5.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/50


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Lulju 2011

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/241/KE li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Madagaskar

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4642)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/395/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/241/KE tal-24 ta’ Marzu 2006 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali, bl-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd, li joriġinaw fil-Madagaskar (2), tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, għajr il-prodotti tas-sajd, il-bebbux u l-gwanu li joriġinaw mill-Madagaskar.

(2)

Diversi atti legali tal-Unjoni jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, bħad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3) u r-Regoalment (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (4).

(3)

Il-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-annimali tiżgura li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jikkonformaw ma’ dik il-leġiżlazzjoni biss jistgħu jiġu importati fl-Unjoni mill-Madagaskar.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2006/241/KE ma għadhiex meħtieġa u għandha tiġi rrevokata.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2006/241/KE hija rrevokata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  ĠU L 88, 25.3.2006, p. 63.

(3)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(4)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.