|
12.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 182/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ Ġunju 2011
li tistabbilixxi regoli u proċeduri ssimplifikati dwar kontrolli sanitarji ta’ prodotti tas-sajd, ta’ molluski bivalvi ħajjin, ta’ ekinodermi, ta’ tunikati, ta’ gasteropodi tal-baħar, ta’ prodotti sekondarji tagħhom u ta’ prodotti dderivati minn dawn il-prodotti sekondarji, li jiġu mill-Groenlandja
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/408/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Il-Groenlandja hija inkluża fil-lista ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej stipulati fl-Anness II mat-Trattati. F’konformità mal-Artikolu 198 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “it-Trattat”), l-għan tal-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej u jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Unjoni fl-intier tagħha. |
|
(2) |
Id-Danimarka u l-Groenlandja talbu li l-ispezzjonijiet veterinarji bejn l-Unjoni u l-Groenlandja tal-prodotti tas-sajd, tal-molluski bivalvi, tal-ekinodermi, tat-tunikati, tal-gasteropodi tal-baħar, tal-prodotti sekondarji tagħhom u tal-prodotti dderivati minn dawn il-prodotti sekondarji li huma kkunsidrati bħala li joriġinaw fil-Groenlandja skont l-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea”) (1), u tal-istess prodotti li jiddaħħlu fil-Groenlandja minn pajjiżi terżi, ikunu permessi f’konformità mar-regoli dwar il-kontrolli sanitarji u veterinarji applikabbli għall-kummerċ fl-Unjoni. |
|
(3) |
Il-kummerċ ta’ dawk il-prodotti bejn il-Groenlandja u l-Unjoni għandu, għalhekk, isir f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel. Għaldaqstant, id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jaġixxu sabiex jiżguraw li l-konsenji tal-prodotti mibgħutin mill-Groenlandja lejn l-Unjoni jkunu f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni rigward is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel. B’mod partikolari, l-operaturi tan-negozji tal-għalf u tal-ikel li huma eliġibbli jridu jiġu reġistrati u elenkati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2). |
|
(4) |
Il-kontrolli veterinarji fil-postijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri fil-Groenlandja għandhom isiru f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (3). Il-kontrolli veterinarji fil-postijiet tal-ispezzjoni fil-fruntieri għandhom isiru f’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċjali tad-dwana. Sabiex dawk il-kompiti jkunu ssimplifikati, huwa kunsiljabbli li l-awtoritajiet kompetenti jkunu pprovduti bir-referenzi għan-Nomenklatura Magħquda (NM) speċifikati fl-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ ispezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (4). |
|
(5) |
L-awtorità kompetenti tal-Groenlandja għandha tipprovdi l-assigurazzjonijiet uffiċjali lill-Kummissjoni dwar l-infurzar tar-regoli tal-Unjoni u tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-prodotti kkonċernati. Dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikopru, b’mod partikolari, konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem (5), ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (7). Dawk l-assigurazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll impenn sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-kummerċ fl-Unjoni. |
|
(6) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (8) tirrikjedi li jkunu stabbiliti pjanijiet nazzjonali għas-sorveljanza tal-annimali tal-akkwakultura. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-Groenlandja. |
|
(7) |
Sabiex tkun permessa l-importazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Deċiżjoni fl-Unjoni mill-Groenlandja f’konformità mar-regoli dwar il-kummerċ fl-Unjoni, stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni, kif ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà sanitarja tal-prodotti kkonċernati, id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jimpenjaw irwieħhom li jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet tal-Unjoni fil-Groenlandja, qabel id-data li minnha din id-Deċiżjoni għandha tapplika. |
|
(8) |
Id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jimpenjaw irwieħhom ukoll li jiżguraw li l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati fil-Groenlandja minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel. |
|
(9) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-ispezzjonijiet veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u ta’ prodotti bil-għan li jiġi kkompletat is-suq intern (9) tipprevedi l-introduzzjoni ta’ sistema kompjuterizzata li tgħaqqad l-awtoritajiet veterinarji bil-ħsieb partikolari li tiffaċilita l-ħeffa tal-iskambju tal-informazzjoni marbuta mas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali bejn l-awtoritajiet kompetenti (TRACES). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema TRACES (10) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jużaw it-TRACES mill-1 ta’ April 2004. It-TRACES hija essenzjali għall-monitoraġġ effettiv tal-kummerċ fl-annimali u fil-prodotti oriġinati mill-annimali, u għaldaqstant għandha tintuża għat-trażmissjoni tad-dejta dwar il-movimenti u l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti bejn il-Groenlandja u l-Unjoni. |
|
(10) |
Meta jfaqqa’ l-mard tal-annimali elenkat fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità (11) għandu jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS) f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/176/KE tal-1 ta’ Marzu 2005 li twaqqaf l-għamla kkodifikata u l-kodiċi għan-notifika tal-mard tal-annimali skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (12). Għall-prodotti kkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-Groenlandja ukoll. |
|
(11) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (13) stabbilixxa sistema ta’ allarm malajr għan-notifika ta’ xi riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta minn ikel jew għalf. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-Groenlandja wkoll fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. |
|
(12) |
Qabel ma l-Groenlandja tista’ tagħmel kontrolli veterinarji fuq il-prodotti li jiddaħħlu fil-Groenlandja minn pajjiżi terzi, għandha ssir ispezzjoni mill-Unjoni fil-Groenlandja sabiex ikun ivverifikat li l-post jew aktar ta’ ispezzjoni fil-fruntieri tal-Groenlandja jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 97/78/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ ispezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (14) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/812/KE tal-21 ta’ Novembru 2001 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ postijiet ta’ ispezzjoni tal-fruntiera responsabbli għal kontrolli veterinarji ta’ prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (15). |
|
(13) |
Fil-każ li r-riżultati ta’ tali ispezzjoni jkunu pożittivi, post jew aktar ta’ ispezzjoni fil-fruntieri tal-Groenlandja għandhom jiġu elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 li tfassal lista approvata ta’ postijiet ta’ ispezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (16). Biex ikun żgurat kontroll effettiv tal-prodotti tas-sajd li jiddaħħlu fil-Groenlandja u fl-Unjoni, huwa meħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-mument li fih jiġu elenkati post jew aktar ta’ ispezzjoni fil-fruntieri tal-Groenlandja fid-Deċiżjoni 2009/821/KE. |
|
(14) |
Din id-Deċiżjoni ma taffettwax kwalunkwe arranġament possibbli relatat mal-importazzjoni tal-prodotti tas-sajd li jkun ibbażat fuq il-Protokoll (Nru 34) dwar l-arranġamenti speċjali għall-Groenlandja anness mat-Trattati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli u proċeduri simplifikati għall-applikazzjoni ta’ kontrolli sanitarji ta’ prodotti tas-sajd, molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi, tunikati, gasteropodi tal-baħar u ta’ prodotti sekondarji tagħhom u prodotti dderivati minn dawn il-prodotti sekondarji (minn hawn ’il quddiem “il-prodotti”), li joriġinaw fil-Groenlandja jew jiddaħħlu fil-Groenlandja minn pajjiżi terzi u konsegwentement jiġu importati mill-Groenlandja fl-Unjoni (minn hawn ’il quddiem “il-prodotti li jiġu mill-Groenlandja”).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“molluski bivalvi” tfisser molluski kif definiti fil-punt 2.1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004; |
|
(b) |
“prodotti tas-sajd” tfisser prodotti kif definiti fil-punt 3.1 tat-Taqsima 3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004; |
|
(ċ) |
“prodotti sekondarji u prodotti dderivati minn dawn il-prodotti sekondarji” tfisser prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, safejn ikunu dderivati minn prodotti tas-sajd, molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati jew gastropodi tal-baħar; |
|
(d) |
“prodotti li joriġinaw fil-Groenlandja” tfisser prodotti previsti fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, kif definiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness III tad-Direttiva 2001/822/KE. |
Artikolu 3
Regoli ġenerali li jikkonċernaw il-kontrolli sanitarji tal-prodotti bejn l-Unjoni u l-Groenlandja
1. Id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jiżguraw li l-atti legali rilevanti tal-Unjoni li huma applikabbli għall-prodotti definiti fl-Artikolu 2 ikunu implimentati fil-Groenlandja.
2. L-Istati Membri m’għandhomx japplikaw il-kontrolli veterinarji applikabbli għall-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni. Il-prodotti li jiġu mill-Groenlandja għandhom jitqiegħdu fis-suq intern skont ir-regoli sanitarji applikabbli fl-Unjoni, sakemm id-Danimarka u l-Groenlandja jiżguraw, b’mod partikolari, ir-rispett sħiħ tal-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettivi fil-Groenlandja tar-regoli applikabbli stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel, relatati mal-prodotti; |
|
(b) |
it-tfassil u l-aġġornament mill-awtoritajiet kompetenti fid-Danimarka u fil-Groenlandja ta’ lista aġġornata ta’ operaturi ta’ negozji tal-għalf u tal-ikel, irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004; |
|
(ċ) |
il-konformità ta’ konsenji ta’ prodotti mibgħutin lejn l-Unjoni mill-Groenlandja mar-regoli applikabbli stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel. |
Artikolu 4
Pjanijiet għall-monitoraġġ tal-annimali tal-akkwakultura
Id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jippreżentaw għall-approvazzjoni lill-Kummissjoni l-pjanijiet ta’ monitoraġġ għall-preżenza ta’ residwi u sostanzi fl-annimali tal-akkwakultura, f’konformità mad-Direttiva 96/23/KE.
Artikolu 5
Kontrolli fuq prodotti li jiddaħħlu fil-Groenlandja minn pajjiżi terzi
1. Għandhom isiru l-kontrolli veterinarji fuq konsenji tal-prodotti mdaħħlin fil-Groenlandja minn pajjiżi terzi f’konformità mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 97/78/KE.
Biex jiġu ffaċilitati dawn il-kontrolli veterinarji, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka u tal-Groenlandja bil-kodiċijiet NM tal-prodotti, elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2007/275/KE.
2. Il-proposti għal postijiet ta’ ispezzjoni tal-fruntieri fil-Groenlandja għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/78/KE.
Il-lista ta’ postijiet ta’ ispezzjoni tal-fruntieri li jiġu approvati għall-Groenlandja għandhom jiddaħħlu fil-lista ta’ postijiet ta’ ispezzjoni tal-fruntieri fl-Istati Membri, approvati f’konformità mad-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE.
Artikolu 6
Sistema ta’ informazzjoni
1. Id-dejta dwar il-movimenti u l-kummerċ tal-prodotti lejn u mill-Groenlandja għandha tkun trażmessa bil-lingwa Daniża permezz tas-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata (TRACES) f’konformità mad-Deċiżjoni 2004/292/KE.
2. In-notifika ta’ mard tal-annimali akkwatiċi fir-rigward tal-prodotti fil-Groenlandja għandha tkun trażmessa permezz tas-sistema ta’ notifika dwar il-mard tal-annimali (ADNS), f’konformità mad-Direttiva 82/894/KEE u d-Deċiżjoni 2005/176/KE.
3. In-notifika tar-riskji diretti jew indiretti għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-prodotti fil-Groenlandja għandha tintbagħat permezz tas-sistema ta’ allarm malajr għall-ikel u għall-għalf (RASFF) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002.
Artikolu 7
Marka ta’ identifikazzjoni
Il-konsenji tal-prodotti mibgħutin lejn l-Unjoni mill-Groenlandja għandhom ikunu mmarkati bis-sinjal ta’ identifikazzjoni tal-Groenlandja, “GL”, f’konformità mar-regoli stipulati fit-Taqsima I(B) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.
Artikolu 8
Konferma ta’ konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni
Id-Danimarka u l-Groenlandja għandhom jipprovdu, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 9, li minnha din id-Deċiżjoni għandha tapplika, konferma bil-miktub lill-Kummissjoni li ttieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mid-data tal-elenkar fid-Deċiżjoni 2009/821/KE tal-ewwel post ta’ ispezzjoni tal-fruntiera fil-Groenlandja.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
FAZEKAS S.
(1) ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1; (MT: Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 11, Vol 38, p. 319).
(2) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.
(6) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(7) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.
(8) ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.
(9) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(10) ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.
(11) ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.
(12) ĠU L 59, 5.3.2005, p. 40.
(13) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1; (MT: Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 15, Vol 06, p. 463).
(14) ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11.