7.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Ġunju 2011
dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal sorsi tad-dawl
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 3749)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2011/331/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/747/KE (2) stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati mal-bozoz tad-dawl. Dawn il-kriterji huma validi sal-31 ta’ Awwissu 2011. |
(4) |
Dawk il-kriterji ġew analizzati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Fid-dawl tal-analiżi, huwa xieraq li d-definizzjoni tal-prodott tiġi mmodifikata u li l-isem tal-grupp tal-prodotti jinbidel. Dawk il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal sentejn mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(5) |
Id-Deċiżjoni 2002/747/KE għandha tiġi ssostitwita għal raġunijiet ta’ ċarezza. |
(6) |
Għandu jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta għal bozoz tad-dawl abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE, sabiex ikollhom żmien suffiċjenti biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE jew tal-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni sakemm tiskadi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni. |
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” għandu jinkludi s-sorsi kollha tad-dawl ta’ fluss luminuż ≥ 60 u ≤ 12 000 lumens għal applikazzjonijiet ta’ tidwil ġenerali b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-provvista tal-elettriku pubblika mgħammrin b’kappa tal-bozza (lamp cap) elenkata f’EN 60061 u magħmulin biex jipproduċu radjazzjoni viżibbli.
2. It-tipi ta’ sorsi tad-dawl li ġejjin mhumiex inklużi fil-grupp tal-prodotti: bozoz direzzjonali, bozoz ta’ skariku ta’ intensità għolja, bozoz ikkuluriti, bozoz tal-projetturi, dwal fotografiċi, tubi tas-solarjums, sistemi li jaħdmu b’batterija u sorsi oħrajn tad-dawl li mhumiex intenzjonati għal applikazzjonijiet ġenerali ta’ tidwil. Is-sorsi tad-dawl li ġejjin mhumiex inklużi fil-grupp tal-prodotti jekk ma jkunux fornuti direttament mill-mejn: bozoz fluworoxxenti kumpatti integrali, bozoz bil-filament, bozoz LED.
Artikolu 2
Sabiex jingħata l-Ekotikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett li huwa sors tad-dawl għandu jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl”, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal sentejn mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” għandu jkun “008”.
Artikolu 5
Id-Deċiżjoni 2002/747/KE hija rrevokata.
Artikolu 6
1. B’deroga mill-Artikolu 5, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “bozoz tad-dawl” ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2002/747/KE.
2. L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” ippreżentati mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011, jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
3. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li huma bbażati fuqhom.
4. Fejn l-Ekotikketta tal-UE tingħata abbażi ta’ applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE, dik l-Ekotikkketta tal-UE tista’ tintuża għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(2) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 44.
ANNESS
QAFAS
L-għanijiet tal-kriterji
Dawn il-kriterji jimmiraw b’mod partikolari li jippromwovu t-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew riskji relatati mal-użu tal-enerġija (tisħin globali, aċidifikazzjoni, tnaqqir tar-riżorsi mhux rinnovabbli) billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, mal-użu ta’ riżorsi kemm fil-manifattura kif ukoll fit-trattament/rimi ta’ sors tad-dawl billi jżidu l-ħajja medja tiegħu u mal-użu tal-merkurju billi jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-merkurju tul il-ħajja ta’ sors tad-dawl.
Il-kriterji jinkoraġġixxu wkoll l-implimentazzjoni tal-aqwa prattika (l-aħjar użu ambjentali) u jżidu l-għarfien ambjentali tal-konsumaturi. Il-kriterji huma stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tikkettar ta’ sorsi tad-dawl li huma prodotti b’impatt ambjentali baxx.
KRITERJI
Huma stabbiliti kriterji għal kull wieħed minn dawn l-aspetti:
1. |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija, Tul tal-ħajja, Manutenzjoni tal-lumen u Kontenut ta’ merkurju |
2. |
Ix-xegħil/tifi |
3. |
L-indiċi tal-apparenza tal-kulur |
4. |
Il-konsistenza tal-kulur |
5. |
Sustanzi u taħlitiet perikolużi |
6. |
Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) |
7. |
Il-partijiet tal-plastik |
8. |
L-imballaġġ |
9. |
L-istruzzjonijiet għall-utent |
10. |
Ir-responsabbiltà soċjali |
11. |
L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE |
Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.
Fejn l-applikant huwa meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi tar-rapporti tat-test jew evidenza oħra li turi l-konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, kif xieraq.
Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti.
Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar oħra minbarra dawk indikati għall kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.
Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.
KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE
Kriterju 1 – Effiċjenza fl-użu tal-enerġija, Tul tal-ħajja, Manutenzjoni tal-lumen u Kontenut ta’ merkurju
Is-sorsi tad-dawl għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
B’tarf wieħed |
B’tarf doppju |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija |
10 % aħjar mill-valur ta’ lumen għal kull watt skont il-Klassi A |
10 % aħjar mill-valur ta’ lumen għal kull watt skont il-Klassi A |
Tul tal-ħajja (sigħat) |
15 000 |
20 000 |
Manutenzjoni tal-Lumen |
80 % f’9 000 siegħa |
90 % f’16 000 siegħa |
Merkurju (mg) |
< 1,5 |
< 3,0 |
Nota:
L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija ddefinita fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kummissjoni 98/11/KE (2).
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tul tal-ħajja u l-manutenzjoni tal-lumen tas-sorsi tad-dawl għajr l-LEDs ġew stabbiliti bl-użu tal-proċeduri tat-test imsemmijin f’EN 50285.
Għall-effiċjenza, it-tul tal-ħajja u l-manutenzjoni tal-lumen tas-sorsi tad-dawl LED, u għall-kontenut ta’ merkurju ta’ sorsi tad-dawl fluworexxenti, l-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-test li jużaw proċeduri tal-kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom kienu ppubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport għandu jiddikjara l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tul tal-ħajja, il-manutenzjoni tal-lumen u l-kontenut ta’ merkurju tas-sors tad-dawl. Jekk it-test xieraq għat-tul tal-ħajja ma jkunx tlesta, it-tul tal-ħajja operattiv kif iddikjarat fuq l-imballaġġ huwa aċċettabbli sakemm jinkiseb ir-riżultat tat-test. Madankollu, ir-riżultat tat-test għandu jiġi pprovdut fi żmien 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Għat-test tat-tul tal-ħajja, 75 % mill-kampjun tat-test għandu jissodisfa r-rekwiżit.
Kriterju 2 – Ix-xegħil/tifi
Għall-bozoz fluworexxenti kumpatti (CFLs) u LEDs, l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi li s-sors tad-dawl jiflaħ għalih qabel ma jieqaf prematurament għandu jkun akbar mit-tul tal-ħajja tal-bozza rrappreżentat f’sigħat.
Għall-bozoz li jgħidu li jifilħu xegħil u tifi frekwenti, dan l-għadd għandu jkun ogħla minn 60 000 ċiklu ta’ xegħil/tifi.
Valutazzjoni u verifika: għas-CFLs l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi għas-CFL ġie ddeterminat bl-użu ta’ test ta’ ċiklu rapidu (minuta (1) mixgħula, tliet (3) minuti mitfija) u l-proċeduri tat-test għat-tul tal-ħajja msemmijin f’EN 50285.
Għal-LEDs, l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li juża proċeduri tal-kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport għandu jiddikjara l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi milħuq meta 50 % tas-CFLs jew LEDs ittestjati jissodisfaw ir-rekwiżiti għat-tul tal-ħajja ta’ bozza msemmija fl-istandards rispettivi.
Kriterju 3 – L-indiċi tal-apparenza tal-kulur
L-indiċi tal-apparenza tal-kulur (Ra) tas-sors tad-dawl għandu jkun akbar minn 85.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-indiċi tal-apparenza tal-kulur tas-sors tad-dawl ġie ddeterminat bl-użu tal-proċedura tat-test imsemmija fid-dokument-CIE 13.3. Ir-rapport għandu jagħti l-indiċi tal-apparenza tal-kulur tas-sors tad-dawl.
Kriterju 4 – Il-konsistenza tal-kulur
Is-sors tad-dawl għandu jkollu Temperatura tal-Kulur Ikkorrelatata (CCT) mifruxa fuq ellissi ta’ McAdam bi tliet fażijiet jew aħjar.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-firxa tat-temperatura tal-kulur ikkorrelatata (CCT) hija f’ellissi ta’ McAdam bi tliet fażijiet jew aħjar bl-użu ta’ proċeduri affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Kriterju 5 – Sustanzi u taħlitiet perikolużi
Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, il-prodott jew kwalunkwe parti minnu ma għandux/għandhomx jinkludi/u sustanzi msemmijin fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u lanqas sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet ta’ riskju li ġejjin.
Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u frażijiet ta’ riskju:
Dikjarazzjoni ta’ Periklu (3) |
Frażi ta’ Riskju (4) |
H300 Fatali jekk jinbela’ |
R28 |
H301 Tossiku jekk jinbela’ |
R25 |
H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs |
R65 |
H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda |
R27 |
H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda |
R24 |
H330 Fatali jekk jiġi inalat |
R23/26 |
H331 Tossiku jekk jiġi inalat |
R23 |
H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi |
R46 |
H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi |
R68 |
H350 Jista’ jikkawża l-kanċer |
R45 |
H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat |
R49 |
H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer |
R40 |
H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità |
R60 |
H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R61 |
H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R60/61/60-61 |
H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R60/63 |
H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
R61/62 |
H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
R62 |
H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R63 |
H361fd. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. |
R62-63 |
H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa |
R64 |
H370 Jikkawża ħsara lill-organi |
R39/23/24/25/26/27/28 |
H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi |
R68/20/21/22 |
H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien |
R48/25/24/23 |
H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien |
R48/20/21/22 |
H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi |
R50 |
H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul |
R50-53 |
H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul |
R51-53 |
H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul |
R52-53 |
H413 Jista’ jikkawża effetti għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi |
R53 |
EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu |
R59 |
EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku |
R29 |
EUH031 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku |
R31 |
EUH032 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku ħafna |
R32 |
EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn |
R39-41 |
L-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-proprjetajiet tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huma eżentati mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.
Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bil-klassijiet jew kategoriji ta’ periklu msemmijin hawn fuq, u għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jkunu ġew iddeterminati, huma għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.
Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.
Is-sustanzi/użijiet li ġejjin tas-sustanzi huma dderogati speċifikament minn dan ir-rekwiżit:
Partijiet omoġenji b’piż taħt 5 g |
Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u l-frażijiet ta’ riskju kollha elenkati hawn fuq |
Valutazzjoni u verifika: għal kull parti ta’ aktar minn 5 gm l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħal dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi u kopji rilevanti tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.
Kriterju 6 – Is-sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006
Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fl-Artikolu 6(6) rigward sustanzi identifikati bħala ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista stabbilita fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet, f’oġġett jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw fil-każ li l-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0,1 %.
Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku:
http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp
Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal din il-lista.
L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.
Kriterju 7 – Il-partijiet tal-plastik
(a) |
Jekk fil-proċess tal-manifattura tkun applikata kwalunkwe sustanza plastifikanti, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-sustanzi perikolużi stabbiliti fil-Kriterji 5 u 6. Barra dan, id-DNOP (il-ftalat tad-di-n-ottil), id-DINP (il-ftalat tad-di-isononil) u d-DIDP (il-ftalat tad-di-isodeċil) ma għandhomx jiżdiedu intenzjonalment mal-prodott. |
(b) |
Il-partijiet tal-plastik ma għandhomx jinkludu kontenut ta’ klorur akbar minn 50 % skont il-piż. |
Valutazzjoni u verifika: ċertifikat iffirmat mill-manifattur li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandu jiġi ppreżentat lill-korp kompetenti tal-għoti. Għandha tiġi pprovduta wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti dwar materjali u sustanzi lill-korp kompetenti tal-għoti.
Kriterju 8 – Imballaġġ
Ma għandhomx jintużaw il-laminati u l-plastiks kompożiti.
Fejn jintużaw kaxxi tal-kartun, dawn għandhom ikunu magħmulin minn 80 % ta’ materjal postkonsumatur irriċiklat.
Fejn jintużaw materjali tal-plastik, dawn għandhom ikunu magħmulin tal-inqas minn 50 % ta’ materjal postkonsumatur irriċiklat.
Valutazzjoni u verifika: għandu jiġi pprovdut kampjun tal-imballaġġ tal-prodott mal-applikazzjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-imballaġġ primarju biss, kif iddefinit fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa soġġett għal dan il-kriterju.
Kriterju 9 – L-istruzzjonijiet għall-utent
Il-prodott għandu jinbiegħ bl-informazzjoni rilevanti għall-utent jew fuq l-imballaġġ jew f’fuljett separat mibjugħ mal-prodott, li jipprovdi parir dwar l-użu ambjentali xieraq tiegħu. B’mod partikolari:
(a) |
Għal bozoz li għandhom kappa (cap) E27, E14, B22 jew B15, id-daqs jew l-għamla relattiv(a) tas-sors tad-dawl meta mqabbel ma’ bozza inkandexxenti konvenzjonali għandu/għandha jkun/tkun indikat(a) fuq l-imballaġġ. |
(b) |
Għal sorsi tad-dawl b’tarf doppju: l-informazzjoni fuq l-imballaġġ għandha tindika li l-prestazzjoni ambjentali tas-sors tad-dawl titjieb meta jintuża ma’ tagħmir b’kontroll elettroniku ta’ frekwenza għolja. |
(ċ) |
Linji gwida għat-tindif għal sorsi tad-dawl fluworexxenti mkissrin elenkati fuq l-imballaġġ. |
(d) |
Il-manutenzjoni xierqa ta’ bozoz, bħal tindif, biex jinżamm l-output tal-lumen. |
(e) |
It-tifi tad-dwal jiffranka l-enerġija u l-flus. |
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti, u għandu jipprovdi kopja tal-imballaġġ jew tal-fuljett lill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni.
Kriterju 10 – Ir-responsabbiltà soċjali
Il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu ssodisfati waqt il-produzzjoni tas-sors tad-dawl bl-Ekotikketta.
Il-liċenzjatarju għandu jiżgura li l-produzzjoni tas-sors tad-dawl issegwi l-konvenzjonijiet tal-ILO (6) rigward xogħol mit-tfal, xogħol sfurzat, saħħa u sikurezza, diskriminazzjoni, dixxiplina, sigħat tax-xogħol, pagi, libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara konformità ma’ dan ir-rekwiżit u għandu jipprovdi speċifikazzjoni ta’ kuntratti lill-awtoritajiet ta’ spezzjoni u jew kodiċi ta’ kondotta rigward il-konvenzjonijiet tal-ILO inkella ċertifikazzjoni SA8000.
Kriterju 11 – L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE
It-tikketta fakultattiva b’kaxxa tat-test għandha tinkludi t-test li ġej:
“— |
Effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija – tiffranka l-flus |
— |
Tul ta’ ħajja twil |
— |
Prestazzjoni ttestjata”. |
Jekk is-sors tad-dawl ma fihx merkurju, it-tikketta fakultattiva tista’ tiddikjara li s-sors tad-dawl ma fihx merkurju.
Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa tat-test jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta” fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/logos_en.htm
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3) Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1)
(4) Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1)
(5) ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.
(6) http://www.ilo.org/