19.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 188/34 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/427/PESK
tat-18 ta’ Lulju 2011
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/168/PESK (1) li taħtar lis-Sur Vygaudas UŠACKAS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-RSUE”) fl-Afganistan. |
(2) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2012. |
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Vygaudas UŠACKAS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-RSUE”) fl-Afganistan huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2012. Il-mandat tar-RSUE jista’ jintemm qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għolti għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-RGħ”).
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
Ir-RSUE għandu jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea u jippromovi l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fl-Afganistan, b’koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan. B’mod aktar speċifiku, ir-RSUE għandu:
(a) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u jmexxi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Afganistan u l-Pakistan, fejn dan ikun jikkonċerna lill-Afganistan, b’hekk jaħdem mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan; |
(b) |
jappoġġa d-djalogu politiku Unjoni-Afganistan; |
(c) |
jappoġġa r-rwol ċentrali li għandhom in-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) fl-Afganistan b’enfasi partikolari fuq il-kontribut għal assistenza internazzjonali kkoordinata aħjar, b’hekk jippromovi l-implimentazzjoni tal-London and Kabul Conference Communiqués, kif ukoll Riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jitwettaq il-mandat, ir-RSUE għandu, b’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan:
(a) |
jippromovi l-fehmiet tal-Unjoni dwar il-proċess politiku u l-iżviluppi fl-Afganistan; |
(b) |
iżomm kuntatt mill-qrib, u jappoġġa l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet Afgani rilevanti, b’mod partikolari l-gvern u l-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet lokali. Għandu wkoll jinżamm kuntatt ma’ gruppi politiċi Afgani oħra u atturi rilevanti oħra fl-Afganistan; |
(c) |
iżomm kuntatt mill-qrib ma’ partijiet interessati internazzjonali u reġjonali rilevanti fl-Afganistan, b’mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU u r-Rappreżentant Ċivili Superjuri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u ma’ msieħba u organizzazzjonijiet ewlenin oħrajn; |
(d) |
jagħti parir dwar il-progress miksub biex jintlaħqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan, tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Afganistan u l-Pakistan, sa fejn dan jikkonċerna l-Afganistan, u tal-Konferenzi ta’ Londra, Kabul u Bonn li ġejjin, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
|
(e) |
jipparteċipa b’mod attiv f’fora ta’ koordinazzjoni lokali bħall-Bord Konġunt ta’ Koordinazzjoni u Monitoraġġ, waqt li jżomm lill-Istati Membri mhux parteċipanti infurmati bis-sħiħ dwar id-deċiżjonijiet meħudin f’dawn il-livelli; |
(f) |
jagħti parir dwar il-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet tal-Unjoni fil-konferenzi internazzjonali fir-rigward tal-Afganistan u jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; |
(g) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal f’żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi jiġu monitorjati u indirizzati l-iżviluppi f’dan ir-rigward. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (“il-KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”).
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 3 560 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.
Artikolu 6
Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront u regolarment dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal ikuntrattat internazzjonalment għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti jew partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, il-ġestjoni tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni; |
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk tar-RSUE għall-Asja Ċentrali u mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Pakistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b’aġġornamenti regolari.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri fir-reġjun. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress fl-aħħar ta’ Jannar 2012 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 75, 23.3.2010, p. 22.
(2) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.