3.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Settembru 2011

li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana

(2011/523/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 1977, il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana kkonkludew Ftehim ta’ Koperazzjoni ("il-Ftehim ta' Koperazzjoni") (1) biex jippromwovu l-koperazzjoni ġenerali bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom.

(2)

Il-Ftehim ta’ Koperazzjoni huwa bbażat fuq ix-xewqa komuni tal-Partijiet li jżommu u jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fir-relazzjonijiet tagħha mad-dinja inġenerali, l-Unjoni għandha notevolment iżżid il-paċi, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-osservanza stretta u l-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

Skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex tippromwovi fid-dinja inġenerali: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità umana, il-prinċipju ta’ ugwaljanza u solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u għad-dritt internazzjonali.

(5)

Minn Marzu 2011, kibru l-protesti kontra l-abbużi speċifiċi tal-poter minn uffiċjali Sirjani f'kuntest ġenerali ta' skuntentizza ekonomika u politika dejjem tikber. Protesti kawti li bdew f'reġjuni marġinalizzati żviluppaw f'ribelljoni madwar il-pajjiż kollu. L-awtoritajiet Sirjani wieġbu, u qed ikomplu jwieġbu, b' mod vjolenti ħafna inkluż bl-isparar fuq dimostranti paċifiċi.

(6)

Fit-18 ta’Awwissu 2011, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ħarġet stqarrija lis-17-il Sessjoni Speċjali tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana” li fiha hija fakkret li fir-rapport tagħha tat-18 ta' Awwissu, il-missjoni esploratorja fis-Sirja mitluba mill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem kienet sabet sitwazzjoni konsistenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux jew sistematiku mill-forzi tas-sigurtà u militari Sirjani, inkluż qtil, għajbien sfurzat, tortura, ċaħda tal-libertà, u persekuzzjoni. Il-Kummissarju Għoli qieset li l-iskala u n-natura ta' dawn l-atti jistgħu jitqiesu bħala krimini kontra l-umanità u ħeġġet lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jikkunsidraw li jirreferu s-sitwazzjoni attwali fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

(7)

Fl-istess jum, l-Unjoni kkundannat il-kampanja brutali li saret minn Bashar Al-Assad u r-reġim tiegħu kontra l-poplu tagħhom stess li kienet wasslet għall-qtil jew korriment ta’ ħafna ċittadini Sirjani. L-Unjoni ripetutament enfasizzat li r-ripressjoni brutali trid tieqaf, il-manifestanti detenuti jridu jinħelsu, l-organizzazzjonijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u l-midja jridu jingħataw aċċess ħieles, u jrid jitnieda djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv. Il-mexxejja Sirjani, madankollu, komplew jisfidaw is-sejħiet tal-Unjoni u l-komunità internazzjonali aktar wiesgħa.

(8)

Fit-23 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem adotta riżoluzzjoni dwar il-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija tas-Sirja li fiha kkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet gravi u persistenti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani, tenna s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Sirjani biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, enfasizza l-ħtieġa għal investigazzjoni internazzjonali, trasparenti, indipendenti u immedjata dwar l-allegat ksur tal-liġi internazzjonali, inklużi azzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu krimini kontra l-umanità u biex dawk li kienu responsabbli jirrispondu għal għemilhom, u ddeċieda li jibgħat kummissjoni internazzjonali indipendenti ta’ inkjesta biex tinvestiga vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

(9)

Skont il-Preambolu tal-Ftehim ta' Koperazzjoni, iż-żewġ Partijiet xtaqu, permezz tal-konklużjoni ta' dan il-Ftehim, juru x-xewqa komuni tagħhom li jżommu u jsaħħu relazzjonijiet ta’ ħbiberija skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fiċ-ċirkostanzi kurrenti, l-Unjoni tikkunsidra li s-sitwazzjoni attwali fis-Sirja tmur b'mod ċar kontra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkostitwixxu l-bażi tal-koperazzjoni bejn is-Sirja u l-Unjoni.

(10)

Fid-dawl tal-gravità estrema tal-ksur li sar min-naħa tas-Sirja tad-dritt internazzjonali ġenerali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni ddeċidiet li tadotta miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-reġim Sirjan.

(11)

F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni għandha tkun parzjalment sospiża sa meta l-awtoritajiet Sirjani jtemmu l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu jistgħu mill-ġdid jitqiesu bħala konformi mad-dritt internazzjonali ġenerali u mal-prinċipji li jiffurmaw il-bażi tal-Ftehim ta' Koperazzjoni.

(12)

Meta jitqies li s-sospensjoni għandu jkollha l-għan li tolqot lill-awtoritajiet Sirjani biss u mhux lill-poplu tas-Sirja, is-sospensjoni għandha tkun limitata. Billi fil-preżent iż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi huma l-prodotti li l-kummerċ tagħhom l-aktar jibbenefika lir-reġim Sirjan u li għalhekk jappoġġjaw il-politiki ripressivi tiegħu, is-sospensjoni tal-Ftehim għandha tkun limitata għaż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petroliferi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 12, 14 u 15 tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana huma sospiżi safejn huma kkonċernati l-miżuri elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata lir-Repubblika Għarbija Sirjana.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 269, 27.9.1978, p. 2.


ANNESS

Lista tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1

(1)

L-importazzjoni ta' żejt mhux raffinat u ta' prodotti petroliferi fl-Unjoni jekk dawn

(a)

joriġinaw fis-Sirja; jew

(b)

ġew esportati mis-Sirja;

(2)

Ix-xiri ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li jinsabu fis-Sirja jew li joriġinaw fiha;

(3)

It-trasport taż-żejt mhux raffinat jew tal-prodotti petroliferi jekk dawn joriġinaw fis-Sirja, jew ikunu qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;

(4)

Il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-punti (1), (2) u (3); u

(5)

Il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li, direttament jew indirettament, jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-punti (1), (2), (3) jew (4).