23.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Ġunju 2011
dwar estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG)
(2011/362/Euratom)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom (1), il-Kunsill stabbilixxa lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (“HKG”) bħala intrapriża konġunta għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974. |
(2) |
L-għanijiet ta’ HKG kienu li tibni, tgħammar u topera impjant tal-enerġija nukleari b’kapaċità ta’ madwar 300 MWe f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
(3) |
Wara li ħadem mill-1987 sal-1988, l-impjant tal-enerġija nukleari fl-aħħar ingħalaq fl-1 ta’ Settembru 1989 minħabba diffikultajiet tekniċi u ekonomiċi. |
(4) |
Mill-1 ta’ Settembru 1989, l-għanijiet ta’ HKG kienu li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa. |
(5) |
Fid-Deċiżjoni 92/547/Euratom tiegħu tas-16 ta’ Novembru 1992 li estendiet l-istatus ta’ “Kernkraftwerk Lingen GmbH” bħala intrapriża konġunta (2), il-Kunsill irrikonoxxa li ma kien hemm l-ebda proġett ekwivalenti għal dawn il-programmi fil-Komunità, li l-implimentazzjoni tagħhom kienet importanti u li huma kienu qed jipprovdu esperjenza utli għall-industrija nukleari u għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità. |
(6) |
Sabiex tilħaq l-għan tagħha, HKG talbet l-estensjoni għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999. |
(7) |
Bid-Deċiżjoni 2002/355/Euratom (3), il-Kunsill estenda l-istatus ta’ HKG bħala intrapriża konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2009 sabiex HKG tkun tista’ tikkompleta l-programmi ta’ dekummissjonar u ta’ sorveljanza tagħha, b’mod partikolari bit-tħaffif tal-piż finanzjarju. |
(8) |
Il-perjodu ta’ estensjoni kien jikkorrispondi għat-tul tal-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali Ġermaniża, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG. |
(9) |
B’ittra tas-26 ta’ April 2010, HKG talbet għal estensjoni oħra għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta għal 25 sena oħra sabiex tilħaq l-objettivi tagħha. |
(10) |
Permezz tal-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha, HKG għandha tkun tista’ tikkompleta l-programmi ta’ dekummissjonar u ta’ sorveljanza tagħha, b’mod partikolari bit-tħaffif tal-piż finanzjarju. |
(11) |
L-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG japplikaw biss għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017. |
(12) |
Għaldaqstant l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ HKG għandu jiġi estiż għall-istess perjodu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-istatus ta’ Intrapriża Konġunta, fit-tifsira tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mogħti lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) b’dan qed jiġi estiż għal tmien snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.
2. L-għanijiet ta’ HKG għandhom ikunu li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari li jinsab f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sal-fażi taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lil HKG.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
CZOMBA S.
(1) ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7.
(2) ĠU L 352, 2.12.1992, p. 9.
(3) ĠU L 123, 9.5.2002, p. 53.