26.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2011

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra

(2011/307/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-imsieħba fir-reġjun tal-Mediterran sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim relatat ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

(2)

Dawn in-negozjati twettqu mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-kumitat appuntat taħt l-Artikolu 207 tat-Trattat u fil-qafas tad-direttivi tal-innegozjar maħruġa mill-Kunsill.

(3)

Dawn in-negozjati ġew konklużi u fis-27 ta’ April 2010 ġie inizjalat Ftehim fil-forma ta’ Protokoll (“il-Protokoll”) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (1).

(4)

Il-Protokoll kien iffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Novembru 2010.

(5)

Il-Protokoll ikun konkluż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta’ Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (“il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f’isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 23 tal-Protokoll (2).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.



26.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/3


PROTOKOLL

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

min-naħa waħda,

u

IR-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAL-EĠITTU, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Eġittu”,

min-naħa l-oħra,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

OBJETTIV U AMBITU

Artikolu 1

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-Protokoll

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (għajr l-Artikoli 22, 23 u 24), tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) (1), ħlief fejn espressament stipulat mod ieħor. L-Artikolu 82 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplika għat-tilwim relatat mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2.   Il-proċeduri ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw jekk, 60 jum wara li tilwima tkun tressqet quddiem il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni ma jkunx solva t-tilwima.

3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, tilwima għandha titqies riżolta meta l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jkun ħa deċiżjoni kif previst fl-Artikolu 82.2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jew meta jkun iddikjara li m’għadx hemm tilwima.

KAPITOLU II

KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

Artikolu 3

Konsultazzjonijiet

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe differenza rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jibdew konsultazzjonijiet b’rieda tajba bil-għan li jiksbu soluzzjoni rapida, ġusta u bi qbil reċiproku.

2.   Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-Assoċjazzjoni li tqis applikabbli.

3.   Il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu fi żmien 40 jum mid-data tal-wasla tat-talba u jsiru, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li sar l-ilment dwarha. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 60 jum mid-data tal-wasla tat-talba, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu l-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċedimenti ulterjuri.

4.   Konsultazzjonijiet dwar affarijiet urġenti, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom iseħħu fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

5.   Jekk il-Parti li lilha ssir it-talba ma tweġibx għat-talba għall-konsultazzjonijiet fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jseħħux fl-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu konklużi u ma jkunx intlaħaq ftehim dwar soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

Artikolu 4

Medjazzjoni

1.   Jekk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għand medjatur. Kwalunkwe talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lil-Parti li sar l-ilment dwarha u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” u tiddikjara kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet kif ukoll it-termini tar-referenza għall-medjazzjoni maqbula reċiprokament. Kull Parti timpenja lilha nnifisha biex tagħti kunsiderazzjoni pożittiva lit-talbiet għall-medjazzjoni.

2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta’ individwi li jkunu fil-lista msemmija fl-Artikolu 19 u li mhumiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data tal-wasla tat-talba. Il-medjatur għandu jsejjaħ laqgħa mal-Partijiet mhux qabel 20 jum u mhux aktar tard minn 30 jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta’ kull Parti sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa u jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont kif jidhirlu. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tintwera lil kull waħda mill-Partijiet u titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni mhux aktar tard minn 45 jum wara li jintgħażel.

3.   L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni dwar kif tiġi riżolta t-tilwima b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

4.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw it-termini ta’ skadenza msemmija fil-paragrafu 2. Il-medjatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn it-termini ta’ skadenza wara talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, minħabba diffikultajiet partikolari ffaċċjati mill-Parti kkonċernata jew il-kumplessità tal-każ.

5.   Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b’mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċedimenti ulterjuri.

6.   Jekk il-Partijiet jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jkomplu waqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

7.   Medjatur jista’ jinbidel biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri deskritti fil-paragrafi 18 sa 21 tar-Regoli tal-Proċedura.

KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

TAQSIMA I

Proċedura tal-arbitraġġ

Artikolu 5

Bidu tal-proċedura tal-arbitraġġ

1.   Meta l-Partijiet ma jkunux solvew it-tilwima permezz tal-konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 3, jew permezz tal-medjazzjoni kif previst fl-Artikolu 4, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord tal-arbitraġġ.

2.   It-talba li jitwaqqaf bord tal-arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li sar l-ilment dwarha u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Fit-talba tagħha, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif it-tali miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. It-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ għandu jintalab mhux aktar tard minn 18-il xahar mid-data tal-wasla tat-talba għall-konsultazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Parti li tressaq l-ilment li titlob konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess suġġett fil-ġejjieni.

Artikolu 6

Twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

2.   Fi żmien 15-il jum mid-data meta l-Parti li sar l-ilment dwarha tirċievi t-talba għat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jilħqu ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

3.   Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, biex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tressaq l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li sar l-ilment dwarha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex taġixxi bħala president. Meta l-Partijiet jaqblu dwar membru wieħed jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

4.   Il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien 10 ijiem mit-talba msemmija fil-paragrafu 3 minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

5.   Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

6.   L-arbitri jistgħu jinbidlu biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri deskritti fil-paragrafi 18 sa 21 tar-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 7

Rapport interim tal-bord

Il-bord tal-arbitraġġ għandu joħroġ rapport interim lill-Partijiet li jippreżenta l-fatti kkonstatati, l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet rilevanti u r-raġunament bażiku wara kwalunkwe konstatazzjoni u rakkomandazzjoni li jagħmel, bħala regola ġenerali, sa mhux aktar tard minn 120 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista’ tressaq talba bil-miktub biex il-bord tal-arbitraġġ janalizza elementi speċifiċi tar-rapport interim fi żmien 15-il jum min-notifika tiegħu. Ir-riżultati tad-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu diskussjoni dwar l-argumenti magħmula fl-istadju tal-analiżi interim.

Artikolu 8

Deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu, bħala regola ġenerali, jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 150 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Meta jikkunsidra li din l-iskadenza ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord tal-arbitraġġ irid jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, u jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord jippjana li jikkonkludi l-ħidma tiegħu. Id-deċiżjoni fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun innotifikata aktar tard minn 180 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ.

2.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi l-ħidma tiegħu fi kwalunkwe żmien għal perjodu maqbul mill-Partijiet li ma jaqbiżx it-12-il xahar u għandu jkompli l-ħidma tiegħu fi tmiem dan il-perjodu maqbul fuq talba tal-Parti li tressaq l-ilment. Jekk il-Parti li tressaq l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu maqbul ta’ sospensjoni, il-proċedura għandha tiġi mitmuma. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ huma bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ kull waħda mill-Partijiet f’xi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni.

3.   F’każijiet urġenti, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 75 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jieħu aktar minn 90 jum mit-twaqqif tiegħu. Fi żmien 10 ijiem mit-twaqqif tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk iqisx li l-każ huwa urġenti.

TAQSIMA II

Konformità

Artikolu 9

Konformità mad-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ u l-Bord tal-Appell

Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

Artikolu 10

Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità

1.   Mhux aktar tard minn 30 jum wara li l-Partijiet jirċievu n-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti li tressaq l-ilment u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ għall-konformità (perjodu ta’ żmien raġonevoli), jekk ma tkunx possibbli konformità immedjata.

2.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet rigward il-perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tressaq l-ilment għandha, fi żmien 20 jum mill-wasla tan-notifika magħmula taħt il-paragrafu 1 mill-Parti li sar l-ilment dwarha, titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli. Tali talba għandha tkun innotifikata fl-istess ħin lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

3.   Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli jista’ jkun estiż bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 11

Analiżi ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ.

2.   F’każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta’ kwalunkwe miżura nnotifikata taħt il-paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif tali miżura mhijiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 12

Rimedji temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.   Jekk il-Parti li sar l-ilment dwarha tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura meħuda biex tikseb konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura nnotifikata taħt l-Artikolu 11(1) mhijiex konsistenti mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha, jekk tintalab mill-Parti li tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju.

2.   Jekk ma jintlaħaqx qbil dwar il-kumpens fi żmien 30 jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ taħt l-Artikolu 11 li l-miżura meħuda biex tinkiseb konformità hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tkun intitolata, wara li tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 f’livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni. Il-Parti li tressaq l-ilment tista’ timplimenta s-sospensjoni 15-il jum wara d-data tal-wasla tan-notifika għand il-Parti li sar l-ilment dwarha, sakemm il-Parti li sar l-ilment dwarha ma tkunx talbet arbitraġġ taħt il-paragrafu 3.

3.   Jekk il-Parti li sar l-ilment dwarha tqis li l-livell ta’ sospensjoni m’huwiex ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, hija tista’ titlob, bil-miktub, lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” qabel jiskadi l-perjodu ta’ 15-il jum imsemmi fil-paragrafu 2. Fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikseb, jekk ikun xieraq, l-opinjoni tal-esperti, għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi lill-Partijiet u lill-korp istituzzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet kummerċjali. L-obbligi m’għandhomx ikunu sospiżi qabel ma l-bord tal-arbitraġġ ikun innotifika d-deċiżjoni tiegħu, u kwalunkwe sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

4.   Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tkun applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex issir konformi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif stabbilit taħt l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet jaqblu li jsolvu t-tilwima.

Artikolu 13

Analiżi ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb il-konformità wara s-sospensjoni tal-obbligi

1.   Il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ u dwar it-talba tagħha biex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tressaq l-ilment.

2.   Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tan-notifika, il-Parti li tressaq l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tkun innotifikata fl-istess ħin lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun innotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 45 jum mid-data tal-wasla tat-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb il-konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tiġi mitmuma.

TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 14

Soluzzjoni miftiehma reċiprokament

F’kull waqt, il-Partijiet jistgħu jaslu għal soluzzjoni miftiehma reċiprokament għal tilwima taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnotifikaw lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta’ dan it-tip. Malli jkun innotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-bord għandu jtemm il-ħidma tiegħu u l-proċedura għandha tiġi mitmuma.

Artikolu 15

Regoli tal-Proċedura

1.   Il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim taħt il-Kapitolu III ta’ dan il-Protokoll għandhom ikunu rregolati mir-Regoli tal-Proċedura annessi ma’ dan il-Protokoll.

2.   Kwalunkwe laqgħa tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli tal-Proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

Artikolu 16

Informazzjoni u pariri tekniċi

Fuq talba ta’ xi Parti, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jikseb informazzjoni li jqis xierqa għall-proċediment tal-bord tal-arbitraġġ. B’mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ għandu wkoll id-dritt li jikseb l-opinjoni rilevanti tal-esperti kif iqis li huwa xieraq. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta lill-Partijiet qabel jagħżel tali esperti. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tintwera lil kull waħda mill-Partijiet u titressaq għall-kummenti tagħhom. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi interessati stabbiliti fil-Partijiet huma awtorizzati jressqu komunikazzjonijiet bil-miktub quddiem il-bordijiet tal-arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Proċedura. Tali komunikazzjonijiet għandhom ikunu limitati għall-elementi fattwali tat-tilwima u m’għandhomx jindirizzaw punti ta’ liġi.

Artikolu 17

Regoli tal-interpretazzjoni

Kwalunkwe bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali tal-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 18

Sentenza u deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kwalunkwe deċiżjoni tittieħed b’konsensus. Madankollu, meta deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’konsensus, il-kwistjoni għandha tkun deċiża b’vot maġġoritarju. Madankollu, fl-ebda każ m’għandhom ikunu ppubblikati l-opinjonijiet tal-arbitri li ma jaqblux.

2.   Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet u m’għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tippreżenta l-fatti kkonstatati, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-kunċett bażiku wara kwalunkwe konstatazzjoni u konklużjoni li tagħmel. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk sabiex jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 19

Listi ta’ arbitri

1.   Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dhul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi biex iservu ta’ arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll mill-inqas ħames individwi li mhumiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet u li għandhom jaġixxu bħala president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu jiżgura li l-lista tinżamm dejjem f’dan il-livell.

2.   L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza tal-liġi u l-kummerċ internazzjonali. Huma għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċijtiaet individwali tagħhom u m’għandhomx jieħdu struzzjonijiet minn xi organizzazzjoni jew gvern, jew ikunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma’ dan il-Protokoll.

3.   Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” jista’ jistabbilixxi listi addizzjonali ta’ mill-inqas 15-il individwu li jkollhom tagħrif espert settorjali f’affarijiet speċifiċi koperti minn dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6(2), il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” jistgħu jużaw lista settorjali bil-qbil taż-żewġ Partijiet.

4.   Jekk il-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx stabbilita meta ssir talba għal medjazzjoni jew għat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ, l-arbitri għandhom jintgħażlu bix-xorti mill-individwi li jkunu ġew proposti formalment minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet. L-individwi proposti għal president tal-bord tal-arbitraġġ jew medjatur ma jistgħux ikunu ċittadini ta’ waħda mill-Partijiet.

Artikolu 20

Ir-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

1.   Meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu taħt il-Ftehim tad-WTO, hija għandha tirrikorri għar-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, li japplikaw minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.   Meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu li jaqa’ fil-firxa ta’ dan il-Ftehim kif iddefinit fl-Artikolu 2, hija għandha tagħmel rikors għar-regoli u l-proċeduri ta’ dan il-Ftehim.

3.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu li jaqa’ fil-firxa ta’ dan il-Ftehim kif iddefinit fl-Artikolu 2, li huwa ekwivalenti fis-sustanza għal obbligu taħt id-WTO, hija għandha tirrikorri għar-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, li japplikaw minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

4.   Ladarba jkunu nbdew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-forum magħżul skont il-paragrafi ta’ hawn fuq, jekk ma jkunx irrinunzja l-ġurisdizzjoni tiegħu, għandu jintuża għall-esklużjoni tal-ieħor.

5.   F’dan il-Ftehim, xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospensjoni tal-obbligi awtorizzati mill-Korp tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim tad-WTO m’għandux ikun invokat biex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 21

Termini ta’ skadenza

1.   It-termini ta’ skadenza kollha stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti għall-bordijiet tal-arbitraġġ biex jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jirreferu għalih.

2.   Kwalunkwe limitu taż-żmien imsemmi f’dan il-Protokoll jista’ jkun estiż bil-ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw lilhom infushom biex jagħtu kunsiderazzjoni pożittiva lit-talbiet għal estenzjonijiet ta’ kwalunkwe limitu taż-żmien minħabba diffikultajiet iffaċċjati minn kwalunkwe Parti biex tikkonforma mal-proċeduri ta’ dan il-Protokoll. Fuq talba ta’ Parti, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jestendi t-termini ta’ skadenza applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta’ żvilupp tal-Partijiet.

Artikolu 22

Reviżjoni u modifika tal-Protokoll

1.   Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom, bil-għan li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

2.   F’din ir-reviżjoni, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jqis il-possibilità li joħloq Korp tal-Appell komuni għal għadd ta’ Ftehimiet Ewro-Mediterranji.

3.   Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom stess. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu jkunu tlestew.

Magħmul fi Brussell, fil-ħdax-il jum ta’ Novembru tas-sena elfejn u għaxra, f’żewġ kopji, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u Għarbija, kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

За Арабска република Египет

Por la República Árabe de Egipto

Za Egyptskou arabskou republiku

For Den Arabiske Republik Egypten

Für die Arabische Republik Ägypten

Egiptuse Araabia Vabariigi nimel

Για την Αραβική Δημοκρατία της Αιγύπτου

For the Arab Republic of Egypt

Pour la République arabe d'Égypte

Per la Repubblica araba d'Egitto

Ēģiptes Arābu Republikas vārdā –

Egipto Arabų Respublikos vardu

Az Egyiptomi Arab Köztársaság részéről

Għar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

Voor de Arabische Republiek Egypte

W imieniu Arabskiej Republiki Egiptu

Pela República Árabe do Egipto

Pentru Republica Arabă Egipt

Za Arabsko republiko Egipt

Za Egyptskú arabskú republiku

Egyptin arabitasavallan puolesta

På Arabrepubliken Egyptens vägnar

Image

Image


(1)  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tal-Protokoll li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.


ANNESSI

ANNESS I

:

REGOLI TAL-PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

ANNESS II

:

KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI