29.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Lulju 2011

dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej għal tagħmir tal-ġinnastika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/479/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/95/KE tipprevedi l-istandards Ewropej li għandhom jiġu stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Standards bħal dawn għandhom jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Skont id-Direttiva 2001/95/KE, prodott jitqies li jkun sikur meta jikkonforma mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE jistabbilixxi l-proċedura għat-tfassil tal-istandards Ewropej. Skont dik il-proċedura, il-Kummissjoni trid tiddetermina r-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza li l-istandards Ewropej għandhom jissodisfaw u, sussegwentement, fuq il-bażi ta’ dawk ir-rekwiżiti, għandha tagħti mandati lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex ifasslu dawk l-istandards.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi għall-istandards Ewropej adottati b'dak il-mod f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, ir-referenzi għall-istandards Ewropej li ġew adottati mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva jistgħu jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea anki fin-nuqqas ta’ mandat tal-Kummissjoni, jekk dawk l-istandards jiżguraw il-konformità mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali stabbilit f'dik id-Direttiva.

(5)

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/718/KE (2) tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat ir-referenzi ta’ seba' standards Ewropej dwar is-sikurezza tat-tagħmir tal-ġinnastika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Is-seba' standards Ewropej dwar is-sikurezza tat-tagħmir tal-ġinnastika kkonċernat mid-Deċiżjoni 2005/718/KE mhumiex sostnuti minn mandat tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/95/KE.

(7)

Wieħed minn dawk l-istandards, EN 913:1996, tbiddel b'verżjoni ġdida, EN 913:2008. Din il-verżjoni ġdida ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/95/KE u r-referenza tagħha ma tistax, għaldaqstant, tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fin-nuqqas ta’ mandat tal-Kummissjoni, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza.

(8)

Sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-verżjoni ġdida u ta’ kull verżjoni sussegwenti tal-istandards Ewropej għat-tagħmir tal-ġinnastika mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE, jinħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva.

(9)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiddetermina r-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għat-tagħmir tal-ġinnastika bl-għan li jingħata mandat lill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw standards Ewropej rilevanti għat-tagħmir tal-ġinnastika fuq il-bażi ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(10)

Ladarba l-istandards rilevanti jkunu disponibbli, u sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika r-referenzi tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, it-tagħmir tal-ġinnastika għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali ta’ dik id-Direttiva, safejn ir-rekwiżiti ta’ sikurezza koperti mill-istandards huma kkonċernati.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni “Tagħmir tal-ġinnastika” jfisser tagħmir użat għal għanijiet ta’ taħriġ, eżerċizzju jew kompetizzjoni, li jinvolvu eżerċizzju individwali u fi gruppi. Dan it-tagħmir jew jitqiegħed fl-art jew jitwaħħal mas-saqaf jew mal-ħajt jew ma’ struttura fissa oħra. Dan jista' jitwaħħal b'mod permanenti jew ikun jista' jiġi mċaqlaq u modifikat biex jintuża.

Artikolu 2

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/95/KE għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)   ĠU L 271, 15.10.2005, p. 51.


ANNESS

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI TA’ SIKUREZZA GĦAL TAGĦMIR TAL-ĠINNASTIKA

Parti I

Prodott u definizzjoni tal-prodott

It-tagħmir tal-ġinnastika kopert b’dan il-mandat huwa tagħmir użat għal għanijiet ta’ taħriġ, eżerċizzju jew kompetizzjoni, li jinvolvu eżerċizzju individwali u fi gruppi. Dan it-tagħmir jew jitqiegħed fl-art jew jitwaħħal mas-saqaf jew mal-ħajt jew ma’ struttura fissa oħra. Dan jista’ jitwaħħal b’mod permanenti jew ikun jista’ jiġi mċaqlaq u modifikat biex jintuża.

Għal xi tagħmir speċifiku tal-ġinnastika, ir-rekwiżiti ġenerali huma kkumplimentati minn rekwiżiti ta’ sikurezza addizzjonali.

Parti II

A.   Rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali

Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE u għandhom ikunu “sikuri” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tagħha. B’mod partikolari, il-prodott għandu jkun sikur f’kundizzjonijiet ta’ użu prevedibbli normali u raġonevoli, inklużi l-ħżin, it-trasport sikur għall-ispazju fejn jinħażen, l-installazzjoni u l-manutenzjoni, iż-żarmar, u matul iż-żmien kollu li fih jintuża. Il-prodott għandu jkun sikur ukoll għal utenti professjonali (eż. trejners, għalliema).

F’kundizzjonijiet ta’ użu prevedibbli normali u raġonevoli tat-tagħmir tal-ġinnastika, ir-riskju ta’ feriment jew ħsara għas-saħħa u s-sikurezza għandu jiġi minimizzat. L-ebda parti li hija aċċessibbli għall-utent waqt użu normali jew maħsub ma għandha tikkawża ħsara fiżika jew taffettwa s-saħħa tal-utent.

L-użu prevedibbli komuni ta’ dawn il-prodotti huwa li jħarrġu lit-tfal (eż. fl-iskola, fi klabbs tal-isport) li ġeneralment ikollhom perċezzjoni ta’ riskju aktar baxxa minn dik tal-adulti. Fejn il-perikli ma jistgħux jiġu minimizzati biżżejjed mid-disinn jew mis-salvagwardji, ir-riskju residwu għandu jiġi trattat permezz ta’ tagħrif marbut mal-prodott indirizzat lill-kontrolluri.

L-utenti għandhom jiġu mgħarrfa dwar ir-riskji u l-perikli li x’aktarx iseħħu u kif jevitawhom.

B.   Rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza

Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu, bħala minimu, fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE,

(a)

Irfinitura tal-wiċċ.

(b)

Xquq u ponot b’periklu ta’ feriment minn qtugħ/tgħaffiġ/qris.

(c)

Waqgħa mhux intenzjonata.

(d)

Waqgħa mill-għoli.

(e)

Stabbiltà u saħħa.

(f)

Apparati ta’ aġġustament.

(g)

reżistenza għall-impatt tal-materjal ikkuttunat ta’ fuq.

(h)

Immarkar. B’mod aktar speċifiku, it-tagħmir kollu tal-ġinnastika għandu jkollu fuqu t-tagħrif li ġej:

1.

in-numru tal-Istandard Ewropew rilevanti;

2.

l-isem, il-marka kummerċjali jew mezz ieħor ta’ identifikazzjoni tal-manifattur, tal-bejjiegħ bl-imnut jew tal-importatur;

3.

is-sena tal-produzzjoni;

4.

in-numru massimu ta’ utenti li jistgħu jużaw it-tagħmir f’daqqa u li għalihom hu maħsub it-tagħmir;

5.

istruzzjonijiet għall-użu.

(i)

Qbid u strangulament.

(j)

Kolliżjoni.

(k)

Durabbiltà.

(l)

Xokkijiet tal-elettriku.

Barra minn hekk, jitqiesu wkoll ir-riskji li ġejjin: a)

(a)

riskji li jirriżultaw minn nuqqas ta’ kapaċità għall-irfigħ tat-tagħbija tat-tagħmir, filwaqt li jitqiesu s-saħħa, ir-riġidità u l-elastiċità tal-materjali użati;

(b)

riskji li jirriżultaw minn telf ta’ stabbiltà tat-tagħmir, filwaqt li jitqies is-sostenn tat-tagħmir u l-art, kif ukoll il-possibbiltà ta’ tagħbija fuq it-tagħmir;

(c)

riskji li jirriżultaw mill-użu tal-enerġija tal-elettriku u miċ-ċirkwiti operattivi;

(d)

riskji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-enerġija mekkanika jew tal-ilma;

(e)

riskji li jirriżultaw mill-użu tat-tagħmir, inklużi waqgħat, qtugħ, qbid, fgar, kolliżjonijiet u piż żejjed tal-ġisem;

(f)

riskji li jirriżultaw mill-aċċessibbiltà tat-tagħmir, inkluża l-aċċessibbiltà f’każ ta’ difetti u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

(g)

riskji li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ kuntatti mat-tagħmir u dawk li jinzertaw fil-qrib (eż. il-pubbliku);

(h)

riskji li jirriżultaw minn nuqqas ta’ manutenzjoni;

(i)

riskji li jirriżultaw minn immuntar, żarmar u mmaniġġjar tat-tagħmir;

(j)

riskji li jirriżultaw minn esponiment għal sustanzi kimiċi.

It-testijiet li ġejjin għandhom jitqiesu, bħala minimu, fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE:

(a)

Determinazzjoni tar-riskju ta’ qbid;

(b)

Tagħbija mekkanika biex jiġu ddeterminati l-istabbiltà u s-saħħa;

(c)

Determinazzjoni tar-reżistenza tal-materjal ikkuttunat;

(d)

Rapport tat-testijiet.

C.   Eżempji ta’ tagħmir tal-ġinnastika

Fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali msemmija fid-Direttiva 2001/95/KE, il-lista li ġejja, li mhijiex waħda eżawrjenti, tagħti eżempji tat-tipi differenti ta’ tagħmir tal-ġinnastika:

(a)

Vireg paralleli u taħlita ta’ vireg asimmetriċi/paralleli;

(b)

Vireg asimmetriċi;

(c)

Kaxex għall-qbiż;

(d)

Żiemel tal-qbiż għall-ġinnastika;

(e)

Vireg orizzontali;

(f)

Vireg tal-ħajt, slielem bil-kannizzati u strutturi għat-tixbit;

(g)

Vireg għall-ibbilanċjar;

(h)

Ċrieki mdendlin;

(i)

Trampolini;

(j)

Imwejjed għall-qbiż.