26.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2011

dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

(2011/308/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

L-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza ta’ xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li tadatta u swieq ta’ xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-għan li jinkisbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

L-Istrateġija Ewropa 2020 proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni li ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, akkumpanjat minn impjiegi ta’ livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta r-Rikomandazzjoni tiegħu dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (3). Barra minn hekk, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/707/UE tiegħu dwar linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (4) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-linji gwida dwar l-impjiegi”). Dan is-sett ta' linji gwida flimkien jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida integrati rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, u jiggwidaw ukoll l-azzjoni tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-għanijiet fir-rigward tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(3)

Il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010. Il-linji gwida integrati jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri dwar id-definizzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza u f’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(4) ta’ dak it-Trattat. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jiffurmaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

(4)

L-eżami tal-abbozz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri, li jinsab fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011, juri li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin: iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis fil-qgħad strutturali; l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tippromwovi l-kwalità tal-impjieg u t-tagħlim tul il-ħajja; it-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha, u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

(5)

Il-linji gwida dwar l-Impjiegi adottati fl-2010 għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 sabiex jiġi żgurat li tingħata attenzjoni lill-implimentazzjoni tagħhom. Fis-snin intermedjarji, sal-aħħar tal-2014, l-aġġornament tagħhom għandu jkompli jkun strettament limitat.

(6)

L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew meta jiġu biex jimplimentaw il-linji gwida dwar l-impjiegi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/707/UE, b’dan huma miżmuma għall-2011 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

BALOG Z.


(1)  Opinjoni tas-17 ta’ Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU).

(2)  Opinjoni tas-16 ta’ Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU).

(3)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.

(4)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.