22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill l-awtorità bis-setgħa ta’ ħatra u s-setgħa ta’ konklużjoni tal-kuntratti ta’ reklutaġġ u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/491/KE, Euratom

(2011/444/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u notevolment l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet imsemmija,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 240 (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jaqa' taħt ir-responsabbilità ta’ Segretarju Ġenerali.

(2)

Għandha tiġi adottata deċiżjoni ġdida li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill l-awtorità bis-setgħa ta’ ħatra u s-setgħa ta’ konklużjoni tal-kuntratti ta’ reklutaġġ u d-Deċiżjoni 2006/491/KE, Euratom (2) għandha tiġi mħassra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali lill-awtorità bis-setgħa ta’ ħatra kif ukoll mill-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg applikabbli għal aġenti oħra lill-awtorità bis-setgħa ta’ konklużjoni tal-kuntratti ta’ reklutaġġ, fir-rigward tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, jiġu eżerċitati:

(a)

mill-Kunsill, f'dak li jikkonċerna s-Segretarju Ġenerali;

(b)

mill-Kunsill, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, għall-applikazzjoni lid-Diretturi Ġenerali tal-Artikoli 1a, 30, 34, 41, 49, 50 u 51 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(c)

mis-Segretarju Ġenerali fil-każijiet l-oħra.

Is-Segretarju Ġenerali huwa awtorizzat li jiddelega lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni parti minn jew is-setgħat kollha tiegħu, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg applikabbli għal aġenti oħra kif ukoll l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjoni AST, bl-eċċezzjoni tas-setgħat ta’ ħatra u ta’ waqfien definittiv tal-funzjonijiet tal-uffiċjali u ta’ reklutaġġ ta’ aġenti oħra.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2006/491/KE, Euratom hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2006 li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill is-setgħa ta’ ħatra u s-setgħa ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU L 194, 14.7.2006, p. 29).