2.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/487/PESK

tal-1 ta’ Awwissu 2011

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni (1).

(2)

Fis-17 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1989(2011) (“UNSCR 1989 (2011)”) waqt li nnota bi tħassib it-theddida kontinwa għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali mill-Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħha u afferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li jindirizza kull aspett ta’ dik it-theddida.

(3)

F’dan il-kuntest, UNSCR 1989 (2011) żamm il-miżuri restrittivi kif imposti preċedentement mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), fir-rigward ta’ Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, inklużi dawk imsemmija fit-Taqsima C (“Individwi assoċjati mal-Al-Qaida”) u fit-Taqsima D (“Entitajiet u gruppi, u impriżi oħrajn assoċjati mal-Al-Qaida”) tal-Lista Kkonsolidata stabbilita skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000), kif ukoll dawk stabbiliti wara d-data ta’ adozzjoni tal-UNSCR 1989 (2011).

(4)

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(5)

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 881/2002 (2).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

1.

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom”.

2.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Din il-Pożizzjoni Komuni tapplika għall-membri tal-organizzazzjoni tal-Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, kif imsemmi fil-lista mfassla skont l-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata mill-Kumitat stabbilit skont il-UNSCR 1267(1999).”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9).