|
17.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 129/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Mejju 2011
dwar revoka tad-Deċiżjoni 2003/796/KE dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass
(2011/280/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE (1) stabbilixxiet Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass biex jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn entitatijiet regolatorji fl-Istati Membri, u bejn dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni, bil-għan li jiġi kkonsolidat is-suq intern u tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (2), id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (3), u r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (4). |
|
(2) |
Sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet nazzjonali regolatorji u biex jingħata kontribut akbar għat-tħaddim effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku u l-gass naturali, ġiet stabbilita Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija permezz tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(3) |
L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tipprovdi qafas li fih jistgħu jikkooperaw l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, u jwettqu ħidmiet simili għal dawk attwalment imwettqa mill-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass. Billi l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija se tkompli l-ħidma mwettqa mill-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass fi ħdan il-qafas ta’ governanza aktar effikaċi, huwa għalhekk xieraq li d-Deċiżjoni 2003/796/KE tiġi rrevokata. |
|
(4) |
Sabiex ikun żgurat li l-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass ikun jista’ jiffinalizza bosta proġetti pendenti, il-Grupp Ewropew Regolatorju għall-Elettriku u l-Gass ma għandux ixolji qabel l-1 ta’ Lulju 2011, sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2003/796/KE hija rrevokata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2011.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34.
(2) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.
(3) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.