23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2011

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji, imwaqqaf bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda fl-Appendiċi V.A. tal-Anness IV ta’ dak il-Ftehim

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/449/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 168(4)(b) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2005/269/KE (1), il-Kunsill approva f’isem il-Komunità l-iffirmar tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

(2)

L-Anness IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fih Ftehim dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) applikabbli għall-kummerċ ta’ annimali u prodotti tal-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u prodotti oħra u t-trattament xieraq tal-annimali (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim SPS UE-Ċilì”).

(3)

Skont il-punt (c) tal-Artikolu 16(2) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì, il-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji” (minn hawn ’il quddiem “il-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni”), stabbilit bl-Artikolu 89(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, għandu s-setgħa li jemenda, permezz ta’ deċiżjoni, l-Appendiċijiet I sa XII tal-Ftehim SPS UE-Ċilì.

(4)

L-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì għandu jkollu setturi ta’ prijorità jew subsetturi f’ordni ta’ prijorità li għalihom tista’ tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza.

(5)

Ir-Repubblika taċ-Ċilì tixtieq tapplika trattament ta’ proċessar lill-molluski bivalvi li mhuwiex previst mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(6)

Sabiex jiġi evalwat jekk it-trattament propost ta’ proċessar jistax jilħaq l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħal dak tat-trattament previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi valutata l-ekwivalenza taż-żewġ trattamenti.

(7)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jirrikjedi li l-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jiġi emendat sabiex jidentifika setturi jew subsetturi ta’ prijorità qabel ma jkunu jistgħu jinbdew konsultazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza. Is-settur “prodotti tal-ħut” u s-subsettur tiegħu, “molluski bivalvi”, għandhom għalhekk jiġu introdotti fil-lista tal-prijoritajiet f’dik l-Appendiċi.

(8)

L-Unjoni għandha għalhekk tieħu l-pożizzjoni disposta fl-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż tal-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni, fir-rigward tal-emenda fl-Appendiċi V.A. tal-Anness IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni għall-kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (minn hawn ’il quddiem “il-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni”), stabbilit taħt il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-emenda fl-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni dwar l-emenda fl-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif tiġi adottata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/269/KE tat-28 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (ĠU L 84, 2.4.2005, p. 19).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT TA’ ĠESTJONI GĦALL-KWISTJONIJIET SANITARJI U FITOSANITARJI STABBILIT TAĦT IL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAĊ-ĊILÌ DWAR MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI APPLIKABBLI GĦALL-KUMMERĊ TA’ ANNIMALI U PRODOTTI TAL-ANNIMALI, PJANTI U PRODOTTI TAL-PJANTI U PRODOTTI OĦRA U T-TRATTAMENT XIERAQ TAL-ANNIMALI

tal-…

li temenda l-Appendiċi V.A. tal-Anness IV tal-Ftehim

IL-KUMITAT KONĠUNT TA’ ĠESTJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea flimkien mal-Istati Membri tagħha u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) applikabbli għall-kummerċ ta’ annimali u prodotti tal-annimali, pjanti, prodotti tal-pjanti u prodotti oħra u t-trattament xieraq tal-annimali (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim SPS UE-Ċilì”), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jipprovdi li l-ekwivalenza tista’ tiġi rikonoxxuta fir-rigward ta’ miżura individwali u/jew gruppi ta’ miżuri u/jew sistemi applikabbli għal settur jew subsettur.

(2)

L-Artikolu 7(4) tal-Ftehim SPS UE-Ċilì jistabbilixxi li s-setturi jew subsetturi li għalihom jista’ jinbeda l-proċess għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza għandhom jiġu stabbiliti f’ordni ta’ prijorità fl-Appendiċi V.A.

(3)

Ir-Repubblika taċ-Ċilì esprimiet l-interess li tinkludi l-molluski bivalvi bħala subsettur tal-prodotti tas-sajd fl-Appendiċi V.A. bħala settur ta’ prijorità sabiex tinbeda l-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-miżuri applikati lilhom.

(4)

Il-Partijiet qablu, fil-ħames laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni, li tinbeda l-proċedura għall-emendament kif meħtieġ tal-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi V.A. tal-Ftehim SPS UE-Ċilì huwa mibdul bit-test li jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, imfassla duplikatament, għandha tiġi ffirmata mill-Kopresidenti tal-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni jew minn persuni oħra mogħtija s-setgħa li jaġixxu f’isem il-Partijiet. Hija għandha tiġi adottata permezz ta’ skambju ta’ noti miktuba bejn iż-żewġ Segretarji li jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet li jiċċertifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni legali meħtieġa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-ħruġ tal-aħħar nota miktuba skambjata.

Iffirmata f’Santiago, [id-data]

Iffirmata fi Brussell, [id-data]

Għall-Kumitat Konġunt ta’ Ġestjoni

Kap tad-Delegazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċilì

Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea

ANNESS

Appendiċi V

SETTURI JEW SUBSETTURI TA’ PRIJORITÀ LI GĦALIHOM TISTA’ TIĠI RIKONOXXUTA L-EKWIVALENZA U KUNDIZZJONIJIET U DISPOŻIZZJONIJIET GĦALL-APPROVAZZJONI PROVVIŻORJA TAL-ISTABBILIMENTI

A.   Setturi jew subsetturi ta’ prijorità li għalihom tista’ tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza

(1)

Settur: Prodotti tas-sajd

Subsettur: Molluski bivalvi