27.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2011

li temenda l-miżuri xierqa stabbiliti mid-Deċiżjoni 2009/618/KE dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou u li tħassarha

(2011/465/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rrevedut f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2) (minn issa “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika tal-Ginea għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-impenji deskritti fl-ittra li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/618/KE tas-27 ta’ Lulju 2009 (4) dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, it-twettiq ta’ liema impenji hija kundizzjoni għat-tneħħija tal-miżuri korrispondenti.

(2)

Ir-Repubblika tal-Ginea rreġistrat progress fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn ir-ritorn għall-ordni kostituzzjonali u l-istabbiliment ta’ reġim demokratiku, b’mod partikolari bis-saħħa tal-ħatra ta’ president permezz ta’ elezzjonijiet presidenzjali liberi u trasparenti, u n-nomina ta’ gvern ċivili.

(3)

L-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali u l-ħatra ta’ president ġdid jikkostitwixxu twettiq parzjali tal-aħħar stadju definit fl-anness għall-ittra mehmuża mad-Deċiżjoni 2009/618/KE.

(4)

Ir-raba’ u l-aħħar stadju li jimmarka t-tmiem tat-tranżizzjoni mhux ser jintlaħaq sas-27 ta’ Lulju 2011, id-data ta’ skadenza tad-Deċiżjoni 2009/618/KE.

(5)

Għaldaqstant, għandhom jiġu aġġornati, fid-dawl tal-progress irreġistrat fir-ritorn għall-ordni kostituzzjonali, il-miżuri xierqa biex jittieħed f’kunsiderazzjoni l-progress miksub, billi tiġi mħassra d-Deċiżjoni 2009/618/KE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri xierqa previsti skont il-punt (c) tal-Artikolu 96(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE huma ppreċiżati fl-ittra li tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/618/KE hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi adottata.

Hija tiskadi fid-19 ta’ Lulju 2012.

Hija għandha tiġi eżaminata mill-ġdid wara perjodu indikattiv ta’ 6 xhur jekk ikun il-każ abbażi tal-konklużjonijiet ta’ missjoni fuq il-post tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)   ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)   ĠU L 214, 19.8.2009, p. 34.


ANNESS

ABBOZZ TA’ ITTRA

Sur President,

Sur Prim Ministru,

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon il-progress miksub mir-Repubblika tal-Ginea fir-ritorn lejn l-ordni kostituzzjonali, b’mod partikolari wara l-konklużjoni paċifika tal-elezzjoni presidenzjali fl-2010 u l-ħatra ta’ President leġittimu u ta’ gvern ċivili. L-elezzjoni presidenzjali li għadha kif tintemm tikkostitwixxi l-ewwel proċess elettorali verament miftuħ u kompetittiv sa mill-indipendenza tal-Ginea, u timmarka stadju kruċjali fir-ritorn lejn il-leġittimità demokratika.

Issa qegħdin tiffaċċjaw l-isfida enormi biex tpoġġu lil pajjiżkom fit-triq tal-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku, u qed twettqu din ir-responsabbiltà bl-adozzjoni ta’ programm ta’ riformi ambizzjużi. Konxju mid-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li qiegħda taffaċċja r-Repubblika tal-Ginea, u sabiex jappoġġjakom f’din il-fażi aħħarija iżda importanti ta’ tranżizzjoni politika, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jirrevedi l-kundizzjonijiet marbuta mal-aħħar stadju tal-issuktar tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea, b’mod partikolari l-iffirmar tad-Dokument dwar l-Istrateġija tal-Pajjiż u tal-Programm Nazzjonali Indikattiv (DSP/PIN) għall-10 Fond Ewropew tal-Iżvilupp (FEI) li se jkopri l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea sal-2013.

Skont din id-Deċiżjoni, l-Unjoni Ewropea se tkun tista’ tiffirma d-DSP/PIN mar-Repubblika tal-Ginea ladarba daawn jiġu ffinalizzati u wara li l-awtoritajiet tal-Ginea jibagħtu komunikazzjoni formali lill-Unjoni Ewropea li tippreżenta kalendarju dettaljat, imfassal u adottat mill-awtoritajiet kompetenti, li jispeċifika d-dati u l-istadji għaż-żamma tal-elezzjonijiet leġiżlattivi qabel tmiem l-2011.

Wara l-iffirmar tad-DSP/PIN, il-fondi ta’ appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet, destinati għas-servizzi soċjali bażiċi, jistgħu jiġu rilaxxati. Il-gwida teknika tal-proġetti u l-programmi l-oħra previsti f’dawn id-dokumenti, kif ukoll operazzjonijiet eventwali ġodda tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (1), tkun tista’ tkompli wkoll, iżda r-rilaxx tal-fondi mhux se tkun possibbli ħlief wara li jinżammu l-elezzjonijiet leġiżlattivi liberi u trasparenti.

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li għalkemm l-elezzjonijet presidenzjali huma fundamentali għat-tranżizzjoni demokratika, l-elezzjonijiet leġiżlattivi u l-istabbiliment ta’ Assemblea ġdida eletta b’mod demokratiku jibqgħu deċiżivi biex titwettaq it-tranżizzjoni u jkun stabbilit qafas demokratiku sħiħ. L-Unjoni Ewropea għadha kunfidenti fil-fatt li l-elezzjonijiet leġiżlattivi se jseħħu mhux aktar tard mill-aħħar trimestru tas-sena 2011, kif iddikjarat mill-awtoritajiet tal-Ginea, u għadha disponibbli biex tappoġġja finanzjarjament l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet (għal total indikattiv ta’ EUR 5 miljun).

L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tkompli djalogu politiku regolari mal-gvern tal-Ginea fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, dwar l-elementi essenzjali ta’ dan il-Ftehim previsti fl-Artikolu 9 tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-Istat tad-dritt, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, it-tmiem tal-impunità u r-riformi fil-qasam tat-tmexxija politika, ġudizzjarja u ekonomika u r-riforma tas-settur tas-sigurtà.

Il-gvern tar-Repubblika tal-Ginea jista’ jkompli jiddependi fuq l-appoġġ u l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea fil-mixja ambizzjuża ta’ ritorn lejn it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-benesseri tal-populazzjoni tagħha.

Dejjem tagħkom, …

Magħmul fi Brussell, il- …

Għall-Unjoni Ewropea, …

ANNESS

SKEDA TAL-IMPENJI

Impenji tal-Ginea

Impenji tal-UE

1.

Kalendarju dettaljat (data u stadji preliminari/operazzjonijiet preparatorji), imfassal u adottat mill-awtoritajiet kompetenti, għaż-amma tal-elezzjonijiet leġiżlattivi qabel tmiem l-2011.

1.1.

L-iffirmar tal-10 FEI tad-DSP/PIN wara tmiem l-ipprogrammar tiegħu.

1.2.

Il-gwida teknika tal-proġetti/programmi previsti fl-imsemmi DSP/PIN.

1.3.

Ir-rilaxx tal-fondi b'appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet.

2.

Iż-żamma ta’ elezzjonijiet leġiżlattivi liberi u trasparenti.

2.1.

Deċiżjonijiet ta’ finanzjament u l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti/programmi li jifdal tal-10 FEI.


(1)  Il-miżura ma tapplikax għall-operazzjonijiet ta’ għajnuna ta’ tnaqqis tal-piż li diġà inbdew mill-BEI fil-qafas tal-Inizjattiva Pajjiżi Foqra Imdejna Ħafna, u inkluż il-maħfra tal-arretrati fuq is-self tal-FEI ġestit mill-BEI.