19.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/423/PESK

tat-18 ta’ Lulju 2011

dwar miżuri restrittivi kontra s-Sudan u s-Sudan t'Isfel u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Mejju 2005, il-Kunsill adotta Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra s-Sudan. Il-Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK integrat il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/31/PESK (2) u l-miżuri li għandhom jiġu imposti skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1591 (2005) (“UNSCR 1591 (2005)”) fi strument legali uniku.

(2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK għandhom jiġu adattati, u l-Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK għandha tiġi sostitwita.

(3)

Il-proċedura sabiex l-Anness għal din id-Deċiżjoni jiġi emendat għandha tinkludi rekwiżit biex jiġu kkomunikati lill-persuni u l-entitiajiet nominati r-raġunijiet għaliex ġew elenkati, kif previst mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata skont il-każ.

(4)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u notevolment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata f'konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(5)

Din id-Deċiżjoni wkoll tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Il-miżuri implimentattivi tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 131/2004 tas-26 ta’ Jannar 2004 dwar ċerti miżuri restrittivi dwar is-Sudan (3) u r-Regolament (KE) Nru 1184/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni li jxekklu l-proċess ta’ paċi u li jiksru l-liġi internazzjonali fil-konflitt tar-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Konformement mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1591 (2005), għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra dawk l-individwi li jfixklu l-proċess ta’ paċi, jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà f'Darfur u r-reġjun, iwettqu ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali jew tal-liġi internazzjoniali tad-drittijiet umani jew atroċitajiet oħra, jiksru l-embargo fuq l-armamenti u/jew huma responsabbli għal titjiriet militari offensivi fi u fuq ir-reġjun ta’ Darfur, kif nominati mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 3 tal-UNSCR 1591 (2005) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

Il-persuni rilevanti huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina li l-ivvjaġġar huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuż, jew fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi l-għanijiet tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħolqien ta’ paċi u stabbiltà fis-Sudan u r-reġjun.

4.   F'każijiet fejn taħt il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorju tiegħu, ta’ persuni nominati mill-Kumitat, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

Artikolu 3

1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni msemmija fl-Artikolu 1 jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn tali persuni jew minn kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi m'għandhom ikunu disponibbli direttament jew indirettament lil, jew għall-benefiċċju ta’ tali persuni jew entitajiet.

3.   Jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums ta’ assigurazzjoni, u tariffi għal-servizzi ta’ ta’ utilità pubblika;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż magħmula li jkunu assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizzi, skont il-liġijiet nazzjonali, għal servizzi normali ta’ żamma jew depożitu ta’ fondi ffriżati, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra,

wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-intenzjoni li jawtorizza, fejn xieraq, l-aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien jumejn ta’ xogħol minn tali notifika;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-approvazzjoni minn dan tal-aħħar;

(e)

l-oġġett ta’ garanzija jew deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, u f'tali każ il-fondi, jistgħu jintużaw assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra biex jissodisfaw dik il-garanzija jew deċiżjoni sakemm il-garanzija jew deċiżjoni kienet imdaħħla qabel id-data tal-UNSCR 1591(2005) u ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmija f'dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.

4.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew seħħew qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi,

sakemm kwalunkwe tali imgħax, dħul u ħlasijiet oħra jkomplu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armamenti u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta’ rikambju għal dawk imsemmija qabel lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri, jew l-użu ta’ bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom, huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Huwa wkoll ipprojbit:

(a)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel, jew għall-użu f'dawn tal-aħħar;

(b)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ finanzi jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-għoti ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel, jew għall-użu f'dawn tal-aħħar;

(c)

il-parteċipazzjoni, xjentement u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-oġġett jew l-effett tagħhom ikunu l-evażjoni mill-projbizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) jew (b).

Artikolu 5

1.   L-Artikolu 4 m'għandux japplika għal:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju, ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem jew għal użu protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet imwettqa min-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea, jew ta’ materjal maħsub għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana għall-immaniġġar ta’ kriżijiet;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ vetturi mhux tal-kumbattiment li ġew immanifatturati jew mgħammra b'materjali li jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsuba unikament għal użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fis-Sudan jew fis-Sudan t'Isfel;

(c)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati ma’ tali tagħmir jew ma’ programmi u operazzjonijiet bħal dawn;

(d)

l-għoti ta’ finanzi u għajnuna finanzjarja relatati ma’ tali tagħmir jew ma’ programmi u operazzjonijiet bħal dawn;

(e)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal użat f'operazzonijiet tat-tneħħija tal-mini;

(f)

l-għajnuna u l-fornimenti mogħtija għas-sostenn tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi Komprensiv;

(g)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għall-appoġġ tal-proċess ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fis-Sudan t'Isfel kif ukoll l-għoti ta’ finanzi, għajnuna finanzjarja jew għajnuna teknika relatati ma’ dan it-tagħmir;

bil-kondizzjoni li tali kunsinni jkunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru in kwistjoni.

2.   L-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-ilbies protettiv, inklużi ġkieket għall-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-persunal tal-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u ħaddiema mpjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kunsinni taħt dan l-Artikolu fuq bażi ta’ każ b'każ, b'kont sħiħ meħud tal-kriterji stabbiliti fil-kodiċi ta’ kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-esportazzjoni tal-armamenti adottat fit-8 ta’ Ġunju 1998 (5). L-Istati Membri għandhom jeħtieġu salvagwardji xierqa kontra l-użu ħażin tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu u, fejn xieraq, jagħmlu dispożizzjonijiet għal ripatrijazzjoni tat-tagħmir.

Artikolu 6

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li tinsab fl-Anness u jimplimenta kwalunkwe modifika tagħha abbażi tad-determinazzjonijiet magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 7

1.   Fejn il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil tali persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, filwaqt li tali persuna jew entità tingħata opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Meta jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata skont il-każ.

Artikolu 8

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet elenkati kif previsti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk ikun magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post fejn jinsab in-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tan-nominazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 9

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 2 u 3 għandhom jiġu riveduti sad-19 ta’ Lulju 2012, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan.

2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jiġu riveduti sad-data msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, u kull 12-il xahar wara dan. Għandhom jiġu revokati jekk il-Kunsill jiddeċiedi li l-għanijiet tagħhom ikunu ntlaħqu.

Artikolu 10

Il-Pożizzjoni Komuni 2005/411/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 139, 2.6.2005, p. 25; MT: ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 93.

(2)  ĠU L 6, 10.1.2004, p. 55.

(3)  ĠU L 21, 28.1.2004, p. 1. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 18, Vol 3, p. 15.

(4)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 9; MT: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 239.

(5)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


ANNESS

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLI 1 U 3

1.

Kunjom, isem/ismijiet: ELHASSAN, Gaffar Mohamed

Aktar informazzjoni: Ġeneral Maġġur u Kmandant tar-Reġjun Militari tal-Punent għall-Forzi Armati Sudaniżi

Data tan-nominazzjoni min-NU: 25 ta’ April 2006

2.

Kunjom, isem/ismijiet: HILAL, Sheikh Musa

Aktar informazzjoni: Kap Suprem tat-Tribù ta’ Jalul fid-Darfur tat-Tramuntana

Data tan-nominazzjoni min-NU: 25 ta’ April 2006

3.

Kunjom, isem/ismijiet: SHANT, Adam Yacub

Aktar informazzjoni: Kmandant tal-Armata għal-Liberazzjoni tas-Sudan (SLA)

Data tan-nominazzjoni min-NU: 25 ta’ April 2006

4.

Kunjom, isem/ismijiet: BADRI, Gabril Abdul Kareem

Aktar informazzjoni: Kmandant Operattiv tal-Moviment Nazzjonali għar-Riforma u l-Iżvilupp (NMRD)

Data tan-nominazzjoni min-NU: 25 ta’ April 2006