13.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/412/PESK

tat-12 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (1).

(2)

Fit-28 ta’ April 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni, l-UNSCR 1980 (2011), li ġeddet il-miżuri imposti kontra l-Côte d'Ivoire bil-UNSCR 1572 (2004), il-paragrafu 5 tal-UNSCR 1946 (2010) u l-paragrafu 12 tal-UNSCR 1975 (2011) sat-30 ta’ April 2012, u li emendat il-miżuri restrittivi fuq l-armi.

(3)

Minbarra l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi previsti fil-UNSCR 1980 (2011), huwa adatt li jiġu emendati l-miżuri restrittivi sabiex jiġi eżentat tagħmir ieħor inkluż b'mod awtonomu mill-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċizjoni 2010/656/PESK huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

Il-Punt (e) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat u taħriġ u assistenza teknika maħsuba unikament għas-sostenn tal-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, skont talba formali mill-Gvern Ivorjan, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;”;

2.

Il-punt li ġej huwa miżjud:

“(g)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li hu maħsub biss għall-appoġġ tal-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll il-forniment ta’ finanzjament, għajnuna finanzjarja jew għajnuna teknika u taħriġ relatati ma’ tali tagħmir.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.