10.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 121/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/273/PESK
tad-9 ta' Mejju 2011
dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' April 2011, l-Unjoni Ewropea esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fis-Sirja u l-iskjerament ta' forzi militari u ta' sigurtà f'għadd ta' bliet Sirjani. |
(2) |
L-Unjoni kkundannat bil-qawwa r-repressjoni vjolenti, inkluż permezz tal-użu ta' munizzjon attiv, ta' protesti paċifiċi f'lokalitajiet differenti madwar is-Sirja li wasslet għall-mewt ta' diversi dimostranti, il-feriment ta' persuni u detenzjonijiet arbitrarji, u appellat lill-forzi tas-sigurtà tas-Sirja biex jeżerċitaw trażżin minflok repressjoni. |
(3) |
Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra s-Sirja u kontra l-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. |
(4) |
Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmijin hawn fuq, kif ukoll tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna, lis-Sirja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew l-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru bil-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.
2. Għandu jiġi pprojbit:
(a) |
il-provvista, b'mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jew relatati mal-provvista, il-manifatturar, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fis-Sirja; |
(b) |
il-provvista, b'mod dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-provvista ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fis-Sirja; |
(c) |
il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet, li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b). |
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:
(a) |
il-forniment u l-għajnuna teknika maħsuba unikament għas-sostenn ta' jew l-użu mill-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn (UNDOF); |
(b) |
il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari li ma joqtolx jew ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għall-programmi għall-bini tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Unjoni Ewropea, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-NU ta’ maniġġar ta’ kriżijiet; |
(c) |
il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ vetturi mhux tal-ġlied li ġew manifatturati jew mgħammra b’materjali biex jipprovdu protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fis-Sirja; |
(d) |
il-provvista ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn relatati ma’ tali tagħmir, jew ma’ tali programmi u operazzjonijiet; |
(e) |
il-provvista ta’ finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma’ tali tagħmir jew ma’ tali programmi u operazzjonijiet; |
bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet u għajnuna jkunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti.
2. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sirja minn persunal tan-NU, persunal tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.
Artikolu 3
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorji tagħhom tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:
(a) |
bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali; |
(b) |
bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-NU, jew taħt l-awspiċju tagħha; |
(c) |
taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew |
(d) |
taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja. |
4. Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fis-Sirja.
7. Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tiġi rċevuta l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
8. Fil-każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul, jew it-transitu, fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.
Artikolu 4
1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti fuq il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u l-entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Anness.
3. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:
(a) |
meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi; |
(b) |
maħsuba esklussivament għall-pagament ta’ onorarji professjonali raġjonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali; |
(c) |
maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew |
(d) |
meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni. |
Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti taħt dan il-paragrafu.
4. B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika jew entità msemmija fl-Artikolu 4(1) tkun ġiet inkluża fl-Anness jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data; |
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklussivament sabiex jintlaħqu l-pretensjonijiet żgurati minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet; |
(c) |
il-garanzija jew is-sentenza mhijiex għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew entità elenkati fl-Anness; u |
(d) |
ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat. |
Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.
5. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità nominata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel l-elenkar ta' tali persuna jew entità, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.
6. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:
(a) |
imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew |
(b) |
pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehim jew obbligi li kienu ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dawn il-kontijiet saru soġġetti għal din id-Deċiżjoni, |
bil-kondizzjoni li kwalunkwe mgħax, dħul u pagamenti oħrajn bħal dawn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.
Artikolu 5
1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz tagħha huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdi lill-persuna jew l-entità bil-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.
Artikolu 6
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati.
2. L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.
Artikolu 7
Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk imniżżla f’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perijodu ta’ 12-il xahar. Hija għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
MARTONYI J.
ANNESS
Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4
Persuni
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
1. |
Maher Al-Assad |
twieled fit-08.12.1967; Nru tal-passaport diplomatiku: 4138 |
Kap tar-4 diviżjoni tal-armata, membru tal-kmand ċentrali ta' Baath, direttur spiritwali tal-Gwardja repubblikana; implimentatur prinċipali tar-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
2. |
Ali Mamlouk |
twieled fid-19.02.1946 f'Damas; Nru tal-passaport diplomatiku: 983 |
Kap tal-intelligence ġenerali; kap tal-intelligence Sirjana mill-2005; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
3. |
Mohammad Ibrahim Al-Chaar |
|
Ministru tal-Intern tal-Gvern; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
4. |
Atef Najib |
|
Direttur preċedenti tas-sigurtà politika f'Deraa; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
5. |
Hafez Makhlouf |
twieled fit-02.04.1971 f'Damas; Nru tal-passaport diplomatiku: 2246 |
Kurunell bi tmexxija ta' unità fi ħdan l-intelligence ġenerali (General Intelligence Directorate Damascus Branch); qrib Maher al-Assad; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
6. |
Mohammed Dib Zeitoun |
|
Kap tas-sigurtà politika; involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
7. |
Amjad Al-Abbas |
|
Kap tas-sigurtà politika f'Banyas, involviment fir-ripressjoni kontra d-dimostranti f'Baida. |
09.05.2011 |
8. |
Rami Makhlouf |
twieled fl-10.07.1969 f'Damas, Nru tal-passaport 454224 |
Kummerċjant Sirjan. Persuna assoċjata ma' Maher Al-Assad; jiffinanzja r-reġim u jippermetti r-ripressjoni kontra d-dimostranti. |
09.05.2011 |
9. |
Abd Al-Fatah Qudsiyah |
|
Kap tal-Intelligence Militari Sirjana u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili. |
09.05.2011 |
10. |
Jamil Hassan |
|
Kap tal-Intelligence tal-Forza tal-Ajru Sirjana u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili. |
09.05.2011 |
11. |
Rustum Ghazali |
|
Kap tal-Intelligence Militari Sirjana tal-Fergħa tal-Kampanja ta' Damasku u bħala tali involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili. |
09.05.2011 |
12. |
Fawwaz Al-Assad |
|
Involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili bħala parti mill-milizzja ta' Shabiha. |
09.05.2011 |
13. |
Mundir Al-Assad |
|
Involut fir-ripressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili bħala parti mill-milizzja ta' Shabiha. |
09.05.2011 |