22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2011

dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat

(2011/443/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija kompetenti biex tadotta miżuri għall-konservazzjoni, għall-ġestjoni u għall-kontroll tar-riżorsi tas-sajd; hija wkoll kompetenti biex tidħol fi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi u fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

(2)

L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, li, fost affarijiet oħrajn, teżiġi li l-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-ġestjoni u fil-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(3)

L-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha huma partijiet kontraenti għall-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2001.

(4)

Il-Konferenza tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO), approvat, fis-Sitta u Tletin Sessjoni tagħha li saret f'Ruma fit-18-23 ta’ Novembru 2009, il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (minn issa “il-Ftehim”) skont l-Artikolu XIV, paragrafu 1, tal-Kostituzzjoni tal-FAO, għas-sottomossjoni lill-Membri tal-FAO.

(5)

Il-Ftehim kien iffirmat fit-22 ta’ Novembru 2009 f'isem il-Komunità Ewropea suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar 'il quddiem.

(6)

L-Unjoni għandha rwol ewlieni fis-sajd internazzjonali u hija waħda mis-swieq ewlenin globali għall-prodotti tas-sajd u huwa fl-interess tagħha li jkollha rwol effettiv fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u u li tapprova l-Ftehim.

(7)

Għaldaqstant, il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu, u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (minn issa “il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni rigward il-kompetenza tal-Unjoni huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna(i) li tingħata s-setgħa biex tipproċedi, f'isem l-Unjoni, bid-depożitu tal-istrument tal-approvazzjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti huwa u jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ Depożitarju tal-Ftehim skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim, flimkien mad-Dikjarazzjoni dwar il-kompetenzi tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


DIKJARAZZJONI DWAR IL-KOMPETENZA TAL-UNJONI EWROPEA RIGWARD IL-KWISTJONIJIET RREGOLATI MILL-FTEHIM DWAR MIŻURI TAL-ISTAT TAL-PORT LI JIMPEDIXXU, JISKORAĠĠIXXU U JELIMINAW IS-SAJD ILLEGALI, MHUX RAPPURTAT U MHUX REGOLAT

(Dikjarazzjoni li qed issir skont il-punt (a) tal-Artikolu 28(2) tal-Ftehim)

1.

Il-punt (a) tal-Artikolu 28(2) tal-Ftehim jistipula li f’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jkollha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, fi żmien l-iffirmar jew l-adeżjoni, organizzazzjoni bħal din għandha tagħmel dikjarazzjoni li tgħid dan.

2.

Skont il-punt (h) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim “organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li l-Istati membri tagħha ttrasferewlha l-kompetenza rigward il-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, inkluża l-awtorità li tagħmel deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati membri tagħha rigward dawk il-kwistjonijiet.

3.

L-Unjoni Ewropea hija kkunsidrata bħala organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika skont l-Artikoli ċċitati iktar ‘il fuq.

4.

Konsegwentement, l-Unjoni Ewropea hawnhekk qed tiddikjara li:

(i)

hija għandha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati mill-Ftehim;

(ii)

għal din ir-raġuni, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx isiru Stati Partijiet, ħlief fir-rigward tat-territorji tagħhom li għalihom hija ma għandha l-ebda responsabbiltà.

L-Istati Membri attwali tal-Unjoni Ewropea huma: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq;

(iii)

l-Unjoni Ewropea taċċetta d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati skont il-Ftehim.

5.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, fil-każ li jinqala’ kunflitt kif jingħad fl-Artikolu 28(2)(c) tal-Ftehim, hija se tapplika l-obbligi li jirriżultaw minn dik id- dispożizzjoni f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif ġie intepretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.



22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-FTEHIM,

FILWAQT LI HUMA FERM IMĦASSBA dwar il-kontinwazzjoni ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u dwar l-effett detrimentali tiegħu fuq l-istokkijiet tal-ħut, fuq l-ekosistemi tal-baħar u fuq l-għajxien tas-sajjieda leġittimi, u dwar il-ħtieġa dejjem ikbar għal sigurtà tal-ikel fuq bażi globali,

KONXJI mir-rwol tal-Istat tal-port fl-adozzjoni ta’ miżuri effettivi sabiex ikunu promossi l-użu sostenibbli u l-konservazzjoni fit-tul ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin,

JIRRIKONOXXU li l-miżuri sabiex ikun miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat għandhom ikunu msejsa fuq ir-responsabbiltà primarja tal-Istati tal-bandiera u għandhom jużaw il-ġuriżdizzjoni kollha disponibbli skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-miżuri tal-Istat tal-port, il-miżuri tal-Istat kostali, il-miżuri relatati mas-suq u l-miżuri sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini ma jappoġġjawx jew jinvolvu rwieħhom f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat,

JIRRIKONOXXU li l-miżuri tal-Istat tal-port jipprovdu mezz b'saħħtu u kosteffettiv sabiex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat,

KONXJI mill-ħtieġa għal iktar koordinazzjoni fuq il-livelli reġjonali u interreġjonali sabiex ikun miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat permezz ta’ miżuri tal-Istat tal-port,

JIRRIKONOXXU li t-teknoloġija, il-bażijiet tad-dejta, in-netwerks u r-reġistrazzjonijiet globali tal-komunikazzjonijiet li jappoġġjaw il-miżuri tal-Istat tal-port qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla,

JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri tal-Istat tal-port,

JIEĦDU NOTA tat-talbiet mill-komunità internazzjonali permezz tas-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kumitat tas-Sajd tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, minn hawn ’il quddiem “il-FAO”, għal strument internazzjonali li jorbot dwar standards minimi għal miżuri tal-Istat tal-port, ibbażat fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001 u l-Iskema Mudell ta’ Miżuri tal-Istat tal-Port għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-FAO tal-2005,

IŻOMMU QUDDIEM GĦAJNEJHOM li, fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom fuq il-portijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-Istati jistgħu jadottaw miżuri iktar stretti, f’konformità mal-liġi internazzjonali,

IFAKKRU d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”,

IFAKKRU l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna tal-4 ta’ Diċembru 1995, il-Ftehim li Jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa tal-24 ta’ Novembru 1993 u l-Kodiċi ta’ Mġiba dwar Sajd Responsabbli tal-FAO tal-1995,

JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jkun konkluż ftehim internazzjonali fil-qafas tal-FAO, skont l-Artikolu XIV tal-Kostituzzjoni tal-FAO,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

PARTI 1

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-użu tat-termini

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni” tfisser miżuri sabiex ikunu kkonservati u ġestiti r-riżorsi tal-baħar ħajjin li jiġu adottati u applikati b’mod konsistenti mar-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali inklużi dawk riflessi fil-Konvenzjoni;

(b)

“ħut” tfisser l-ispeċijiet kollha ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin, irrispettivament minn jekk ikunux ipproċessati jew le;

(c)

“sajd” tfisser it-tiftix għal, l-attrazzjoni, is-sejbien, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta’ ħut jew kwalunkwe attività li tista’ raġonevolment tkun mistennija li tirriżulta fl-attrazzjoni, fis-sejbien, fil-qbid, fit-teħid jew fil-ħsad tal-ħut;

(d)

“attivitajiet relatati mas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni b’appoġġ jew bi preparazzjoni għas-sajd, inkluż il-ħatt l-art, l-ippakkjar, l-ipproċessar, it-trażbord jew it-trasport tal-ħut li ma nħattx l-art preċedentement f’port, kif ukoll il-forniment ta’ persunal, karburant, irkaptu u provvisti oħrajn fuq il-baħar;

(e)

“sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat” tirreferi għall-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001, minn hawn ’il quddiem “is-sajd IUU”;

(f)

“Parti” tfisser Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li ta/tat il-kunsens tiegħu/tagħha biex ikun/tkun marbut(a) b’dan il-Ftehim u li għalih(a) dan il-Ftehim daħal fis-seħħ;

(g)

“port” tinkludi terminali lil hinn mix-xtut u stallazzjonijiet oħrajn għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar, ipproċessar, forniment mill-ġdid ta’ karburant jew ta’ provvisti;

(h)

“organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li l-Istati membri tagħha ttrasferewlha l-kompetenza rigward il-kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, inkluża l-awtorità li tagħmel deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati membri tagħha rigward dawk il-kwistjonijiet;

(i)

“organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd” tfisser organizzazzjoni jew arranġament intergovernattiv(a) tas-sajd, kif ikun xieraq, li jkollu/jkollha l-kompetenza biex jistabbilixxi/tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni; u

(j)

“bastiment” tfisser kwalunkwe bastiment, vapur ta’ tip ieħor jew dgħajsa li ntuża(t) għal, ġie(t) mgħammar/mgħammra biex jintuża/tintuża għal jew huwa/hija intiż(a) biex jintuża/tintuża għal sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd.

Artikolu 2

L-għan

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tal-Istat tal-port u b’hekk ikunu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar ħajjin u tal-ekosistemi tal-baħar.

Artikolu 3

L-applikazzjoni

1.   Kull Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-port, għandha tapplika dan il-Ftehim fir-rigward tal-bastimenti li ma għandhomx id-dritt itajru l-bandiera tagħha li qed ifittxu li jidħlu fil-portijiet tagħha jew li qegħdin f’wieħed mill-portijiet tagħha, ħlief għal:

(a)

bastimenti ta’ Stat ġar li huma involuti f’sajd artiġjanali għall-għajxien, sakemm l-Istat tal-port u l-Istat tal-bandiera jikkooperaw sabiex jiżguraw irwieħhom li bastimenti bħal dawn ma jkunux involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati ma’ sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan; u

(b)

bastimenti kontenituri li mhumiex qed iġorru ħut jew, jekk qed iġorru l-ħut, huwa biss ħut li nħatt l-art preċedentement, sakemm ma hemm l-ebda raġuni ċara biex ikun suspettat li bastimenti bħal dawn kienu involuti f’attivitajiet relatati ma’ sajd b’appoġġ għas-sajd IUU.

2.   Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-port, tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax dan il-Ftehim fir-rigward tal-bastimenti mikrija miċ-ċittadini tagħha esklużivament għal sajd f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħha u li joperaw taħt l-awtorità tagħha hemmhekk. Bastimenti bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għal miżuri mill-Parti li jkunu effettivi daqs il-miżuri applikati b’relazzjoni għall-bastimenti li għandhom id-dritt itarju l-bandiera tagħha.

3.   Dan il-Ftehim għandu japplika għal sajd li huwa illegali, mhux rappurtat jew mhux regolat imwettaq f’żoni tal-baħar, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 1(e) ta’ dan il-Ftehim, u għal attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.

4.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju, li huwa konsistenti mal-liġi internazzjonali.

5.   Peress li dan il-Ftehim għandu ambitu globali u japplika għall-portijiet kollha, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-entitajiet l-oħra kollha sabiex japplikaw miżuri li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawk li għal raġunijiet oħrajn ma jistgħux isiru Partijiet għal dan il-Ftehim jistgħu jesprimu l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu.

Artikolu 4

Ir-relazzjoni mal-liġi internazzjonali u ma’ strumenti internazzjonali oħrajn

1.   Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jippreġudika d-drittijiet, il-ġuriżdizzjoni u d-dmirijiet tal-Partijiet taħt il-liġi internazzjonali. B’mod partikolari, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jaffetwa:

(a)

is-sovranità tal-Partijiet fuq l-ilmijiet interni, arċipelaġiċi u territorjali tagħhom jew id-drittijiet sovrani tagħhom fuq il-blata kontinentali tagħhom u fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom;

(b)

l-eżerċizzju mill-Partijiet tas-sovranità tagħhom fuq il-portijiet fit-territorju tagħhom f’konformità mal-liġi internazzjonali, inkluż id-dritt tagħhom li jiċħdu d-dħul fihom kif ukoll li jadottaw miżuri tal-Istat tal-port iktar stretti minn dawk ipprovduti f’dan il-Ftehim, inklużi tali miżuri adottati skont deċiżjoni ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.

2.   L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim minn Parti ma jfissirx li hija tintrabat b’miżuri jew b’deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li hija ma tkunx membru tagħha jew li tirrikonixxiha.

3.   Fl-ebda każ Parti mhija obbligata, skont dan il-Ftehim, timplimenta miżuri jew deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd jekk dawk il-miżuri jew dawk id-deċiżjonijiet ma jkunux ġew adottati f’konformità mal-liġi internazzjonali.

4.   Dan il-Ftehim għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-liġi internazzjonali fejn jitqiesu r-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli, inklużi dawk stabbiliti permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif ukoll strumenti internazzjonali oħrajn.

5.   Il-Partijiet għandhom iwettqu in bona fide l-obbligi li jkunu daħlu għalihom skont dan il-Ftehim u għandhom jeżerċitaw id-drittijiet rikonoxxuti fih b’mod li ma għandux jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

Artikolu 5

L-integrazzjoni u l-koordinazzjoni fuq il-livell nazzjonali

Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha:

(a)

tintegra u tikkoordina l-miżuri tal-Istat tal-port relatati mas-sajd ma’ sistema iktar ġenerali ta’ kontrolli tal-Istat tal-port;

(b)

tintegra l-miżuri tal-Istat tal-port ma’ miżuri oħrajn sabiex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU u l-attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, fejn jitqies kif inhu xieraq, il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO għall-Prevenzjoni, iż-Żamma u l-Eliminazzjoni ta’ Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat tal-2001; u

(c)

tieħu miżuri sabiex tpartat informazzjoni mal-aġenziji nazzjonali rilevanti u tikkoordina l-attivitajiet ta’ aġenziji bħal dawn fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni

1.   Sabiex tkun promossal-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim u filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità xierqa, il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jpartu informazzjoni mal-Istati rilevanti, mal-FAO, ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, inkluż dwar il-miżuri adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd bħal dawn b’relazzjoni għall-għan ta’ dan il-Ftehim.

2.   Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha tieħu miżuri b’appoġġ għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minn Stati oħrajn u minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fuq il-livelli sottoreġjonali, reġjonali u globali, fl-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim inkluż, fejn ikun xieraq, permezz tal-FAO jew ta’ organizzazzjonijiet u arranġamenti reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd.

PARTI 2

ID-DĦUL FIL-PORT

Artikolu 7

L-għażla tal-portijiet

1.   Kull Parti għandha tagħżel u tippubbliċizza l-portijiet fejn il-bastimenti jistgħu jitolbu li jidħlu f’konformità ma’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tipprovdi lista tal-portijiet magħżula tagħha lill-FAO, li għandha tagħtiha l-pubbliċità xierqa.

2.   Kemm jista’ jkun possibbli, kull Parti għandha tiżgura ruħha li kull port magħżul u ppubbliċizzat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkollu biżżejjed kapaċità sabiex iwettaq spezzjonijiet skont dan il-Ftehim.

Artikolu 8

It-talba bil-quddiem għad-dħul f’port

1.   Kull Parti għandha teżiġi, bħala standard minimu, li tingħata l-informazzjoni mitluba fl-Anness A qabel ma tippermetti d-dħul ta’ bastiment fil-port tagħha.

2.   Kull Parti għandha teżiġi li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tingħata biżżejjed bil-quddiem sabiex ikun hemm ħin adegwat biex l-Istat tal-port jeżamina din l-informazzjoni.

Artikolu 9

Id-dħul fil-port, awtorizzazzjoni jew ċaħda

1.   Wara li tirċievi l-informazzjoni rilevanti mitluba skont l-Artikolu 8, kif ukoll informazzjoni oħra bħal din li tista’ teżiġi sabiex tiddetermina jekk il-bastiment li qed jitlob biex jidħol fil-port tagħha kienx involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, kull Parti għandha tiddeċiedi jekk tawtorizzax jew tiċħadx id-dħul tal-bastiment fil-port tagħha u għandha tikkomunika din id-deċiżjoni lill-bastiment jew lir-rappreżentant tiegħu.

2.   Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni għad-dħul, il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tal-bastiment għandu jintalab jippreżenta l-awtorizzazzjoni għad-dħul lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti mal-wasla tal-bastiment fil-port.

3.   Fil-każ ta’ ċaħda għad-dħul, kull Parti għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha li ttieħdet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u, kif ikun xieraq u sa fejn ikun possibbli, lill-Istati kostali rilevanti, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta Parti jkollha biżżejjed provi li bastiment li qed ifittex li jidħol fil-port tagħha kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ bastiment f’lista ta’ bastimenti li kienu involuti f’sajd bħal dan jew f’attivitajiet relatati mas-sajd bħal dawn adottata minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti skont ir-regoli u l-proċeduri ta’ organizzazzjoni bħal din u f’konformità mal-liġi internazzjonali, il-Parti għandha tiċħad id-dħul fil-portijiet tagħha lil dak il-bastiment, filwaqt li tqis b’mod xieraq il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4.

5.   Minkejja l-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, Parti tista’ tippermetti d-dħul fil-portijiet tagħha ta’ bastiment imsemmi f’dawk il-paragrafi esklużivament sabiex tispezzjonah u biex tieħu azzjonijiet xierqa oħrajn f’konformità mal-liġi internazzjonali li huma għall-inqas daqstant effettivi daqs iċ-ċaħda tad-dħul fil-port biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU u l-attivajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.

6.   Fejn bastiment imsemmi fil-paragrafu 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu qiegħed f’port għal kwalunkwe raġuni, Parti għandha tiċħad lil bastiment bħal dan l-użu tal-portijiet tagħha għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut u għal servizzi portwali oħrajn inklużi, fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid ta’ karburant u ta’ provvisti u l-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma (drydocking). F’każijiet bħal dawn, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Iċ-ċaħda ta’ użu tal-portijiet bħal dan għandha tkun konformi mal-liġi internazzjonali.

Artikolu 10

Force majeure jew diffikultà

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jaffetwa d-dħul ta’ bastimenti f’port, f’konformità mal-liġi internazzjonali, għal raġunijiet ta’ force majeure jew ta’ diffikultà, jew jimpedixxi lil Stat tal-port milli jippermetti d-dħul f’port lil bastiment esklużivament sabiex jagħti assistenza lil persuni, vapuri jew inġenji tal-ajru fil-periklu jew f’diffikultà.

PARTI 3

L-UŻU TAL-PORTIJIET

Artikolu 11

L-użu tal-portijiet

1.   Fejn bastiment daħal f’wieħed mill-portijiet tagħha, Parti għandha tiċħad, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, inkluż dan il-Ftehim, lil dak il-bastiment l-użu tal-port għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut li ma nħattx l-art preċedentement u għal servizzi portwali oħrajn, inklużi, fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid ta’ karburant u ta’ provvisti, il-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma, jekk:

(a)

il-Parti ssib li l-bastiment ma għandux awtorizzazzjoni valida u applikabbli sabiex ikun involut f’sajd jew f’attivitajiet relatati mas-sajd mitluba mill-Istat tal-bandiera tiegħu;

(b)

il-Parti ssib li l-bastiment ma għandux awtorizzazzjoni valida u applikabbli sabiex ikun involut f’sajd jew f’attivitajiet relatati mas-sajd mitluba minn Stat kostali rigward żoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat;

(c)

il-Parti tirċievi evidenza ċara li l-ħut abbord ittieħed bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli ta’ Stat kostali rigward żoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat;

(d)

l-Istat tal-bandiera ma jikkonfermax f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, fuq it-talba tal-Istat tal-port, li l-ħut abbord ittieħed skont ir-rekwiżiti applikabbli ta’ organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti fejn jitqiesu l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4; jew

(e)

il-Parti ikollha raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-bastiment kien b’mod ieħor involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, inkluż b’appoġġ għal bastiment imsemmi fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 9, sakemm il-bastiment ma jkunx jista’ jistabbilixxi:

(i)

li kien qed jaġixxi b’mod konsistenti mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti; jew

(ii)

fil-każ tal-forniment ta’ persunal, karburant, irkaptu u provvisti oħra fuq il-baħar, li l-bastiment li ngħata l-provvisti ma kienx, fil-ħin tal-forniment bil-provvisti, bastiment imsemmi fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 9.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Parti ma għandhiex tiċħad lil bastiment imsemmi f’dak il-paragrafu l-użu ta’ servizzi portwali:

(a)

essenzjali għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ekwipaġġ jew għas-sikurezza tal-bastiment, sakemm dawn il-ħtiġijiet jiġu ipprovati kif xieraq, jew

(b)

fejn ikun xieraq, għall-iskrappjar tal-bastiment.

3.   Fejn Parti tkun ċaħdet l-użu tal-port tagħha skont dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika fil-pront lill-Istat tal-bandiera u, kif ikun xieraq, lill-Istati kostali rilevanti, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn bid-deċiżjoni tagħha.

4.   Parti għandha tirtira ċ-ċaħda tagħha li jintuża l-port tagħha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ bastiment biss jekk ikun hemm biżżejjed provi li r-raġunijiet li għalihom kien miċħud l-użu ma kinux adegwati jew kienu żbaljati jew li raġunijiet bħal dawn ma għadhomx japplikaw iktar.

5.   Fejn Parti rtirat iċ-ċaħda tagħha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifika fil-pront lil dawk li nħarġitilhom notifika skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

PARTI 4

L-ISPEZZJONIJIET U L-AZZJONIJIET TA’ SEGWITU

Artikolu 12

Il-livelli u l-prijoritajiet għal spezzjoni

1.   Kull Parti għandha tispezzjona l-għadd ta’ bastimenti fil-portijiet tagħha mitlub sabiex tilħaq livell annwali ta’ spezzjonijiet suffiċjenti ħalli jintlaħaq l-għan ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom ifittxu li jaqblu dwar il-livelli minimi għall-ispezzjoni tal-bastimenti permezz, kif inhu xieraq, tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, il-FAO jew b’mod ieħor.

3.   Meta tiġi biex tiddetermina liema bastimenti għandhom jiġu spezzjonati, Parti għandha tagħti prijorità lil:

(a)

bastimenti li ma tħallewx jidħlu jew jużaw port skont dan il-Ftehim;

(b)

talbiet mingħand Partijiet, Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti oħrajn li l-bastimenti partikolari jiġu spezzjonati, b’mod partikolari meta talbiet bħal dawn ikunu sostnuti b’evidenza ta’ sajd IUU jew ta’ attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan mill-bastiment inkwistjoni; u

(c)

bastimenti oħrajn li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet ċari biex jiġi suspettat li kienu involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.

Artikolu 13

It-twettiq tal-ispezzjonijiet

1.   Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-ispetturi tagħha jwettqu l-funzjonijiet stabbiliti fl-Anness B bħala standard minimu.

2.   Meta twettaq spezzjonijiet fil-portijiet tagħha, kull Parti għandha:

(a)

tiżgura ruħha li l-ispezzjonijiet jitwettqu minn spetturi bi kwalifiki xierqa li ġew awtorizzati għal dak il-fini, fejn jitqies b’mod partikolari l-Artikolu 17;

(b)

tiżgura ruħha li, qabel spezzjoni, l-ispetturi jkunu obbligati jippreżentaw lill-kaptan tal-bastiment dokument xieraq li jidentifika lill-ispetturi bħala tali;

(c)

tiżgura ruħha li l-ispetturi jeżaminaw iż-żoni kollha rilevanti tal-bastiment, il-ħut abbord, ix-xbieki u kwalunkwe rkaptu u tagħmir ieħor, kif ukoll kwalunkwe dokument jew reġistru ta’ abbord li jkun rilevanti biex tiġi vverifikata l-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti;

(d)

teżiġi li l-kaptan tal-bastiment jagħti lill-ispetturi l-assistenza u l-informazzjoni kollha meħtieġa u li jippreżenta l-materjal u d-dokumenti rilevanti kif jista’ jkun mitlub jew kopji ċċertifikati tagħhom;

(e)

f’każ ta’ arranġamenti xierqa mal-Istat tal-bandiera tal-bastiment, tistieden lill-Istat tal-bandiera biex jipparteċipa fl-ispezzjoni;

(f)

tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex tevita li l-bastiment ikun suġġett għal dewmien żejjed ħalli jkunu minimizzati l-interferenza u l-inkonvenjenza, inkluża kwalunkwe preżenza mhux meħtieġa ta’ spetturi abbord, u sabiex tevita kwalunkwe azzjoni li taffetwa ħażin il-kwalità tal-ħut ta’ abbord;

(g)

tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-kaptan jew mal-membri anzjani tal-ekwipaġġ tal-bastiment, inkluż fejn ikun possibbli u fejn ikun meħtieġ, li l-ispettur ikun akkumpanjat minn interpretu;

(h)

tiżgura ruħha li l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju u ma jikkostitwu fastidju tal-ebda bastiment; u

(i)

ma tindaħalx fil-ħila tal-kaptan, f’konformità mal-liġi internazzjonali, li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera.

Artikolu 14

Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet

Bħala standard minimu, kull Parti għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness C fir-rapport bil-miktub tar-riżultati ta’ kull spezzjoni.

Artikolu 15

It-trażmissjoni tar-riżultati tal-ispezzjoni

Kull Parti għandha tittrażmetti r-riżultati ta’ kull spezzjoni lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u, kif ikun xieraq, lil:

(a)

Partijiet u Stati rilevanti, inklużi:

(i)

dawk l-Istati li fir-rigward tagħhom hemm evidenza, permezz tal-ispezzjoni, li l-bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom; u

(ii)

l-Istat li tiegħu huwa ċittadin il-kaptan tal-bastiment.

(b)

l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti; u

(c)

il-FAO u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn.

Artikolu 16

L-iskambju elettroniku tal-informazzjoni

1.   Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kull Parti għandha, fejn ikun possibbli, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni li jippermetti l-iskambju elettroniku dirett tal-informazzjoni, fejn jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità.

2.   Sa fejn ikun possibbli u filwaqt li jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità, il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kodiviżjoni tal-informazzjoni, preferibbilment ikkoordinat mill-FAO, flimkien ma’ inizjattivi multilaterali u intergovernattivi rilevanti oħrajn, u sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni ma’ bażijiet tad-dejta eżistenti rilevanti għal dan il-Ftehim.

3.   Kull Parti għandha taħtar awtorità li għandha taġixxi bħala punt ta’ kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni skont dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tinnotifika l-ħatra rilevanti lill-FAO.

4.   Kull Parti għandha tiġġestixxi l-informazzjoni li għandha tintbagħat permezz ta’ kwalunkwe mekkaniżmu stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mod konsistenti mal-Anness D.

5.   Il-FAO għandha titlob lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri jew id-deċiżjonijiet li adottaw u implimentaw li jkunu relatati ma’ dan il-Ftehim sabiex jiġu integrati, sa fejn ikun possibbli u billi jitqiesu kif suppost ir-rekwiżiti xierqa tal-kunfidenzjalità, fil-mekkaniżmu ta’ kodiviżjoni tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

It-taħriġ tal-ispetturi

Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-ispetturi tagħha jkunu ngħataw taħriġ xieraq billi jitqiesu l-linji gwida għat-taħriġ tal-ispetturi fl-Anness E. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jikkooperaw f’dan ir-rigward.

Artikolu 18

L-azzjonijiet tal-Istat tal-Port wara spezzjoni

1.   Fejn, wara spezzjoni, ikun hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, il-Parti li tagħmel l-ispezzjoni għandha:

(a)

tinnotifika fil-pront lill-Istat tal-bandiera u, kif ikun xieraq, lill-Istati rilevanti kostali, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, kif ukoll lill-Istat li l-kaptan tal-bastiment huwa ċittadin tiegħu bis-sejbiet tagħha; u

(b)

tiċħad lill-bastiment l-użu tal-port tagħha għal ħatt l-art, trażbord, ippakkjar u pproċessar ta’ ħut li ma nħattx l-art preċedentement u għal servizzi portwali oħrajn, inklużi fost l-oħrajn, il-forniment mill-ġdid tal-karburant u tal-provvisti, il-manutenzjoni u x-xogħol f’qiegħ il-bastiment f’baċiri mingħajr ilma, jekk dawn l-azzjonijiet ma jkunux diġà ttieħdu fir-rigward tal-bastiment, b’mod li jkun konsistenti ma’ dan il-Ftehim, inkluż l-Artikolu 4.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Parti ma għandhiex tiċħad lil bastiment imsemmi f’dak il-paragrafu l-użu ta’ servizzi portwali essenzjali għas-sikurezza jew għas-saħħa tal-ekwipaġġ jew għas-sikurezza tal-bastiment.

3.   Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jimpedixxi lil Parti milli tieħu miżuri li jkunu f’konformità mal-liġi internazzjonali, minbarra dawk speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inklużi tali miżuri li l-Istat tal-bandiera tal-bastiment jkun talab espressament jew li jkun ta l-kunsens tiegħu għalihom.

Artikolu 19

L-informazzjoni dwar rikors fl-Istat tal-port

1.   Parti għandha żżomm l-informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandha tipprovdi informazzjoni bħal din, fuq talba bil-miktub, lis-sid, lill-operatur, lill-kaptan jew lir-rappreżentant ta’ bastiment fir-rigward ta’ kwalunkwe rikors stabbilit skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħha dwar il-miżuri tal-Istat tal-port meħuda minn dik il-Parti skont l-Artikolu 9, 11, 13 jew 18, inkluża l-informazzjoni li għandha x’taqsam mas-servizzi pubbliċi jew mal-istituzzjonijiet ġudizzjarji disponibbli għal dan il-fini, kif ukoll l-informazzjoni dwar jekk hemmx xi dritt li jintalab kumpens skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħha fil-każ ta’ kwalunwke telf jew dannu subit bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe azzjoni allegatament illegali tal-Parti.

2.   Il-Parti għandha tinforma lill-Istat tal-bandiera, lis-sid, lill-operatur, lill-kaptan jew lir-rappreżentant, kif ikun xieraq, bl-eżitu ta’ kwalunkwe rikors bħal dan. Fejn Partijiet, Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn ikunu ġew informati bid-deċiżjoni preċedenti skont l-Artikolu 9, 11, 13 jew 18, il-Parti għandha tinformahom bi kwalunkwe bidla fid-deċiżjoni tagħha.

PARTI 5

IR-RWOL TAL-ISTATI TAL-BANDIERA

Artikolu 20

Ir-rwol tal-Istati tal-bandiera

1.   Kull Parti għandha teżiġi li l-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha jikkooperaw mal-Istat tal-port fl-ispezzjonijiet imwettqa skont dan il-Ftehim.

2.   Meta Parti jkollha raġunijiet ċari biex temmen li bastiment li għandu d-dritt itajjar il-bandiera tagħha jkun involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan u qed jipprova jidħol jew qiegħed fil-port ta’ Stat ieħor, hija għandha, kif ikun xieraq, titlob lil dak l-Istat sabiex jispezzjona l-bastiment jew jieħu miżuri oħrajn li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim.

3.   Kull Parti għandha tinkoraġġixxi lill-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha sabiex iħottu l-art, jittrażbordaw, jippakkjaw u jipproċessaw il-ħut u jużaw servizzi portwali oħrajn, f’portijiet ta’ Stati li qed jaġixxu skont, jew b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Il-Partijiet huma inkoraġġiti jiżviluppaw, inkluż permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u l-FAO, proċeduri ġusti, trasparenti u nondiskriminatorji sabiex jidentifikaw kwalunkwe Stat li jista’ ma jkunx qed jaġixxi skont, jew b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim.

4.   Fejn, wara spezzjoni tal-Istat tal-port, Stat Parti tal-bandiera jirċievi rapport dwar spezzjoni li jindika li hemm raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment li għandu d-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan, huwa għandu immedjatament u b’mod sħiħ jinvestiga l-kwistjoni u, malli jkollu biżżejjed evidenza, għandu jieħu azzjoni ta’ infurzar mingħajr dewmien skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

5.   Kull Parti, fil-kapaċità tagħha ta’ Stat tal-bandiera, għandha tirrapporta lil Partijiet oħrajn, lill-Istati tal-portijiet rilevanti u, kif ikun xieraq, lil Stati rilevanti oħrajn, lil organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u lill-FAO dwar azzjonijiet li tkun ħadet fir-rigward ta’ bastimenti li jkollhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha, bħala riżultat tal-miżuri tal-Istat tal-port li ttieħdu skont dan il-Ftehim, li ġie ddeterminat li kienu involuti f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan.

6.   Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-miżuri applikati fir-rigward tal-bastimenti li għandhom id-dritt itajru l-bandiera tagħha jkunu mill-inqas daqstant effettivi biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU u l-attivitajiet tas-sajd relatati b’appoġġ għal sajd bħal dan daqs il-miżuri applikati fir-rigward tal-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3.

PARTI 6

IR-REKWIŻITI TAL-PAJJIŻI LI QED JIŻVILUPPAW

Artikolu 21

Ir-rekwiżiti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

1.   Il-Partijiet għandhom jagħtu rikonoxximent sħiħ lir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw b’relazzjoni għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istat tal-port li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom, jew direttament jew permezz tal-FAO, ta’ aġenziji speċjalizzati oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti jew ta’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali xierqa oħrajn, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, jipprovdu assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw sabiex, fost l-oħrajn:

(a)

itejbu l-ħila tagħhom, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex jiżviluppaw bażi u kapaċità legali għall-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tal-Istat tal-port;

(b)

jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettivi tal-miżuri tal-Istat tal-port; u

(c)

jiffaċilitaw l-assistenza teknika sabiex jissaħħu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Istat tal-port minnhom, f’koordinazzjoni mal-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti.

2.   Il-Partijiet għandhom iqisu b’mod xieraq ir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet tal-Port li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex ikun żgurat li piż sproporzjonat li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma jiġix trasferit direttament jew indirettament lilhom. F’każijiet fejn intwera li kien hemm trasferiment ta’ piż sproporzjonat, il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni mill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw rilevanti ta’ obbligi speċifiċi skont dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet għandhom, jew direttament jew permezz tal-FAO, jivvalutaw ir-rekwiżiti speċjali tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ finanzjament sabiex jassistu lill-Istati li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-mekkaniżmi għandhom, fost l-oħrajn, ikunu mmirati b’mod speċifiku lejn:

(a)

l-iżvilupp ta’ miżuri nazzjonali u internazzjonali tal-Istat tal-port;

(b)

l-iżvilupp u t-titjib tal-kapaċità, inkluż għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza kif ukoll għat-taħriġ fuq il-livell nazzjonali u dak reġjonali tal-maniġers, tal-ispetturi u tal-persunal tal-infurzar u legali tal-portijiet;

(c)

l-attivitajiet ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ sorveljanza u ta’ konformità rilevanti għall-miżuri tal-Istat tal-port, inkluż l-aċċess għat-teknoloġija u għat-tagħmir; u

(d)

l-elenkar tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw bl-ispejjeż involuti fi kwalunkwe proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jirriżultaw minn azzjonijiet li jkunu ħadu skont dan il-Ftehim.

5.   Il-kooperazzjoni ma’ u fost l-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw għall-finijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jistgħu jinkludu l-għoti ta’ assistenza teknika u finanzjarja permezz ta’ mezzi bilaterali, multilaterali u reġjonali, inkluża l-kooperazzjoni tan-Nofsinhar man-Nofsinhar.

6.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu grupp ta’ ħidma ad hoc sabiex jirrapporta u jagħmel rakkomandazzjonijiet perjodikament lill-Partijiet dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament inklużi skema għall-kontribuzzjonijiet, l-identifikazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-fondi, l-iżvilupp ta’ kriterji u ta’ proċeduri sabiex tkun gwidata l-implimentazzjoni, u l-progress fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament. Barra mill-kunsiderazzjonijiet ipprovduti f’dan l-Artikolu, il-grupp ta’ ħidma ad hoc għandu jqis, fost l-oħrajn:

(a)

il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari l-inqas żviluppati fosthom u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw;

(b)

id-disponibbiltà u l-pagament f’waqtu tal-fondi;

(c)

it-trasparenza tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ ġestjoni dwar il-ġbir tal-fondi u l-allokazzjonijiet; u

(d)

ir-responsabbiltà fl-użu miftiehem tal-fondi tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw li qed jirċievu l-fondi.

Il-Partijiet għandhom iqisu r-rapporti u kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ ħidma ad hoc u jieħdu azzjoni xierqa.

PARTI 7

IS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

Artikolu 22

Is-soluzzjoni bonarja tat-tilwim

1.   Kwalunkwe Parti tista’ tfittex konsultazzjonijiet ma’ kwalukwe Parti oħra jew ma’ Partijiet oħrajn dwar kwalukwe tilwima rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim sabiex tintlaħaq soluzzjoni li tkun sodisfaċenti għal kulħadd mill-iktar fis possibbli.

2.   Fil-każ li t-tilwima ma tiġix riżolta permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, il-Partijiet inkwistjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin mill-iktar fis possibbli sabiex ikollhom it-tilwima tagħhom riżolta b’negozjati, inkjesta, medjazzjoni, konċiljazzjoni, arbitraġġ, riżoluzzjoni ġudizzjarja jew kwalunkwe mezz bonarju ieħor li jagħżlu.

3.   Kwalunkwe tilwima ta’ din in-natura li ma tiġix riżolta b’dan il-mod għandha, bil-kunsens tal-Partijiet kollha għat-tilwima, tiġi riferita għal riżoluzzjoni quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, quddiem it-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar jew għall-arbitraġġ. Fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim meta t-tilwima tiġi riferita quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, quddiem it-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar jew għall-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet u bil-kooperazzjoni sabiex isibu soluzzjoni għat-tilwima skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali relatati mal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar ħajjin.

PARTI 8

DAWK LI MHUMIEX PARTIJIET

Artikolu 23

Dawk li mhumiex Partijiet għall-Ftehim

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lil dawk li mhumiex Partijiet għall-Ftehim sabiex isiru Partijiet tiegħu u/jew jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti u jimplimentaw miżuri konsistenti mad-dispożizzjonijiet tiegħu.

2.   Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri ġusti, nondiskriminatorji u trasparenti li jkunu konsistenti ma’ dan il-Ftehim u ma’ liġi internazzjonali applikabbli oħra sabiex jiskoraġġixxu l-attivitajiet ta’ dawk li mhumiex Partijiet li jdgħajfu l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.

PARTI 9

IL-MONITORAĠĠ, IR-REVIŻJONI U L-VALUTAZZJONI

Artikolu 24

Il-monitoraġġ, ir-reviżjoni u l-valutazzjoni

1.   Fil-qafas tal-FAO u tal-korpi rilevanti tagħha, il-Partijiet għandhom jiżguraw irwieħhom mill-monitoraġġ u mir-reviżjoni regolari u sistematiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif ukoll mill-valutazzjoni tal-progress li sar sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu.

2.   Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-FAO għandha torganizza laqgħa tal-Partijiet ħalli tkun riveduta u vvalutata l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim biex jintlaħaq l-għan tiegħu. Il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar iktar laqgħat bħal dawn kif ikun meħtieġ.

PARTI 10

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

L-iffirmar

Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-iffirmar fil-FAO mit-Tnejn u għoxrin jum ta’ Novembru 2009 sal-Wieħed u għoxrin jum ta’ Novembru 2010, mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika kollha.

Artikolu 26

Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-firmatarji.

2.   L-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depożitarju.

Artikolu 27

L-adeżjoni

1.   Wara l-perjodu li matulu dan il-Ftehim ikun miftuħ għall-iffirmar, huwa għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni minn kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.

2.   L-istrumenti ta’ adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju.

Artikolu 28

Il-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika

1.   F’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li tkun organizzazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Anness IX għall-Konvenzjoni ma jkollhiex kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika bħal din f’dan il-Ftehim għandu japplika mutatis mutandis l-Anness IX għall-Konvenzjoni, ħlief li d-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dak l-Anness ma għandhomx japplikaw:

(a)

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2; u

(b)

il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3.

2.   F’każijiet fejn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li hija organizzazzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Anness IX għall-Konvenzjoni jkollha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin għall-parteċipazzjoni mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika f’dan il-Ftehim:

(a)

fi żmien l-iffirmar jew l-adeżjoni, organizzazzjoni bħal din għandha tagħmel dikjarazzjoni fejn tgħid li:

(i)

hija għandha kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim;

(ii)

għal din ir-raġuni, l-Istati membri tagħha ma għandhomx isiru Stati Partijiet, ħlief fir-rigward tat-territorji tagħhom li għalihom l-organizzazzjoni ma għandha l-ebda responsabbiltà; u

(iii)

hija taċċetta d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati skont dan il-Ftehim;

(b)

il-parteċipzzjoni ta’ organizzazzjoni bħal din fl-ebda każ ma tikkonferixxi xi dritt skont dan il-Ftehim lill-Istati membri tal-organizzazzjoni;

(c)

fil-każ ta’ kunflitt bejn l-obbligi ta’ organizzazzjoni bħal din skont dan il-Ftehim u l-obbligi tagħha skont il-Ftehim li jistabbilixxu l-organizzazzjoni jew kwalunkwe att relatat magħha, l-obbligi skont dan il-Ftehim għandhom jipprevalu.

Artikolu 29

Id-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu mad-Depożitarju tal-ħamsa u għoxrin strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni skont l-Artikolu 26 jew 27.

2.   Għal kull firmatarju li jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tiegħu.

3.   Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jaderixxi/taderixxi ma’ dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni tiegħu.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri tagħha.

Artikolu 30

Ir-riservi u l-eċċezzjonijiet

Ma tista’ ssir l-ebda riserva jew eċċezzjoni għal dan il-Ftehim.

Artikolu 31

Id-dikjarazzjonijiet u l-istqarrijiet

L-Artikolu 30 ma jipprekludix lil Stat jew lil organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, meta jiffirma/tiffirma, jirratifika/tirratifika, jaċċetta/taċċetta, japprova/tapprova jew jaderixxi/taderixxi ma’ dan il-Ftehim, milli jagħmel/tagħmel dikjarazzjoni jew stqarrija, irrispettivament minn kif tkun ifformulata jew imsemmija, bil-għan, fost l-oħrajn, li jarmonizza/tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu/tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sakemm dikjarazzjoni jew stqarrija bħal din ma jkollhiex l-intenzjoni li teskludi jew timmodifika l-effett legali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fl-applikazzjoni tagħhom għal dak l-Istat jew għal dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.

Artikolu 32

L-applikazzjoni provviżorja

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu billi jinnotifikaw dan bil-miktub lid-Depożitarju. Applikazzjoni provviżorja bħal din għandha ssir effettiva mid-data meta tasal in-notifika.

2.   L-applikazzjoni provviżorja minn Stat jew minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għal dak l-Istat jew għal dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jew man-notifika bil-miktub minn dak l-Istat jew minn dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika lid-Depożitarju tal-intenzjoni tiegħu li jtemm l-applikazzjoni provviżorja.

Artikolu 33

L-emendi

1.   Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Ftehim wara li jiskadi perjodu ta’ sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

2.   Kwalunkwe emenda proposta għal dan il-Ftehim għandha tintbagħat b’komunikazzjoni bil-miktub lid-Depożitarju flimkien ma’ talba sabiex tiġi organizzata laqgħa tal-Partijiet ħalli l-emenda tkun ikkunsidrata. Id-Depożitarju għandu jiċċirkola lill-Partijiet kollha komunikazzjoni bħal din kif ukoll ir-risposti kollha għat-talba li rċieva mingħand il-Partijiet. Sakemm fi żmien sitt xhur mid-data taċ-ċirkolazzjoni tal-komunikazzjoni nofs il-Partijiet ma joġġezzjonawx għat-talba, id-Depożitarju għandu jorganizza laqgħa tal-Partijiet sabiex l-emenda proposta tiġi kkunsidrata.

3.   Soġġett għall-Artikolu 34, kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha tiġi adottata biss bil-kunsens tal-Partijiet preżenti waqt il-laqgħa fejn issir proposta biex tiġi adottata.

4.   Soġġett għall-Artikolu 34, kwalunkwe emenda adottata mil-laqgħa tal-Partijiet għandha tidħol fis-seħħ fost il-Partijiet li jkunu rratifikawha, aċċettawha jew approvawha fid-disgħin jum wara d-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni minn żewġ terzi tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fuq il-bażi tan-numru ta’ Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Sussegwentement, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra fid-disgħin jum wara li dik il-Parti tiddepożita l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-emenda tagħha.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri tagħha.

Artikolu 34

L-Annessi

1.   L-Annessi jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim u referenza għal dan il-Ftehim għandha tiġi interpretata bħala referenza għall-Annessi.

2.   Emenda għal Anness għal dan il-Ftehim tista’ tiġi adottata minn żewġ terzi tal-Partijiet għal dan il-Ftehim preżenti waqt laqgħa fejn qed tiġi kkunsidrata l-emenda proposta għall-Anness. Madankollu għandu jsir kull sforz sabiex il-qbil dwar kwalunkwe emenda għal Anness jintlaħaq permezz ta’ kunsens. Emenda għal Anness għandha tiġi inkorporata f’dan il-Ftehim u tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet li esprimew l-aċċettazzjoni tagħhom mid-data meta d-Depożitarju jirċievi notifika tal-aċċettazzjoni minn terz tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fuq il-bażi tan-numru ta’ Partijiet fid-data tal-adozzjoni tal-emenda. Sussegwentement, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti li tibqa’ malli d-Depożitarju jirċievi l-aċċettazzjoni tagħha.

Artikolu 35

L-irtirar

Kwalunkwe Parti tista’ tirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara l-iskadenza ta’ sena mid-data meta l-Ftehim daħal fis-seħħ fir-rigward ta’ dak il-Parti, billi tagħti avviż bil-miktub ta’ rtirar bħal dan lid-Depożitarju. L-irtirar għandu jsir effettiv sena wara li d-Depożitarju jkun irċieva l-avviż tal-irtirar.

Artikolu 36

Id-Depożitarju

Id-Direttur Ġenerali tal-FAO għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim. Id-Depożitarju għandu:

(a)

jibgħat kopji ċertifikati ta’ dan il-Ftehim lil kull firmatarju u lil kull Parti;

(b)

jirreġistra dan il-Ftehim, malli jidħol fis-seħħ, mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

(c)

jinforma fil-pront lil kull firmatarju u lil kull Parti għal dan il-Ftehim bi:

(i)

il-firem u l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni u ta’ adeżjoni kollha ddepożitati skont l-Artikoli 25, 26 u 27;

(ii)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 29;

(iii)

il-proposti kollha għal emenda għal dan il-Ftehim u l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom kollha skont l-Artikolu 33;

(iv)

il-proposti kollha għal emenda għall-Annessi u l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom kollha skont l-Artikolu 34; u

(v)

l-irtirar kollu minn dan il-Ftehim skont l-Artikolu 35.

Artikolu 37

It-testi awtentiċi

It-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol ta’ dan il-Ftehim huma lkoll ugwalment awtentiċi.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti, awtorizzati kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’Ruma, f’dan it-tnejn u għoxrin jum ta’ Novembru, elfejn u disgħa.


ANNESS A

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta bil-quddiem mill-bastimenti li qed jitolbu li jidħlu fil-port

Image


ANNESS B

Il-Proċeduri ta’ Spezzjoni tal-Istat tal-Port

L-ispetturi għandhom:

(a)

jivverifikaw, sa fejn ikun possibbli, li d-dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-bastiment ta’ abbord u l-informazzjoni relatata ma’ sid il-bastiment ikunu veri, kompluti u korretti, inkluż permezz ta’ kuntatti xierqa mal-Istat tal-bandiera jew permezz tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali tal-bastimenti jekk dan ikun meħtieġ;

(b)

jivverifikaw li l-bandiera u l-marki tal-bastiment (eż. l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni estern, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), il-kodiċi internazzjonali tar-radju u marki oħrajn, id-dimensjonijiet prinċipali) jkunu konsistenti mal-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni;

(c)

jivverifikaw, sa fejn ikun possibbli, li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u għal attivitajiet relatati mas-sajd ikunu veri, kompluti, korretti u konsistenti mal-informazzjoni pprovduta skont l-Anness A;

(d)

jirrevedu d-dokumentazzjoni u r-reġistri rilevanti l-oħra kollha miżmuma abbord, inkluż, sa fejn ikun possibbli, dawk f’format elettroniku u d-dejta tas-sistema ta’monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) mill-Istat tal-bandiera jew mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti (RFMOs). Id-dokumentazzjoni rilevanti tista’ tinkludi l-ġurnali ta’ abbord, id-dokumenti tal-qabdiet, tat-trażbord u tal-kummerċ, il-listi tal-ekwipaġġ, il-pjanijiet u d-disinji għall-istivar, deskrizzjoni tal-istivi tal-ħut u dokumenti mitluba skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu;

(e)

jeżaminaw, sa fejn ikun possibbli, l-irkaptu tas-sajd rilevanti kollu li jkun abbord, inkluż kwalunkwe rkaptu stivat li ma jidhirx kif ukoll apparat relatat, u sa fejn ikun possibbli, jivverifikaw li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet. L-irkaptu tas-sajd għandu, sa fejn ikun possibbli, jiġi kkontrollat ukoll sabiex ikun żgurat li karatteristiċi bħad-daqs tal-malja u tal-ispag, l-apparat u l-aċċessorji, id-dimensjonijiet u l-konfigurazzjoni tax-xbieki, in-nases, il-gangmi, id-daqsijiet u l-għadd ta’ snanar jkunu konformi mar-regolamenti applikabbli u li l-marki jikkorrispondu għal dawk awtorizzati għall-bastiment;

(f)

jiddeterminaw, sa fejn ikun possibbli, jekk il-ħut abbord inħasadx skont l-awtorizzazzjonijiet applikabbli;

(g)

jeżaminaw il-ħut, inkluż bit-teħid ta’ kampjuni, sabiex jiddeterminaw il-kwantità u l-kompożizzjoni tiegħu. Biex jagħmlu dan, l-ispetturi jistgħu jiftħu kontenituri fejn il-ħut ġie ppakkjat minn qabel u jċaqilqu l-qabda jew il-kontenituri sabiex jaċċertaw irwieħhom mill-integrità tal-istivi tal-ħut. Eżami bħal dan jista’ jinkludi spezzjonijiet tat-tip tal-prodott u d-determinazzjoni tal-piż nominali;

(h)

jevalwaw jekk ikunx hemm evidenza ċara sabiex wieħed jemmen li bastiment kien involut f’sajd IUU jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għal sajd bħal dan;

(i)

jipprovdu lill-kaptan tal-bastiment bir-rapport li fih ir-riżultat tal-ispezzjoni, inklużi l-miżuri possibbli li jistgħu jittieħdu, sabiex ikun iffirmat mill-ispettur u mill-kaptan. Il-firma tal-kaptan fuq ir-rapport għandha sservi biss bħala riknoxximent li ġiet riċevuta kopja tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata l-opportunità li jżid kwalunkwe kumment jew oġġezzjoni mar-rapport u, kif ikun xieraq, li jikkuntattja lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat tal-bandiera b’mod partikolari fejn il-kaptan ikollu diffikultajiet serji biex jifhem il-kontenut tar-rapport. Il-kaptan għandu jingħata kopja tar-rapport; u

(j)

jagħmlu arranġamenti, fejn ikun meħtieġ u possibbli, għal traduzzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti.


ANNESS C

Ir-rapport tar-riżultati tal-ispezzjoni

Image

Image


ANNESS D

IS-SISTEMI TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-MIŻURI TAL-ISTAT TAL-PORT

Meta timplimenta dan il-Ftehim, kull Parti għandha:

(a)

tfittex li tistabbilixxi komunikazzjoni kompjuterizzata skont l-Artikolu 16;

(b)

tistabbilixxi, sa fejn ikun possibbli, websajts sabiex tippubbliċizza l-lista tal-portijiet magħżula skont l-Artikolu 7 u l-azzjonijiet meħuda skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim;

(c)

tidentifika, kemm jista’ jkun possibbli, kull rapport ta’ spezzjoni permezz ta’ numru ta’ referenza uniku li jibda b’kodiċi 3-alfa tal-Istat tal-port u l-identifikazzjoni tal-aġenzija tal-ħruġ;

(d)

tuża, sa fejn ikun possibbli, is-sistema ta’ kodifikazzjoni internazzjonali ta’ iktar ‘l isfel fl-Annessi A u C u tittraduċi kwalunkwe sistema ta’ kodifikazzjoni oħra fis-sistema internazzjonali.

pajjiżi/territorju

:

Kodiċi tal-Pajjiż ISO-3166 3-alfa

speċijiet

:

Kodiċi tal-ASFIS 3-alfa (magħruf bħala l-Kodiċi 3-alfa tal-FAO)

tipi ta’ bastimenti

:

Kodiċi tal-ISSCFV (magħruf bħala l-Kodiċi alfa tal-FAO)

tipi ta’ rkapti

:

Kodiċi tal-ISSCFG (magħruf bħala l-Kodiċi alfa tal-FAO)


ANNESS E

Linji gwida għat-taħriġ tal-ispetturi

L-elementi ta’ programm ta’ taħriġ għall-ispetturi tal-Istat tal-port għandhom jinkludu mill-inqas l-oqsma li ġejjin:

1.

L-etika;

2.

Kwistjonijiet ta’ saħħa, sikurezza u sigurtà;

3.

Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli, l-oqsma ta’ kompetenza u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-RFMO rilevanti, flimkien mal-liġi internazzjonali applikabbli;

4.

Il-ġbir, l-evalwazzjoni u l-preservazzjoni tal-evidenza;

5.

Il-proċeduri ġenerali ta’ spezzjoni bħal tekniki għall-kitba tar-rapporti u għall-intervisti;

6.

L-analiżi tal-informazzjoni, bħall-ġurnali ta’ abbord, id-dokumentazzjoni elettronika u l-istorja tal-bastiment (isem, sjieda u Stat tal-bandiera), mitluba għall-validazzjoni tal-informazzjoni mogħtija mill-kaptan tal-bastiment;

7.

It-tlugħ abbord u l-ispezzjoni tal-bastiment, inklużi l-ispezzjonijiet tal-istivi u l-kalkolu tal-volumi tal-istivi tal-bastiment;

8.

Il-verifika u l-validazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-ħatt l-art, mat-trażbordi, mal-ipproċessar u mal-ħut li jibqa’ abbord, inkluż l-użu ta’ fatturi ta’ konverżjoni għad-diversi speċijiet u prodotti;

9.

L-identifikazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut u l-kejl tat-tul u ta’ parametri bijoloġiċi oħrajn;

10.

L-identifikazzjoni tal-bastimenti u tal-irkaptu, u t-tekniki għall-ispezzjoni u għall-kejl tal-irkaptu;

11.

It-tagħmir u t-tħaddim tal-VMS u ta’ sistemi elettroniċi oħrajn ta’ traċċar; u

12.

L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu wara spezzjoni.