7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Ġunju 2011

dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-Kompjuters Notebook

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 3736)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/330/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/687/KE (2) stabbilixxiet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati għall-kompjuters portabbli. Wara l-analiżi tal-kriterji stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/343/KE (3) stabbilixxiet kriterji riveduti li huma validi sat-30 ta’ Ġunju 2011.

(4)

Dawk il-kriterji ġew analizzati aktar fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Barra dan, fl-2006, ġie konkluż il-ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1005/KE (4), kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/C 186/1 tat-12 ta’ Awwissu 2009 tal-Entitajiet tal-ġestjoni skont il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni tal-programmi tat-tikkettar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal tagħmir tal-uffiċċji rigward ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kompjuter fl-Anness C, il-parti VIII, għall-Ftehim (minn hawn 'il quddiem “ENERGY STAR v5.0”) (5), li jistabbilixxi l-kriterji għall-Energy Star.

(5)

Dawk il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Id-Deċiżjoni 2005/343/KE għandha tiġi sostitwita għal raġunijiet ta’ ċarezza.

(7)

Għandu jkun hemm perjodu tranżizzjonali għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta għall-kompjuters portabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/343/KE, sabiex ikollhom żmien biżżejjed biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/343/KE jew tal-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni sakemm tiskadi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp tal-prodotti ‘kompjuters notebook’ għandu jinkludi apparat li għandu l-karatterisitiċi li ġejjin:

(a)

Iwettaq operazzjonijiet loġiċi u jipproċessa d-dejta u jkun iddisinjat speċifikament għall-portabbiltà u biex ikun jista’ jitħaddem għal perjodi ta’ żmien imtawla jew b’konnessjoni diretta ma’ sors tal-enerġija AC jew mingħajrha;

(b)

Juża displej tal-kompjuters integrat u kapaċi jaħdem permezz ta’ batterija integrata jew sors ieħor portabbli ta’ enerġija. Jekk kompjuter notebook jiġi fornut bi provvista esterna tal-enerġija, din il-provvista tal-enerġija titqies bħala parti mill-kompjuter notebook.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kompjuters personali tablet, li jistgħu jużaw skrins sensittivi għall-mess (touch-sensitive screens) flimkien ma’ jew flok apparat ieħor għall-input għandhom jitqiesu bħala Kompjuters Notebook.

3.   Il-frejms diġitali tar-ritratti ma għandhomx jitqiesu bħala kompjuters notebook għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Sabiex jingħata l-Ekotikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett għandu jaqa’ fi ħdan il-grupp tal-prodotti ‘Kompjuters Notebook’ kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti ‘Kompjuters Notebook’ kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp tal-prodotti ‘Kompjuters Notebook’ għandu jkun ‘018’.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2005/343/KE hija rrevokata.

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Portabbli” kif iddefinit fid-Deċiżjoni 2005/343/KE ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2005/343/KE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “Kompjuters Notebook” sottomessi mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011, jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/343/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li huma bbażati fuqhom.

3.   Fejn l-Ekotikketta tal-UE tingħata abbażi ta’ applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2005/343/KE, dik l-Ekotikketta tal-UE tista’ tintuża għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta' dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 242, 12.9.2001, p. 11.

(3)  ĠU L 115, 4.5.2005, p. 35.

(4)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 24.

(5)  ĠU C 186, 9.7.2010, p. 1.


ANNESS

QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Il-kriterji jimmiraw li jippromwovu t-tnaqqis ta’ ħsara jew ta’ riskji ambjentali relatati mal-użu tal-enerġija (tisħin globali, aċidifikazzjoni, tnaqqis tas-sorsi ta’ enerġija li mhumiex rinnovabbli) bit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ riżorsi naturali u t-tnaqqis ta’ ħsara ambjentali relatata mal-użu ta’ sustanzi perikolużi permezz tat-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi bħal dawn.

KRITERJI

Ġew stabbiliti kriterji għal kull wieħed minn dawn l-aspetti:

1.

Iffrankar tal-enerġija

2.

Ġestjoni tal-Enerġija

3.

Merkurju fil-Bozoz Fluworoxxenti

4.

Sustanzi u taħlitiet perikolużi

5.

Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

6.

Partijiet tal-plastik

7.

Storbju

8.

Kontenut Irriċiklat

9.

Istruzzjonijiet għall-utenti

10.

Proprjetajiet ta’ tiswija

11.

Disinn għaż-żarmar

12.

Estensjoni tat-tul tal-ħajja

13.

Imballaġġ

14.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta

Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

Fejn l-applikant ikun meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, eċċ., kif ikun xieraq.

Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti. Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar oħra minbarra dawk indikati għall kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

QAFAS

Kriterju 1 –   Iffrankar tal-Enerġija

L-iffrankar tal-enerġija għall-kompjuters notebook

Il-prestazzjoni ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ kompjuters notebook għandha taqbeż ir-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-kategorija x-xierqa kif stabbiliti fil-Ftehim kif emendat b’ENERGY STAR v5.0) b’tal-anqas:

kategorija A: 25 %,

kategorija B: 25 %,

kategorija C: 15 %.

L-aġġustamenti tal-kapaċità permessi skont il-Ftehim kif emendat bl-ENERGY STAR v5.0 jistgħu jiġu applikati fl-istess livell, ħlief fil-każ tal-Unitajiet Distinti għall-Ipproċessar tal-Grafika (GPUs) fejn ma għandu jingħata l-ebda benefiċċju ieħor.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 2 –   Ġestjoni tal-Enerġija

Il-kompjuters notebook għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-enerġija (2) kif ġej:

(a)   Rekwiżiti ta’ Ġestjoni tal-Enerġija

Il-kompjuters notebook għandhom jintbagħtu bis-sistema tal-ġestjoni tal-enerġija attivata fil-waqt li ssir il-kunsinna lill-klijenti. Il-ġestjoni tal-enerġija għandha tkun issettjata bħala:

(i)

10 minuti għal screen off (display sleep),

(ii)

30 minuta għal kompjuter sleep (livell tas-sistema S3, sospiż għal RAM).

(b)   Rekwiżiti tan-Netwerk għall-Ġestjoni tal-Enerġija

(i)

Kompjuters notebook b’kapaċità Ethernet għandhom ikunu jistgħu jattivaw u jiddiżattivaw il-Wake on LAN (WOL) għal sleep mode.

(c)   Rekwiżiti tan-Netwerk għall-Ġestjoni tal-Enerġija (japplikaw għal kompjuters notebook mibgħuta permezz tal-kanali tal-intrapriża biss)

(i)

Kompjuters notebook b’kapaċità Ethernet għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

Jintbagħtu bil-Wake On LAN attivata mill-isleep mode meta jaħdmu fuq enerġija AC, jew

Jipprovdu kontroll li jattiva l-WOL li jkun aċċessibbli biżżejjed kemm mill-interfaċċja tal-utent tas-sistema operattiva tal-klijent jew fuq in-netwerk jekk il-kompjuter notebook jintbagħat lill-intrapriża mingħajr WOL attivata;

(ii)

Kompjuters notebook b’kapaċità Ethernet għandhom ikunu kapaċi jwettqu kemm wake events remoti (permezz ta’ netwerk) kif ukoll wake events skedati minn sleep mode (eż. Arloġġ f’Ħin Reali (Real Time Clock)). Il-manifatturi għandhom jiżguraw, fejn il-manifattur ikollu kontroll (jiġifieri ikkonfigurat permezz ta’ settings ta’ ħardwer iktar milli softwer), li dawn is-settings jistgħu jiġu ġestiti ċentralment, kif ikun jixtieq il-klijent, b’għodod ipprovduti mill-manifattur.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti b’dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-kompjuter ġie mibgħut bis-settings ta’ ġestjoni tal-enerġija ddefiniti hawn fuq jew aħjar.

Kriterju 3 –   Merkurju f’Bozoz Fluworexxenti

Il-merkurju jew il-komposti tiegħu ma għandhomx jiżdiedu b’mod intenzjonali fir-retroilluminazzjoni tal-kompjuter notebook.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara lill-korp kompetenti li r-retroilluminazzjoni tal-kompjuter notebook ma fihiex aktar minn 0.1 mg ta’ merkurju jew komposti tiegħu għal kull bozza. L-applikant għandu jipprovdi wkoll deskrizzjoni qasira tas-sistema ta’ illuminazzjoni użata.

Kriterju 4 –   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 66/2010, il-prodott jew kwalunkwe parti minnu ma għandux/għandhiex jinkludi/tinkludi sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u lanqas sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu li ġejjin skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u frażijiet ta’ riskju:

Dikjarazzjoni ta’ Periklu (4)

Frażi ta’ Riskju (5)

H300 Fatali jekk jinbela’

R28

H301 Tossiku jekk jinbela’

R25

H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jiġi inalat

R23/26

H331 Tossiku jekk jiġi inalat

R23

H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

R49

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

R40

H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R63

H361fd. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx.

R62-63

H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa

R64

H370 Jikkawża ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment repetut jew fuq perjodu ta’ żmien twil

R48/25/24/23

H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment repetut jew fuq perjodu ta’ żmien twil

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R52-53

H413 Jista’ jikkawża effetti għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku

R29

EUH031 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku

R31

EUH032 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn

R39-41

L-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-karatteristiċi tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huwa eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew fil-kategoriji ta’ periklu elenkati fit-tabella ta’ hawn fuq, u għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jkunu ġew stabbiliti, huma għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % ta’ piż skont il-piż.

Is-sustanzi/użijiet li ġejjin tas-sustanzi huma dderogati speċifikament minn dan ir-rekwiżit:

Partijiet omoġenji b’piż taħt 10 gm

Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u l-frażijiet ta’ riskju kollha elenkati hawn fuq

Nikil fl-azzar li ma jissaddadx

 

Valutazzjoni u verifika: għal kull parti ta’ aktar minn 10 gm l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħal dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi u kopji rilevanti tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 5 –   Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fl-Artikolu 6(6) rigward sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet, f’oġġett jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw fil-każ li tkun aktar baxxa minn 0,1 %.

Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

Ir-referenza għal-lista għandha ssir fid-data tal-applikazzjoni.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 6 –   Partijiet tal-plastik

(a)

Jekk fil-proċess tal-manifattura tiġi applikata kwalunkwe sustanza plastiċizzanti, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-sustanzi perikolużi stabbiliti fil-Kriterji 4 u 5.

Barra dan, id-DNOP (ftalat tad-di-n-ottil), id-DINP (ftalat tad-di-isononil) u d-DIDP (ftalat tad-di-isodekil) ma għandhomx jiżdiedu intenzjonalment mal-prodott.

(b)

Il-partijiet tal-plastik ma għandhomx jinkludu kontenut ta’ kloru ogħla minn 50 % skont il-piż.

(c)

Għandu jkunu permess li jintużaw biss prodotti bijoċidali li jinkludu sustanzi attivi bijoċidali inklużi fl-Anness IA għad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u awtorizzati għall-użu fil-kompjuters.

Valutazzjoni u verifika: ċertifikat iffirmat mill-manifattur li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandu jiġi ppreżentat lill-korp kompetenti tal-għoti. Għandha tkun ipprovduta wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u tal-bijoċidi u kopji tal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza rilevanti dwar il-materjali u s-sustanzi, lill-korp kompetenti tal-għoti. Il-bijoċidi kollha użati għandhom ikunu indikati b’mod ċar.

Kriterju 7 –   Storbju

Il-“Livell Iddikjarat ta’ Qawwa tal-Ħoss Ippeżat-A” (re l pW) tal-kompjuter notebook, skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296, ma għandux jaqbeż:

(1)

32 dB (A) fl-idle operating mode,

(2)

36 dB (A) meta jsir aċċess għall-ħardisk.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport lill-korp kompetenti, li jiċċertifika li l-livelli tal-emissjonijiet tal-istorbju tkejlu skont l-ISO 7779 u ġew iddikjarati skont l-ISO 9296. Ir-rapport għandu jiddikjara l-livelli mkejla tal-emissjonijiet tal-istorbju kemm fl-idle operating mode kif ukoll meta jsir aċċess għad-disk drive, li għandhom jiġu ddikjarati skont il-paragrafu 3.2.5 tal-ISO 9296.

Kriterju 8 –   Kontenut Irriċiklat

Il-kejsing tal-plastik estern tal-unità tas-sistema, il-moniter u t-tastiera għandu jkollhom kontenut irriċiklat postkonsumatur ta’ mhux inqas minn 10 % skont il-massa.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti dikjarazzjoni li tiddikjara l-perċentwal ta’ kontenut irriċiklat postkonsumatur.

Kriterju 9 –   Struzzjonijiet għall-utent

Il-kompjuter notebook għandu jinbiegħ bl-informazzjoni rilevanti għall-utent li tipprovdi parir dwar l-użu ambjentali xieraq tiegħu. L-informazzjoni għandha tkun f’post uniku li jkun jista’ jinstab malajr fl-istruzzjonijiet għall-utent kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-manifattur. Din l-informazzjoni b’mod partikolari għandha tinkludi:

(a)

Konsum tal-enerġija: il-valur TEC skont l-ENERGY STAR 5.0, kif ukoll id-domanda massima għall-enerġija f’kull mode operattiv. Barra minn hekk, għandhom jingħataw struzzjonijiet dwar kif l-apparat jintuża f’mode li jiffranka l-enerġija (energy-saving mode).

(b)

Informazzjoni li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tnaqqas il-konsum tal-enerġija u għalhekk twassal għall-iffrankar tal-flus billi jitnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku u li jekk wieħed jaqla’ l-plakka tal-kompjuter notebook tiegħu minn mas-sokit, il-konsum tal-enerġija jitnaqqas għal żero.

(c)

L-indikazzjonijiet li ġejjin dwar kif tnaqqas il-konsum tal-enerġija meta l-kompjuter notebook ma jkunx qed jintuża:

(i)

It-tqegħid tal-kompjuter notebook f’off mode, inaqqas il-konsum tal-enerġija, iżda xorta jkun qed juża xi ftit enerġija.

(ii)

It-tnaqqis tal-luminożità tal-iskrin inaqqas l-użu tal-enerġija.

(iii)

L-użu tal-frammentazzjoni tad-disk (disk fragmentation) fuq il-kompjuter notebook inaqqas l-użu tal-enerġija u jżid il-ħajja tal-kompjuter notebook tiegħek (dan mhuwiex applikabbli għal magni Solid State Device).

(iv)

L-iscreen savers jistgħu jwaqqfu d-displejs tan-notebook milli jgħaddu għal mod ta’ provvista li tuża inqas enerġija meta ma jkunux qed jintużaw. L-iżgurar li l-iscreen savers ma jkunux attivati fuq il-kompjuters notebook jista’ għalhekk inaqqas l-użu tal-enerġija.

(d)

Fl-istruzzjonijiet għall-utent jew fuq is-sit elettroniku tal-manifattur għandha tkun inkluża informazzjoni li tippermetti lill-utent isir jaf min huwa kkwalifikat biex isewwi u jisservisja l-kompjuter notebook, inklużi d-dettalji tal-kuntatt skont kif ikun xieraq.

(e)

Struzzjonijiet dwar tmiem il-ħajja tal-kompjuters notebook għar-rimi xieraq tagħhom f’siti b’kumditajiet ċiviċi jew permezz ta’ skemi ta’ teħid lura mill-bejjiegħa skont kif ikun applikabbli, li għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(f)

Informazzjoni li l-prodott ingħata l-Ekotikketta tal-UE bi spjega qasira ta’ xi jfisser dan flimkien ma’ indikazzjoni li aktar informazzjoni dwar l-Ekotikketta tista’ tinstab fuq l-indirizz tas-sit elettroniku http://www.ecolabel.eu

(g)

Kwalunkwe manwal(i) ta’ struzzjonijiet/tiswija għandu/għandhom jinkludi/u kontenut irriċiklat u ma għandux/għandhomx jinkludi/u karti bbliċjati bil-kloru.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti u għandu jipprovdi kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet lill-korp kompetenti. Dawn l-Istruzzjonijiet għall-Utent għandhom jiddaħħlu minn qabel fil-kompjuter biex jinqraw mill-utent u għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu aċċessati fuq is-sit elettroniku tal-manifatturi.

Kriterju 10 –   Proprjetajiet ta’ Tiswija għall-Utent

L-applikant għandu jipprovdi struzzjonijiet ċari lill-utent aħħari fil-forma ta’ manwal (f’kopja stampata jew elettronika) sabiex ikunu jistgħu jsiru tiswijiet bażiċi. L-applikant għandu jiżgura li l-partijiet tal-bdil ikunu disponibbli tal-anqas għal ħames snin minn tmiem il-produzzjoni tal-kompjuter notebook.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 11 –   Disinn għaż-żarmar

Il-manifattur għandu juri li l-kompjuter notebook jista’ jiġi żarmat faċilment minn persunal imħarreġ professjonalment bl-użu tal-għodod ġeneralment disponibbli għalih, għal skopijiet ta’ tiswija u bdil tal-partijiet li qdiemu bl-użu, għall-aġġornament ta’ partijiet iktar qodma jew partijiet li ma għadhomx jintużaw, u għal skopijiet ta’ separazzjoni ta’ partijiet u materjali, biex finalment jiġu rriċiklati jew inkella jintużaw mill-ġdid.

Biex ikun iffaċilitat iż-żarmar:

(a)

Partijiet integrali fil-kompjuter notebook għandhom jippermettu ż-żarmar tiegħu, eż. viti, snap-fixes, speċjalment għall-partijiet li jkun fihom sustanzi perikolużi.

(b)

L-unitajiet ta’ ċirkwiti, u/jew komponenti oħrajn li jinkludu metalli prezzjużi, għandhom ikunu jinqalgħu faċilment bl-użu ta’ metodi ta’ separazzjoni manwali kemm mill-prodott sħiħ kif ukoll minn komponenti speċifiċi (bħad-drives) li jinkludu unitajiet bħal dawn sabiex jitjieb l-irkupru ta’ materjal ta’ valur għoli.

(c)

Il-materjali kollha tal-plastik fl-għatat/strutturi ma għandu jkollhom l-ebda kisja tal-wiċċ inkompatibbli mar-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid.

(d)

Il-partijiet tal-plastik għandhom ikunu ta’ polimeru wieħed jew ta’ polimeri kompatibbli għar-riċiklaġġ u għandu jkollhom il-marka ISO11469 rilevanti jekk il-massa tkun akbar minn 25gm.

(e)

Ma għandux jintuża intars tal-metall li ma jistax jiġi sseparat.

(f)

Id-dejta dwar in-natura u l-ammont tas-sustanzi perikolużi fil-kompjuter notebook għandha tinġabar skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/121/KE (8) u s-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi (GHS).

Valutazzjoni u verifika: mal-applikazzjoni għandu jiġi ppreżentat rapport tat-test li jagħti dettalji dwar iż-żarmar tal-kompjuter notebook. Għandu jinkludi dijagramma li tagħti dettalji tal-partijiet tal-kompjuter notebook, li tittikketta l-komponenti prinċipali kif ukoll tidentifika kwalunkwe sustanza perikoluża fil-komponenti. Tista’ tkun jew bil-miktub jew f’format awdjoviżiv. L-informazzjoni dwar is-sustanzi perikolużi għandha tingħata lill-korp kompetenti fil-forma ta’ lista ta’ materjali li tidentifika t-tip ta’ materjal, il-kwantità użata u l-post fejn jinsab.

Kriterju 12 –   Estensjoni tat-tul tal-ħajja

Il-kompjuters notebook għandu jkollhom faċilitajiet li jippermettu dan li ġej:

(i)

Memorja li tista’ tinbidel u li tista’ tiġi aġġornata,

(ii)

Kapaċità ta’ espansjoni: preżenza ta’ mill-anqas tliet interfaċċji tal-USB kif ukoll konnessjoni għal moniter estern.

Il-kompjuter għandu jkun iddisinjat ukoll b’mod li l-komponenti prinċipali (inklużi l-memory drives, is-CPUs u l-kards) ikunu jistgħu jinbidlu u/jew jiġu aġġornati faċilment mill-utent aħħari. Pereżempju bl-użu ta’ struttura għall-komponenti tat-tip snap, slide in/slide out jew cartridge-style.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti lill-korp kompetenti.

Kriterju 13 -   Imballaġġ

Fejn jintużaw kaxxi tal-kartun, dawn għandhom ikunu magħmula minn, tal-anqas, 80 % materjal irriċiklat. Fejn jintużaw il-boroż tal-plastik għall-imballaġġ finali, dawn għandhom ikunu magħmula minn tal-inqas 75 % ta’ materjal irriċiklat jew għandhom ikunu bijodegradabbli jew kompostabbli, skont id-definizzjonijiet ipprovduti mill-EN 13432 jew l-ekwivalenti.

Valutazzjoni u verifika: għandu jiġi pprovdut kampjun tal-imballaġġ tal-prodott mal-applikazzjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-imballaġġ primarju biss, kif iddefinit fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), huwa soġġett għal dan il-kriterju.

Kriterju 14 –   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa għat-test għandha tinkludi t-test li ġej:

“—

Effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija

Iddisinjat biex jiffaċilita r-riċiklaġġ, it-tiswija u l-aġġornar

Retroilluminazzjoni mingħajr merkurju”.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dan ir-rekwiżit, u għandu jipprovdi kopja tal-Ekotikketta hekk kif tidher fuq l-imballaġġ u/jew il-prodott u/jew id-dokumentazzjoni li takkumpanjah lill-korp kompetenti.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Kif iddefiniti fl-ENERGY STAR v5.0 għajr għar-rekwiżit ta’ display sleep

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(5)  Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(6)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(7)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(8)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 850.

(9)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.