom:

5.1.1.

Jistabbilixxu mekkaniżmi għall-konsultazzjoni, kooperazzjoni u qsim ta’ informazzjoni, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

jistabbilixxu u jimplimentaw mekkaniżmi konġunti għal djalogu regolari, konsultazzjoni u qsim ta’ informazzjoni;

(b)

jiżguraw li kull Parti tinżamm infurmata fil-ħin dwar deċiżjonijiet, attivitajiet, inizjattivi, laqgħat u avvenimenti ta’ rilevanza għal dan l-MOC fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ħarsien tal-ambjent u li tirċievi dokumentazzjoni rilevanti. Fejn xieraq, għandhom isiru aġġornamenti;

(c)

jipprovdu aċċess mingħajr ħlas għad-dokumenti u l-pubblikazzjonijiet uffiċjali kollha;

(d)

jagħmlu bażijiet ta’ dejta u informazzjoni fuq websajts disponibbli għall-Parti l-oħra; kif ukoll

(e)

jiżguraw li l-UE tirċievi u jkollha aċċess għall-ittri kollha tal-Istat tal-ICAO li s-suġġett tagħhom ikun rilevanti għall-ambitu ta’ dan l-MOC u l-Annessi tiegħu.

5.1.2.

Jistabbilixxu oqfsa ta’ kooperazzjoni biex jikkoordinaw aħjar il-programmi ta’ awditjar u spezzjoni bl-għan li jsir użu aħjar minn riżorsi limitati u li tkun evitata duplikazzjoni tal-isforzi.

5.1.3.

Jistabbilixxu mekkaniżmi konġunti għall-koordinazzjoni mill-qrib ta’ ppjanar ta’ programmi u assistenza teknika.

5.1.4.

Jikkooperaw fil-promozzjoni tal-interoperabbiltà globali ta’ teknoloġiji u sistemi ġodda u jistabbilixxu mekkaniżmi konġunti biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

5.1.5.

Jiżguraw konsultazzjoni reċiproka fil-ħin bl-għan li jkun hemm koordinazzjoni mtejba u koerenza bejn ir-regolamenti, politiki, approċċi u l-Istandards u Prattiċi Rakkomandati (SARPs) tal-ICAO.

5.1.6.

Jistabbilixxu arrangamenti ta’ ħidma biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ għarfien espert u riżorsi kif ġej:

(a)

l-ICAO għandha tipprovdi lill-UE b’għarfien espert u pariri dwar l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tas-SARPS;

(b)

l-UE għandha tipprovdi għarfien espert lill-ICAO, inkluż fil-forma ta’ individwi ssekondati mas-Segretarjat tal-ICAO.

(c)

l-UE għandha tagħmel sforz biex tipprovdi lill-ICAO b’kontribuzzjoni finanzjarja biex tkopri l-kostijiet imġarrba għall-implimentazzjoni ta’ dan l-MOC, inklużi kostijiet amministrattivi, forniment ta’ dokumentazzjoni u pubblikazzjonijiet u servizzi relatati, l-użu ta’ faċilitajiet ta’ swali fil-Kwartieri Ġenerali tal-ICAO u kostijiet għat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(d)

l-UE għandha tagħmel sforz biex tipprovdi lill-ICAO b’kontribuzzjonijiet finanzjarji sabiex ikunu appoġġati programmi ta’ kooperazzjoni tekniċi tal-ICAO u għal attivitajiet oħra tal-ICAO li għandhom ikunu miftiehma mal-Kumitat Konġunt, li jkunu konsistenti mal-ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA); kif ukoll

(e)

kwalunkwe qafas ġdid u termini u kundizzjonijiet għal sekondar u kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ICAO fil-kuntest ta’ dan l-MOC għandhom ikunu stabbiliti fl-arranġamenti ta’ ħidma għal dak l-iskop miftiehem fil-Kumitat Konġunt. Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom jinkludu l-possibbiltà għall-UE li titlob lill-ICAO informazzjoni finanzjarja fil-qafas ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet.

5.1.7.

Għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar kwalunkwe programm ta’ taħriġ rilevanti u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-Parti l-oħra, kif xieraq.

5.1.8.

Jorganizzaw avvenimenti rilevanti b’mod konġunt u jikkoordinaw avvenimenti, fejn xieraq.

6.   Kunfidenzjalità

6.1.

Kull Parti għandha tieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli neċessarji kollha biex tipproteġi informazzjoni li tasal taħt dan l-MOC u l-Annessi tiegħu milli tkun divulgata b’mod mhux awtorizzat. Parti tista’, meta tgħaddi informazzjoni lil Parti oħra, tidentifika l-partijiet tal-informazzjoni li tqis li għandhom ikunu eżentati mid-divulgazzjoni.

6.2.

Il-Partijiet jaqblu li jissalvagwardjaw, sal-limitu meħtieġ taħt ir-regoli, ir-regolamenti u l-leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom, il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata mibgħuta mill-Parti l-oħra b’applikazzjoni ta’ dan l-MOC u l-Annessi tiegħu.

6.3.

B’mod partikolari, suġġetti għar-regoli, ir-regolamenti u l-leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom, il-Partijiet ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni li tasal mingħand xulxin taħt dan l-MOC u l-Annessi tiegħu li hija meqjusa bħala proprjetà tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun immarkata kif xieraq bħala tali f’konformità mar-regoli rispettivi tagħhom.

6.4.

Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq arranġamenti ta’ ħidma dwar proċeduri ulterjuri għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata pprovduta skont dan l-MOC u l-Annessi tiegħu skont il-ħtieġa. Dawn il-proċeduri għandhom jinkludu l-possibbiltà għal kull Parti li tivverifika liema miżuri ta’ protezzjoni ġew stabbiliti mill-Parti l-oħra.

7.   Kumitat Konġunt tal-Partijiet

7.1.

Huwa b’dan imwaqqaf Kumitat Konġunt, kompost minn rappreżentanti ta’ kull Parti. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ko-ippresedut minn rappreżentant ta’ kull Parti. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-funzjonament effikaċi tal-Annessi għal dan l-MOC, inkluża l-adozzjoni tal-Annessi.

7.2.

Għandha tissejjaħ laqgħa tal-Kumitat Konġunt għall-inqas darba fis-sena biex tanalizza l-implimentazzjoni tal-Annessi għal dan l-MOC u l-laqgħa għandha tkun organizzata b’mod kosteffikaċi. Kull Parti tista’ titlob laqgħa tal-Kumitat Konġunt fi kwalunkwe ħin.

7.3.

Il-Kumitat Konġunt jista’ jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Annessi għal dan l-MOC. B’mod partikolari, għandu jkun responsabbli:

(a)

għar-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Annessi għal dan l-MOC;

(b)

għall-kunsiderazzjoni ta’ modi li jsaħħu l-operat tal-Annessi għal dan l-MOC u biex jagħmel, kif xieraq, rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għall-emendar tagħhom;

(c)

għall-adozzjoni ta’ Annessi għal dan l-MOC u ta’ arranġamenti ta’ ħidma fl-ambitu tal-Annessi jew l-emendi għalihom;

(d)

għall-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet finanzjarji u relatati mar-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-MOC u l-Annessi tiegħu; kif ukoll

(e)

għar-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe differenza jew tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan l-MOC u l-Annessi tiegħu.

7.4.

Il-Kumitat Konġunt għandu jopera abbażi ta’ ftehim bejn il-Presidenti li jirrappreżentaw kull Parti rispettiva.

8.   Riżoluzzjoni ta’ disputi

8.1.

Kull Parti tista’ titlob għal konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra dwar kwalunkwe suġġett relatat ma’ dan il-MOC. Il-Parti l-oħra għandha twieġeb fil-pront għat-tali talba u għandha tidħol f’konsultazzjonijiet fi żmien miftiehem bejn il-Partijiet li ma jaqbiżx 45 jum.

8.2.

Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu kwalunkwe differenza bejniethom li tirriżulta mill-kooperazzjoni tagħhom taħt dan l-MOC fl-iktar livell tekniku baxx possibbli permezz ta’ konsultazzjoni.

8.3.

Fil-każ li xi differenza ma tiġix solvuta kif stipulat fil-paragrafu 8.2 ta’ dan l-Artikolu, waħda mill-Partijiet tista’ tirriferi d-disputa lill-Kumitat Konġunt, li għandu jikkonsulta dwarha, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan l-MOC, bl-għan li tissolva b’negozjati.

8.4.

Minkejja l-paragrafi 8.1 sa 8.3 ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet tal-FAFA dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputi għandhom ikunu applikati meta tkun indirizzata kwalunkwe tilwima li tirriżulta minn kwistjoni ta’ ġestjoni finanzjarja.

8.5.

Xejn f’dan l-MOC ma għandu jkun meqjus bħala rinunzja għal kwalunkwe privileġġ jew immunità tal-Partijiet.

9.   Dħul fis-seħħ, emendi u terminazzjoni

9.1.

Sakemm jidħol fis-seħħ, l-MOC għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.

9.2.

Dan l-MOC għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew, u għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi tterminat.

9.3.

Dan l-MOC jista’ jkun terminat fi kwalunkwe ħin minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Din it-terminazzjoni għandha sseħħ b’notifika bil-miktub mibgħuta sitt xhur qabel minn Parti lill-Parti l-oħra, sakemm l-avviż imsemmi tat-terminazzjoni ma jkunx ġie rtirat bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jiskadi dan il-perjodu.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Per la Unió Europea

Image

Image

За Международната организация за гражданско въздухоплаване

Por la Organización Internacional de Aviación Civil

Za Mezinárodní organizaci pro civilní letectví

For Organisationen for International Civil Luftfart

Für die Internationale Zivilluftfahrt-Organisation

Rahvusvahelise Tsiviillennunduse Organisatsiooni nimel

Για τη Διεθνή Οργάνωση Πολιτικής Αεροπορίας

For The International Civil Aviation Organisation

Pour l’Organisation de l’aviation civile internationale

Per l’Organizzazione internazionale dell’aviazione civile

Starptautiskās Civilās aviācijas organizācijas vārdā

Tarptautinės Civilinės aviacijos organizacijos vardu

A Nemzetközi Polgári Repülési Szervezet részéről

Għall-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Voor de Internationale Burgerluchtvaartorganisatie

W imieniu Organizacji Międzynarodowego Lotnictwa Cywilnego

Pela Organização da Aviação Civil Internacional

Pentru Organizația Aviației Civile Internaționale

Za Medzinárodnú organizáciu civilného letectva

Za Mednarodno organizacijo civilnega letalstva

Kansainvälisen siviili-ilmailujärjestön puolesta

För internationella civila luftfartsorganisationen

Image